Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Lussemburgu

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

L-inkjesta u l-investigazzjoni kriminali huma intiżi sabiex jinġabru l-provi relattivi għal reati kriminali mwettqa u sabiex jiġi determinat jekk persuna jew persuni ssuspettati humiex responsabbli għar-reat.

Il-Prosekutur tal-Istat jiftaħ inkjesta preliminari li tingħata lill-Pulizija, li jinterrogaw lill-awturi possibbli tar-reat, jiġbru l-provi u jniżżlu l-każ fil-procès-verbal.

Meta l-inkjesta titlesta, il-Prosekutur tal-Istat jiddeċiedi li jagħlaq l-eżami tiegħu mingħajr ma jittieħdu passi jew li jressaq lill-akkużat quddiem Qorti sabiex jiġi ġġudikat.

Meta jitwettaq reat jew f’każ ta’ delitti kumplikati, il-Prosekutur tal-Istat jaħtar imħallef inkwerenti, li jiġbor u jivverifika l-fatti u ċ-ċirkostanzi favur u kontra l-akkużat. L-imħallef jixli lil kull akkużat li jidher li huwa implikat fil-każ u jista’ jipproċedi huwa stess jew bl-intervent tal-pulizija għat-tfittxija, qbid jew proċeduri oħra relatati. Jista’ jiddeċiedi li jżomm lill-akkużati kollha fil-ħabs.

F’każ ta’ inkjesta, għall-inqas f’materja kriminali, l-imħallef jagħmel rapport lill-Prosekutur tal-Istat dwar il-proċess. Dan tal-aħħar jitlob l-għeluq tal-proċess mingħajr ma jittieħdu passi jew inkella jressaq lill-akkużat quddiem qorti sabiex jiġi ġġudikat. Il-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) tiddeċiedi in camera jekk issegwix jew le t-talbiet tal-Prosekutur tal-Istat.

Id-drittijiet tiegħi matul l-inkjesta u l-investigazzjoni

Interrogazzjoni/inkjesta preliminari tal-pulizija (1)

X’jiġri matul l-inkjesta preliminari?

Wara kwerela ta’ vittma jew il-konstatazzjoni ta’ reat jew delitt mill-pulizija, il-Prosekutur tal-Istat imexxi l-inkjesta preliminari u jipprova jistabbilixxi min hu l-awtur tar-reat. Jista’ jgħaddi l-inkjesta lil imħallef inkwerenti sabiex jiġbor il-fatti tal-każ ghal kull reat. Ghar-reati l-aktar serji, l-imħallef inkwerenti għandu jiġi mgħarraf. Kull xhud jista’ jinstema’. Tista’ tiġi għalhekk msejjaħ mill-Prosekutur tal-Istat, il-pulizija jew l-imħallef inkwerenti sabiex tinstema’ fuq l-involviment tiegħek fil-każ.

X’jiġifieri tkun ‘akkużat’?

Id-drittijiet tiegħek matul l-inkjesta u l-investigazzjoni jibdew fil-mument fejn int tiġi kkwalifikat bħala ‘akkużat’ mill-imħallef inkwerenti, jiġifieri akkużat li tkun għamilt reat. Għaldaqstant, inti tkun preżunt innoċenti sakemm il-prova tal-ħtija tiegħek tiġi kkunsidrata u determinata minn tribunal.

Min jinfurmani dwar dak li jkun qed jiġri?

Int għandek id-dritt li tkun infurmat dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża, jiġifieri dwar il-fatti li qed jiġu allegati kontrik u l-bażi ġuridika. Dan id-dritt ta’ informazzjoni jservi sabiex jippermettilek tipprepara bl-aħjar mod possibbli d-difiża tiegħek. L-informazzjoni għandha tkun tinftiehem u sħiħa u għandha tkun komunikata lilek jew mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, jew mill-imħallef inkwerenti.

Niġi assistit minn interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Jekk inti ma titkellimx waħda mil-lingwi użati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji (il-pulizija jew l-imħalef inkwerenti), issir talba għal interpretu. Huwa jittraduċi kull mistoqsija u kull tweġiba tiegħek.

Arrest (inkluż mandat ta’ arrest Ewropew) (2)

X’jiġri f’każ ta’ reat jew delitt in flagrante?

F’każ ta’ reat jew delitt in flagrante, jiġifieri jekk reat ikun għadu kemm seħħ, inti tista’ tiġi arrestat minnufih mill-pulizija jekk tkun issuspettat li wettaqt dak ir-reat. Tista’ tinżamm għal massimu ta’ 24 siegħa mill-pulizija. Oġġetti li jkunu ntużaw għar-reat jistgħu jiġu ssekwestrati. Jistgħu jittiħdulek il-marki tas-swaba’ kif ukoll ritratti. Jista’ jittieħed ukoll id-DNA tiegħek. Imbagħad titressaq quddiem imħallef inkwerenti.

Meta u kif ikolli aċċess għal avukat?

