Imputati (proċeduri kriminali)

Malta

Investigazzjoni kriminali tista’ sseħħ wara rapport minn uffiċjal pubbliku, tagħrif ipprovdut mill-pubbliku ġenerali jew kwerela minn parti li ġarbet danni. Investigazzjoni tista’ sseħħ ukoll jekk persuna tinqabad fl-att waqt li qiegħda twettaq delitt.

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

X’inhuma l-istadji differenti qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Investigazzjoni

Il-pulizija tista’ tistaqsi lill-persuna sabiex tmur l-għassa tal-pulizija sabiex twieġeb xi mistoqsijiet. L-iskop ta’ dan l-istadju huwa sabiex jinstab jekk hemmx biżżejjed provi li jissuġġerixxu li persuna, mhux bilfors dik li tkun qiegħda tiġi interrogata, kienet involuta f’delitt.

Arrest

Jekk il-pulizija temmen li hemm biżżejjed provi li jissuġġerixxu li persuna kienet involuta f’delitt, din il-persuna tkun tista’ tiġi arrestata sabiex il-pulizija żżommha għal perjodu ta’ żmien u tinterrogaha b’mod uffiċjali. L-iskop ta’ dan l-istadju huwa sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-persuna tistax tiġi akkużata b’delitt.

L-ewwel seduta tal-qorti

Jekk persuna tiġi akkużata b’delitt, titressaq il-Qorti u jinqrawlha l-akkużi tagħha. Jekk titressaq taħt arrest, il-Qorti l-ewwel tiddeċiedi dwar jekk hemmx bażi legali biex tkompli tinżamm taħt arrest u mbagħad tgħarraf lill-persuna li din tista’ titlob garanzija.

Qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali

Qabel ma l-każ jispiċċa fi proċess quddiem il-qorti kriminali, il-prosekuzzjoni trid tiġbor u tipprovdi kull prova favur u kontra l-akkużat. F’każijiet iktar serji, il-prosekuzzjoni trid iġġib biżżejjed provi sabiex turi lill-Qorti li hemm każ sod kontra l-persuna akkużata.

Il-prosekuzzjoni, li f’dan l-istadju titmexxa mill-pulizija, ma għandha l-ebda obbligu li xxandar xi tagħrif dwar x’inhuma l-provi għall-każ tagħha. Ma għandha l-ebda obbligu li tgħarraf lill-persuna akkużata jew lill-avukat tagħha dwar il-każ tagħha u xi provi għandha. L-avukat tal-persuna akkużata jista’ jaħdem mal-persuna akkużata sabiex jiġbor provi għall-każ tagħhom stess.

Ġeneralment, ikun hemm għadd ta’ seduti preliminari qabel ma jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt għal iktar tagħrif dettaljat dwar l-istadji tal-investigazzjoni qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Investigazzjoni (1)

X’jistgħu jkunu r-raġunijiet għalfejn il-pulizija trid tinterrogani?

Jekk il-pulizija taħseb li inti kont involut b’xi mod f’delitt, jew li inti tista’ tgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha, tista’ tistiednek tassistiha fl-inkjesti tagħha u sabiex twieġeb għadd ta’ mistoqsijiet.

X’jgħiduli dwar id-drittijiet tiegħi?

Il-pulizija ma għandhiex tinterrogak bil-għan li tikseb provi, sakemm ma tkunx avżatek, jiġifieri qaltlek dwar id-drittijiet tiegħek.

Fejn, matul investigazzjoni, inti tmur minn jeddek f’għassa jew uffiċċju tal-pulizija, inti tkun ħieles li titlaq fi kwalunkwe mument, sakemm ma tiġix infurmat li inti taħt arrest.

X’jiġri jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Jekk ma tifhimx il-lingwa, il-pulizija ġġib interpretu għalik. L-interpretu jkun bla ħlas. L-interpretu għandu jittraduċi l-avviż, il-mistoqsijiet tal-pulizija u t-tweġibiet tiegħek.

