Imputati (proċeduri kriminali)

Malta

Reati minuri tat-traffiku, imsemmija kif xieraq bħala ksur jew reati skedati, huma indirizzati b’mod amministrattiv quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

Kif inhuma indirizzati reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Kontravenzjonijiet bħal veloċità eċċessiva u reati relatati mal-parkeġġ huma indirizzati bl-istess mod bħal kif inhuma indirizzati r-reati minuri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Dawn ir-reati jiġu indirizzati minn Kummissarju għall-Ġustizzja.

Tirċievi ċitazzjoni sabiex tidher quddiem Kummissarju. Iċ-ċitazzjoni jkun fiha dikjarazzjoni qasira dwar il-fatti tal-akkuża kif ukoll twissija li jekk tonqos milli tidher, titqies li ammettejt l-akkuża. Iċ-ċitazzjoni tindika wkoll il-multa li jista’ jkollok tħallas jekk tinstab ħati ta’ ksur.

Sa tliet ijiem qabel is-seduta tista’ ttemm l-akkuża billi tħallas il-multa. F’dan il-każ, ma jkollokx għalfejn tidher quddiem il-Kummissarju. Jekk tagħżel li tikkontesta l-akkuża, f’dak il-każ il-proċeduri huma kontenzjużi. Il-prosekuzzjoni tippreżenta l-każ tagħha u mbagħad inti tippreżenta tiegħek. Imbagħad, il-Kummissarju jiddeċiedi dwar jekk wettaqtx ir-reat skedat speċifikat fiċ-ċitazzjoni.

Jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li wettaqt ir-reat skedat, jiddikjarak ħati ta’ ksur u jordnalek tħallas multa li ma taqbiżx l-elf, mija u erbgħa u sittin euro u disgħa u sittin ċenteżmu (€ 1,164.69). Il-multa minima tkun ta’ tlieta u għoxrin euro u disgħa u għoxrin ċenteżmu (€ 23.29). Jekk il-liġi tistipula hekk, il-Kummissarju jista’ wkoll jordna s-sekwestru ta’ kwalunkwe oġġett użat fit-twettiq tar-reat jew/u r-revoka jew is-sospensjoni tal-liċenzja tiegħek minbarra l-multa.

Jistgħu jittieħdu passi għal reati skedati kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jekk tiġi mħarrek. Jekk tiġi mħarrek u ma tidhirx, inti titqies li ammettejt l-akkuża. Inkella, tista’ tawtorizza bil-miktub lil persuna li tiġi minnek mill-qrib jew avukat sabiex jidhru f’ismek.

Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissarju tista’, fi żmien tletin jum mid-deċiżjoni, tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Maġstrati sabiex din id-deċiżjoni tiġi rrevokata jew tinbidel.

Dawn ir-reati jidhru fuq il-kondotta tiegħi?

Dawn il-kontravenzjonijiet ma jidhrux fuq iċ-ċertifikat tal-kondotta tiegħek jew fuq karta tal-kundanni.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.