Fil-każ fejn int tkun miżmum minn uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja għal reati jew delitti gravi jew interrogat mill-imħallef inkwerenti, l-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja jew l-imħallef inkwerenti huma obbligati li jgħarrfuk bid-drittijiet tiegħek li tiġi assistit minn avukat u li jħalluk tikkuntattjah sabiex jassistik. Dan it-tagħrif jingħata qabel tiġi interrogat, bil-miktub u jiġi ċċertifikat b’lingwa li tifhem.

Nista’ nikkomunika ma’ membru ta’ familti jew ma’ ħabib?

Il-pulizija għandha tinfurmak bil-miktub, u dan għandu jiġi ddokumentat, f’lingwa li tifhem, bid-dritt tiegħek li tavża lil persuna tal-għażla tiegħek u jkollok aċċess għal telefown. Din tista’ tkun membru ta’ familtek jew ħabib, ħlief jekk dan jista’ jfixkel l-inkjesta.

Nista’ nikkuntattja tabib jekk ikolli bżonn?

Meta tkun miżmum taħt arrest, tiġi infurmat u jiġi dokumentat f’lingwa li inti tifhem, bid-dritt tiegħek li tiġi eżaminat mingħajr dewmien minn tabib. Il-prosekutur tal-Istat jista’ jaħtar tabib sabiex jeżaminak, minn jeddu jew fuq talba ta’ membru ta’ familtek.

Nista’ nikkuntatja lill-ambaxxata tiegħi jekk jiena ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Inti tista’ tikkuntattja persuna tal-għażla tiegħek, mill-ambaxxata ta’ pajjiżek jekk inti trid.

Jistgħu jagħmluli strip-search?

Jekk, waqt id-detenzjoni tiegħek, inti tkun issuspettat li qed taħbi oġġetti li jistgħu juru l-verità jew oġġetti perikolużi għalik jew għal xi ħadd ieħor, tista’ tkun sottopost għal strip-search minn persuna tal-istess sess.

Jistgħu jfittxu r-residenza, l-uffiċċju, il-karozza tiegħi, eċċ.?

Fl-istadju ta’ inkjesta preliminari, tfittxija tista’ ssir biss fir-residenza tiegħek jekk inti tagħti l-kunsens ċar u bil-miktub għal dan. F’każ ta’ reat jew delitt serju, m’hemmx bżonn ta’ dan il-kunsens u t-tfittxija tista’ ssir f’kull ħin kemm binhar kif ukoll billejl. Tfittxija fil-karozza tiegħek hija possibli jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet li jwasslu għall-preżunzjoni li inti wettaqt reat jew delitt.

Fl-istadju ta’ investigazzjoni, tista’ ssir tfittxija biss fir-residenza bejn is-sitta u nofs ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija. Tista’ tikseb kopja tad-dokumenti tiegħek li jkunu ġew issekwestrati u tista’ titlob li jagħtuk lura oġġett issekwestrat. L-Istat jagħtik lura dawn l-oġġetti jekk ma jkollux bżonnhom għall-konstatazzjoni tal-verità jew sabiex iħares id-drittijiet tal-partijiet u jekk l-għoti lura ma jkunx jikkostitwixxi periklu lill-persuni jew jista’ jkun ta’ ħsara għall-oġġetti. L-għoti lura jista’ jiġi rrifjutat fil-każ fejn il-konfiska hija prevista mil-liġi.

Jistgħu jitolbuni nagħti kampjuni tad-DNA, tal-marki tas-swaba’ jew ta’ sustanzi fluwidi ta’ ġismi?

Fuq ordni tal-prosekutur tal-istat jew tal-imħallef inkwerenti u bil-kunsens bil-miktub tiegħek mogħti minn qabel, uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’ jippreleva ċelluli tiegħek sabiex jistabbilixxi profil tad-DNA sabiex dan jiġi mqabbel. Tista’ tiġi mġiegħel tippreleva ċelluli jekk tkun teżisti linja diretta bejnek u t-twettiq tal-fatti tal-kawża u jekk dawn il-fatti jkunu punibbli b’piena ta’ sentejn ħabs jew aktar.

Ma tistax tiġi mġiegħel tagħti kampjun tad-demm.

Il-Prosekutur tal-Istat jista’ jordna t-teħid tal-marki tas-swaba’ jekk jaħseb li pparteċipajt f’reat gravi u dan matul l-inkjesta preliminari. Dawn il-marki jistgħu jintużaw 'il quddiem mill-Pulizija għall-prevenzjoni, ir-riċerka u l-konstatazzjoni ta’ reati kriminali.

Jekk il-marki tas-swaba’ jkunu neċessarji ħafna sabiex jistabbilixxu l-identità tiegħek, dawn jistgħu jiġu mitluba mingħandek fl-istadju tal-inkjesta għal reati jew delitti gravi jew f’inkjesta preliminari jew b’ittra rogatorja jew fit-twettiq ta’ ordni għal riċerka mogħtija minn awtorità ġudizzjarja fuq awtorizzazzjoni mill-prosekutur tal-Istat jew mill-imħallef inkwerenti. Dawn il-marki jistgħu jintużaw iktar ’il quddiem mill-Pulizija għall-prevenzjoni, ir-riċerka u l-konstatazzjoni ta’ reati kriminali ħlief jekk inti ma tkun soġġett għall-ebda inkjesta ġudizzjarja jew miżura eżekuttiva.