Jista’ jkolli avukat?

Ma għandekx id-dritt li jkollok avukat matul l-interrogazzjoni. Madankollu, għandek id-dritt li titkellem ma’ avukat għal siegħa qabel l-interrogazzjoni. Jekk teħtieġ interpretu, dan għandu jittraduċi wkoll il-konverżazzjoni mal-avukat tiegħek għalik.

Jekk taf isem l-avukat, tista’ titlob lill-pulizija sabiex tikkuntattjah għalik. Jekk ma taf l-ebda avukat, il-pulizija tipprovdilek lista ta’ avukati pprovduta mill-Kamra tal-Avukati u tista’ tagħżel avukat minn dik il-lista. Jekk ma tiflaħx tħallas għal avukat, il-pulizija tikkuntattja avukat tal-għassa għalik. L-avukat tal-għassa huwa disponibbli 24 siegħa kuljum. Għal iktar tagħrif, ara Kif tikseb parir legali.

Bilfors irrid inwieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija?

Għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Kull ħaġa li tgħid tista’ tiġi rreġistrata u tintuża matul il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Madankollu, jekk tixtieq twieġeb il-mistoqsijiet, jista’ jkun fl-interess tiegħek li tagħmel dan. Jekk tagħżel li tikkonsulta avukat u mbagħad tħaddem id-dritt tiegħek li tibqa’ sieket, silenzju bħal dan jista’ jitqies bħala korroborazzjoni ta’ kwalunkwe prova ta’ ħtija.

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuqi jew nintalab nipprovdi kampjuni jew marki tas-swaba’?

Jekk ma ġejtx arrestat, il-kampjuni jistgħu jittieħdu mingħandek biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tiegħek. Jekk ġejt arrestat, kampjuni intimi jew mhux intimi jistgħu jittieħdu biss jekk jingħata kunsens xieraq. Jekk tirrifjuta li tagħti kampjuni mhux intimi (eż. marki tas-swaba’), tista’ tkun obbligat tagħmel dan fuq ordni minn Maġistrat.

Arrest (2)

Għalfejn jista’ jsir arrest?

Kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija jista’ jarresta mingħajr mandat lil kwalunkwe persuna li tkun qiegħda twettaq jew li tkun għadha kif wettqet delitt punibbli bi priġunerija, jew jekk jissuspetta b’mod raġonevoli li persuna sejra twettaq jew li għadha kif wettqet delitt bħal dan.

Il-pulizija tista’ tarresta persuna jekk:

  • l-identità tal-persuna ma tkunx magħrufa;
  • ikun hemm dubju dwar jekk id-dettalji pprovduti minnha humiex veri;
  • il-persuna ma tipprovdix indirizz sodisfaċenti għan-notifika;
  • hemm bżonn li din tinżamm milli tikkawża dannu fiżiku lilha nnifisha jew lil xi persuna oħra jew milli tikkawża telf ta’ jew ħsara fuq propjetà;
  • hemm bżonn li tinżamm milli twettaq reat kontra d-diċenza pubblika;
  • jekk ikun hemm raġunijiet validi għalfejn il-pulizija temmen li l-arrest huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti tfal jew kwalunkwe persuna oħra vulnerabbli.

X’jgħiduli dwar l-arrest tiegħi?

Jekk tiġi arrestat, trid tiġi mgħarraf li inti tinsab taħt arrest, anki jekk l-arrest ikun ovvju. Ir-raġunijiet għall-arrest tiegħek ukoll iridu jiġu spjegati. Il-persuna li twettaq l-arrest ma tistax tuża guffaġni, irbit jew mezzi oħra ta’ restrizzjoni sakemm dan ma jkunx indispensabbli għall-arrest tiegħek, jew sakemm dan ma jkunx meħtieġ għax inti tirreżisti l-arrest.

Ma nitkellimx il-lingwa lokali. Jista’ jkolli interpretu?

Jekk ma tifhimx il-lingwa lokali, il-pulizija trid tipprovdilek interpretu u ma tistax tinterrogak sakemm ikun hemm l-interpretu preżenti.

Nista’ nkellem avukat?

Kull persuna arrestata għandha d-dritt għal parir legali mill-avukat tal-għassa. Madankollu, il-parir legali huwa limitat għal siegħa qabel l-interrogazzjoni. Il-pulizija tikkuntattja avukat f’ismek. Għal iktar tagħrif, ara l-Investigazzjoni (3). Tista’ anki tikseb parir fuq it-telefon.

Għandek id-dritt li tikkonsulta avukat fil-privat. Jekk teħtieġ interpretu, dan irid ikun preżenti meta tkellem lill-avukat tiegħek kif ukoll meta tkellem lill-pulizija.

Bilfors irrid inwieġeb il-mistoqsijiet tal-pulizija?

Għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Kull ħaġa li tgħid tista’ tiġi rreġistrata u tintuża matul il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Jekk tagħżel li tikkonsulta avukat u mbagħad tħaddem id-dritt tiegħek li tibqa’ sieket, silenzju bħal dan jista’ jitqies bħala korroborazzjoni ta’ kwalunkwe prova ta’ ħtija.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa ħażina għall-każ tiegħi?

Għandek dritt bażiku li ma tinkriminax lilek innifsek u tiġi avżat li għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Tiġi mwissi wkoll dwar il-konsegwenzi jekk ma teżerċitax id-dritt tiegħek li tibqa’ sieket. Dan ifisser li inti m’intix meħtieġ tagħti tagħrif lill-pulizija li jista’ juri li inti ħati.

Xejn ma jista’ jiġi dedott min-nuqqas tiegħek li tispjega ċerti dettalji bħal għalfejn kont f’post partikolari f’ħin partikolari, jew għalfejn kellek ċerti oġġetti fil-pussess tiegħek. Madankollu, jekk tonqos milli tispjega spjegazzjonijiet bħal dawn hemm ir-riskju li jitħalla effett negattiv fuq il-każ tiegħek.

Nista’ nikkuntattja ħabib jew membru familjari?

Il-Pulizija għandha d-dmir li tgħarrfek mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tiegħek li titlob li persuna qariba jew ħabib tiegħek jiġu mgħarrfa bl-arrest tiegħek u fejn tinsab, ħlief fil-każ fejn din il-persuna qariba jew il-ħabib ikunu raġonevolment suspettati li huma involuti fir-reat li qiegħed jiġi investigat.

Jien minn Stat Membru ieħor. Nista’ nikkuntattja l-Ambaxxata tiegħi?

Is-soltu l-Pulizija tissuġġerixxilek jew tirrakkomandalek li tikkuntattja l-Ambaxxata tiegħek sabiex tkun innotifikata dwar l-arrest tiegħek u r-raġunijiet għal dan u tirrakkomanda avukat jekk tkun teħtieġ wieħed.

Jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħi? Jista’ jiġi rreġistrat id-DNA tiegħi?

Il-marki tas-swaba’ tiegħek jistgħu jittieħdu u d-DNA tiegħek jista’ jiġi rreġistrat jekk inti tagħti l-kunsens xieraq. Madankollu, jekk tirrifjuta li tagħti l-marki tas-swaba’ tiegħek, tista’ tkun obbligat li tagħmel dan fuq ordni minn Maġistrat. Madankollu, ma jistax ikun hemm obbligu sabiex jiġi rreġistrat id-DNA tiegħek.

Jista’ jkun hemm perkwiżizzjoni fuq il-ġisem?

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuqek minn uffiċjal tal-pulizija jekk dan ikollu raġunijiet validi għalfejn jissuspetta li inti tista’ tkun ta’ periklu għalik innifsek jew għal ħaddieħor, li għandek xi ħaġa li tista’ tuża sabiex taħrab mill-kustodja u jista’ jfittex ukoll għal kwalunkwe ħaġa li tista’ sservi ta’ prova relatata ma’ reat.

Meta l-uffiċjal li jarrestak ikollu suspett raġonevoli li inti ħbejt oġġett relatat ma’ reat, jista’ jitlob lil Maġistrat sabiex jordna perkwiżizzjoni intima fuqek. Il-Maġistrat jaħtar espert tal-istess sess tiegħek sabiex iwettaq il-perkwiżizzjoni jew inkella jaħtar, bil-kunsens minn qabel tiegħek, lil kwalunkwe professjonist fil-mediċina sabiex iwettaq il-perkwiżizzjoni.

Għall kemm żmien ninżamm taħt arrest mill-pulizija?

Wara li tkun ġejt arrestat, tista’ tinżamm sa tmienja u erbgħin (48) siegħa. Jekk ma tkunx ġejt illiberat sa sitt sigħat mill-arrest tiegħek, l-uffiċjal li arrestak irid jgħarraf lill-Maġistrat, billi jagħti d-dettalji kollha dwar il-ħin u l-post tal-arrest tiegħek. Wara tmienja u erbgħin siegħa, il-pulizija trid takkużak b’delitt, tilliberak b’garanzija jew tilliberak mingħajr kundizzjonijiet.

X’jiġri jekk niġi arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk jinħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew minn Stat Membru wieħed, tista’ tiġi arrestat fi Stat Membru ieħor u tintbagħat lura lejn il-pajjiż ikkonċernat wara seduta quddiem Maġistrat. Inti intitolat li jkollok avukat u interpretu jekk teħtieġ wieħed.

L-ewwel seduta tal-qorti (3)

Għalfejn issir l-ewwel seduta?

Hemm żewġ sitwazzjonijiet differenti:

  • Jekk tkun ġejt arrestat u tinsab f’kustodja tal-pulizija, l-iskop tal-ewwel seduta tal-qorti huwa sabiex jinqraw l-akkużi. Imbagħad, l-ewwel nett il-Qorti tiddeċiedi jekk hemmx bażi legali biex tkompli tinżamm taħt arrest preventiv u mbagħad tgħarrfek li tista’ titlob libertà proviżorja;
  • Jekk tkun ġejt akkużat iżda ma tkunx f’kustodja tal-pulizija, l-iskop tal-ewwel seduta huwa li jinqraw l-akkużi tiegħek u li jinstemgħu l-provi li jsostnu l-akkużi miġjuba mill-prosekuzzjoni.

Jekk inti tkun miżmum taħt kustodja tal-pulizija, trid tidher quddiem qorti malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġejt akkużat sabiex tisma’ l-provi li jsostnu l-akkużi miġjuba kontrik mill-prosekuzzjoni u sabiex tiddeċiedi jekk għandekx tingħata libertà proviżorja.

Jekk m’intix taħt kustodja, tiġi notifikat dwar l-akkużi u d-data ta’ meta trid tidher fil-qorti għall-ewwel seduta.

Għandi dritt għal avukat?

Meta tidher fil-qorti, għandek dritt għal avukat tal-għażla tiegħek. Jekk ma tiflaħx tħallas għal avukat, l-Istat jipprovdilek assistenza legali. Għal iktar tagħrif, ara Kif tikseb parir legali.

Jiġi pprovdut interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Jekk ma tifhimx il-lingwa Maltija iżda titkellem bl-Ingliż, il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir bl-Ingliż. Jekk ma tifhimx l-Ingliż, il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir bil-Malti u jinħatar interpretu sabiex jassistik. Is-servizzi ta’ interpretu huma mingħajr ħlas.

Bilfors irrid nitkellem fil-qorti?

Għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Madankollu, tiġi mistoqsi jekk intix ħati jew mhux ħati tal-akkużi. L-avukat tiegħek jagħtik parir dwar x’għandek tgħid.

Irrid nagħti xi tagħrif ieħor?

Qabel ma titkellem dwar il-kwistjoni ġenerali jekk intix ħati jew mhux ħati, tiġi mistoqsi mingħajr ġurament xi mistoqsijiet bażiċi li jirrigwardaw l-iktar l-identità u l-post ta’ residenza tiegħek.

Wara s-seduta niġi lliberat jew ninżamm taħt arrest preventiv?

Matul is-seduta, il-qorti tiddeċiedi jekk għandekx tingħata l-libertà proviżorja jew le.

Is-soltu, jekk ma jkollokx kondotta ħażina, u ma tkunx ta’ riskju għas-soċjetà, inti tingħata l-libertà proviżorja, taħt ċerti kundizzjonijiet. Jekk il-qorti tiddeċiedi li ma tagħtix il-libertà proviżorja, tittieħed il-ħabs sas-seduta li jmiss fejn tista’ terġa’ titlob il-libertà proviżorja. Il-qorti ma tistax tiddeċiedi li ma tagħtikx il-libertà proviżorja sakemm jibda l-proċess quddiem il-qorti kriminali. Tista’ titlob il-libertà proviżorja fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri.

Jekk inti persuna barranija, is-soltu l-qorti ma tagħtikx libertà proviżorja sakemm ma jkollokx indirizz fiss.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk tagħti garanzija suffiċjenti li ser tiġi lura għall-proċess quddiem il-qorti kriminali, inti titħalla titlaq mill-pajjiż iżda tkun trid tiġi lura għal kull seduta tal-qorti. Jekk tonqos milli tattendi xi waħda mis-seduti, jinħareġ mandat ta’ arrest mill-ġdid kontrik. Tista’ tiġi akkużat ukoll bir-reat ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. F’ħafna każijiet, waħda mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tkun li inti ma tistax titlaq mill-pajjiż, iżda din il-kundizzjoni tista’ tinbidel f’xi stadju sussegwenti tal-proċeduri.

Tħejjija tal-każ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali (4)

X’jiġri qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-perjodu ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali, l-Avukat Ġenerali jiġbor il-provi kollha fil-każ sabiex jiżgura li l-każ ikun b’saħħtu biżżejjed sabiex jiġġustifika l-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-provi jinġabru matul il-kumpilazzjoni tal-provi. Inti tkun preżenti f’dan l-istadju tal-proċeduri u tista’ tiġi assistit mill-avukat tiegħek. Tista’ teżamina l-provi billi tagħmel kontro-eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni u tista’ anki tippreżenta l-provi tiegħek.

Il-każ dejjem jgħaddi għal proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-Qorti tal-Maġistrati li tagħmel il-kumpilazzjoni tal-provi tista’ tiddeċiedi li ma jkun hemm l-ebda każ u mbagħad tilliberak. Jekk tiġi lliberat u l-Avukat Ġenerali ma jaqbilx mas-sejbiet tal-Qorti, fi żmien xahar dan jista’ jitlob lill-Qorti Kriminali sabiex inti terġa’ tiġi arrestat. Jekk il-Qorti tal-Maġistrati taqtagħha li trid tiġi pproċessat, l-Avukat Ġeneral jista' xorta waħda jordna li tiġi lliberat. Il-liġi ma tipprovdix alternattiva għal proċess quddiem il-qorti kriminali.

Nista’ nammetti l-ħtija qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Tista’ tammetti l-ħtija wara li titressaq u jekk il-piena għall-akkuża miġjuba kontrik ma tkunx taqbeż l-għaxar snin priġunerija, il-Qorti tal-Maġistrati tkompli sabiex taqta’ s-sentenza. Din is-sentenza, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet, tidher fuq il-kondotta tiegħek.

Jekk tammetti l-ħtija għall-akkuża quddiem il-Qorti Kriminali, ma tiġix iffurmata ġurija u l-Qorti taqta’ s-sentenza.

L-akkużi miġjuba kontrija jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Huwa possibbli li l-akkużi jinbidlu qabel ma jseħħ il-proċess quddiem il-qorti kriminali, skont il-provi miġbura fil-kumpliazzjoni tal-provi. L-Avukat Ġenerali jista’ jinkludi fl-akkuża kwalunkwe bidla li tirriżulta mill-kumplikazzjoni tal-provi. Huwa possibbli wkoll li l-provi, jew uħud mill-provi, jaqgħu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’tip ta’ provi tiġbor il-prosekuzzjoni?

Il-prosekuzzjoni tinterroga xhieda fil-każ u tiġbor ukoll provi fiżiċi u forensiċi. Pereżempju, il-prosekuzzjoni tista’ tiġbor dokumenti mid-dar jew mill-post tax-xogħol tiegħek. Il-Qorti tal-Maġistrati tista’ tordna kwalunkwe inkjesta, tiftix, esperiment jew kwaunkwe ħaġa oħra meħtieġa għall-investigazzjoni sħiħa tal-każ. Il-Qorti tista’ tordna wkoll li ssir perkwiżizzjoni minn esperti fuq xi parti minn ġismek jew ġisem il-persuna li fuqha jew li magħha twettaq id-delitt, jekk tkun tal-fehma li eżami bħal dan ikun rilevanti għall-każ.

Nista’ nwaqqaf lill-prosekuzzjoni milli tiġbor ċerti provi?

Il-kumpilazzjoni tal-provi mhijiex l-istadju xieraq tal-proċeduri sabiex tiġi diskussa l-ammissibbiltà tal-provi. Għandek limitu ta’ żmien li jibda mid-data li fiha tirċievi l-akkuża sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tal-provi li l-prosekuzzjoni jkun beħsieba tipproduċi. Madankollu, jekk il-provi jkunu ferm inammissibbli, il-Qorti tal-Maġistrati tista’ tikkunsidra li ma tippermettihomx.

Meta nsir naf x’inhuma l-provi kontrija?

Tkun preżenti mal-avukat tiegħek matul il-kumpilazzjoni tal-provi u jkollok l-opportunità li tagħmel kontro-eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni u tara l-provi fiżiċi.

X’jiġri jekk ngħix fi Stat Membru ieħor?

Jekk titħalla tmur lura lejn pajjiżek, trid tiġi lura għas-seduta tal-qorti qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess delitt?

Kemm jekk tiġi kkundannat jew tiġi lliberat, ma tistax terġa’ tiġi pproċessat għall-istess delitt. Madankollu, din hija deċiżjoni tal-Qorti li quddiemha jsir il-proċess peress li l-Qorti tal-Maġistrati li tmexxi l-kumpilazzjoni tal-provi hija espressivament ipprojbita milli tieħu deċiżjoni dwar jekk intix qiegħed tiġi pproċessat mill-ġdid għal delitt li diġà ġejt ipproċessat għalih.

Tħejjija tal-każ mid-difiża (5)

X’jiġri qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, il-prosekuzzjoni tiġbor u tikkonkludi l-provi tagħha qabel ma tħejji l-każ tiegħek. Tista’ tagħmel kontro-eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni meta dawn jinġiebu jew tista’ tirriżerva d-dritt tiegħek li tagħmlilhom kontro-eżami iktar tard.

Jekk il-proċess isir quddiem il-Qorti Kriminali, fejn il-proċeduri jkunu solenni, trid tħejji l-lista tiegħek ta’ xhieda u kwalunkwe eċċezzjoniijet preliminari oħrajn fi ħdan limitu ta’ żmien stipulat li jibda mid-data li fiha tirċievi l-att ta’ akkuża.

Meta rrid nipprepara d-difiża tiegħi?

Ma għandek l-ebda limiti ta’ żmien speċifiċi sabiex tħejji d-difiża tiegħek fi proċess quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Meta l-prosekuzzjoni ttemm il-każ tagħha, inti tingħata data sabiex tibda d-difiża tiegħek. M’intix meħtieġ tikkonkludi d-difiża tiegħek f’seduta waħda.

Meta tirċievi att ta’ akkuża għal proċess quddiem il-Qorti Kriminali, tista’, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol, tagħti avviż dwar kwalunkwe eċċezzjoni preliminari u tindika x-xhieda u tipproduċi dokumenti u provi oħrajn li tkun beħsiebek tuża fil-proċess quddiem il-Qorti Kriminali. Dan huwa limitu ta’ żmien perentorju u huwa rrakkomandat li tkellem avukat hekk kif tirċievi l-att ta’ akkuża.

Ningħata tagħrif dwar ix-xhieda u provi oħra kontrija?

Fil-każ ta’ proċess quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ix-xhieda għall-prosekuzzjoni jinstemgħu u l-provi jiġu pprovduti fil-preżenza tiegħek. Qabel ma tħejji d-difiża tiegħek, tista’ titlob anki kopja tal-atti proċedurali li jinkludu t-traskrizzjonijiet tal-provi u l-kopji ta’ provi oħrajn ipprovduti.

Fil-każ ta’ proċess quddiem il-Qorti Kriminali, l-Avukat Ġenerali jrid jippreżenta l-atti proċedurali flimkien ma’ lista ta’ xhieda u dokumenti li jkun beħsiebu jipproduċi fil-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali. Tiġi nnotifikat bil-lista ta’ xhieda u d-dokumenti flimkien mal-att ta’ akkuża. Tista’ anki titlob kopja tal-atti proċedurali mir-Reġistru tal-Qorti Kriminali.

Nista’ nwaqqaf lill-prosekuzzjoni milli tiġbor ċerti provi?

F’każijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, tista’ twaqqaf lill-prosekuzzjoni milli tipproduċi provi li huma inammissibbli, jiġifieri mhux legalment permissibbli. Dan jista’ jsir minnufih jew fi kwalunkwe stadju iktar tard tal-proċeduri.

Fejn tiġi ppreżentata akkuża kontrik, jekk jitqajmu eċċezzjonijiet rigward il-provi maħsuba li jiġu pprovduti mill-prosekuzzjoni fi ħdan il-limitu ta’ żmien, il-Qorti Kriminali tagħżel ġurnata għas-smigħ ta’ dawn l-eċċezzjonijiet. Il-Qorti tissospendi l-każ għas-sentenza wara li tisma’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet. Meta tingħata d-deċiżjoni, jekk tixtieq tappella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali trid tippreżenta nota tal-appell immedjatament wara li tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti. Imbagħad ikollok tliet ijiem ta’ xogħol sabiex tippreżenta appell.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess delitt?

Kemm jekk tiġi kkundannat jew illiberat, ma tistax terġa’ tiġi pproċessat għall-istess delitt. L-eċċezzjoni ta’ ne bis in idem tista’ titqajjem fi kwalunkwe stadju quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ħlief matul il-kumpilazzjoni tal-provi.

L-eċċezzjoni ta’ ne bis in idem tista’ titqajjem quddiem il-Qorti Kriminali bħala eċċezzjoni preliminari. Madankollu, din l-eċċezzjoni tista’ titqajjem fi kwalunkwe stadju mill-Qorti stess anki jekk ma ssir l-ebda referenza speċifika għaliha.

Diġà ġejt ipproċessat fi Stat Membru ieħor għal dan id-delitt. X’jiġri?

Il-Qorti tal-Maġistrati jew il-Qorti Kriminali teżamina l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Istat Membru l-ieħor u tilliberak jekk tikkonkludi li d-delitt huwa wieħed li diġà ġejt ikkundannat jew illiberat għalih.

Kemm idum il-proċess?

Proċess quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jsir f’numru ta’ seduti li jistgħu jsiru ġimgħat jew xhur ‘il bogħod minn xulxin.

Ħafna mill-proċessi quddiem il-Qorti Kriminali ma jdumux iktar minn ġimgħa. Madankollu, il-proċessi quddiem il-Qorti Kriminali li jkunu serji jistgħu jdumu iktar minn hekk.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.