B’liema mod tista’ titressaq għal interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

Jekk inti ħieles, l-imħallef inkwerenti jista’ jsejjaħlek permezz ta’ ittra, kif ukoll b’mandat, sabiex tidher quddiem l-awtoritajiet. Int trid tidher fid-data u fil-ħin indikat fejn tiġi mismugħ mill-ewwel mill-imħallef inkwerenti.

L-imħallef inkwirenti jista’ jitlob lill-pulizija sabiex iressquk permezz ta’ mandat ta’ akkumpanjament, meta jaħseb illi jkun hemm periklu li taħrab, periklu li xi provi jisparixxu jew jekk ma tidhirx għas-sejħa tiegħu. F’każ ta’ reat, il-periklu li taħrab huwa preżunt jekk il-fatt ikun punibbli b’piena kriminali.

Mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ jekk l-akkużat ikun maħrub jew jgħix barra mill-pajjiż u jekk il-fatti li jkunu imputabbli lilu jkunu jesponuh għall-piena ta’ ħabs.

Jekk jiena ċittadin ta’ pajjiż ieħor, irrid inkun preżenti waqt l-investigazzjoni u nista’ nipparteċipa permezz tal-vidjo?

Hemm bżonn li tkun preżenti matul is-smigħ. Is-sehem tiegħek permezz tal-vidjo mhuwiex previst mil-liġi.

Interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti u d-detenzjoni (3)

X’inhuwa l-għan tal-interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

L-imħallef inkwerenti jikkonstata l-identità tiegħek u jgħarrfek bl-atti mwettqin matul il-proċedura. Imbagħad jinfurmak dwar l-akkuża, i.e. li minn issa ‘l quddiem inti akkużat b’mod uffiċjali li wettaqt ċertu reat u jinterrogak dwar il-fatti inkwistjoni (jew ‘li inti akkużat bihom’).

X’inhuma d-drittijiet tiegħek matul l-interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

Għandek id-dritt tkun mgħarraf dwar kull fatt li inti akkużat bih u dwar l-atti li twettqu matul it-twettiq tar-reat gravi jew delitt u matul l-inkjesta preliminari. L-imħallef inkwerenti huwa obbligat javżak bid-dritt tiegħek li tkun assistit minn avukat tal-għażla tiegħek. Dan isir qabel ma tiġi interrogat, bil-miktub, u l-istess jiġi dokumentat b’lingwa li inti tifhem. Jekk inti ma tagħmilx l-għażla, l-imħallef inkwerenti, fuq talba tiegħek, għandu jaħtarlek wieħed.

Tista’ tiġi interrogat biss fil-preżenza tal-avukat tiegħek, ħlief fejn inti tirrinunzja espressament għal dan.

Għandek id-dritt li ma tweġibx, imma trid tkun preżenti. Inti trid tkun mgħarraf dwar dan id-dritt.

Għandek id-dritt li tbiddel l-istqarrijiet li tkun għamilt; ammissjoni tista’ tintuża kontrik biss jekk din tkun saret b’mod ħieles u volontarjament.

Ghandek id-dritt li ssaqsi mistoqsijiet lix-xhieda.

M’għandekx id-dritt li tikkomunika mal-avukat tiegħek sa tmiem l-ewwel interrogazzjoni. L-imħallef jista’ jwaqqfek, b’deċiżjoni motivata, milli tikkomunika (bil-kitba) mal-qraba tiegħek għal tul massimu ta’ 10 ijiem.

Interpretu jassistini jekk ma nifhimx il-lingwa?

L-imħallef inkwerenti għandu jsejjaħ interpretu għall-interrogazzjoni, li jittraduċi kull mistoqsija u kull tweġiba u li jittraduċilek l-istqarrija tiegħek waqt li din tkun qed terġa’ tinqara.

Nista’ nerġa’ nintbagħat lura f’pajjiżi?

Le, sakemm l-awtoritajiet ta’ pajjiżek ma jkunux iriduk lura għall-istess reat u sakemm l-awtoritajiet tal-Lussemburgu ma jaċċettawx li l-investigazzjoni jew l-inkjesta tkun tista’ ssir f’pajjiżek, inti tkun mġiegħel tibqa’ fil-Lussemburgu, jekk hemm bżonn fil-ħabs.

Jistgħu jitolbu informazzjoni dwar il-fedina penali tiegħi?

Fil-prattika, l-awtoritajiet ġudizzjarji jivverifikaw il-fatti tal-każ fl-istadju tal-investigazzjoni, u għalhekk jaraw ukoll il-fedina penali tiegħek.

Jinfurmawni dwar xhieda li jixhdu kontrija u dwar provi oħra li jkunu jeżistu kontrija?

Fl-istadju meta inti jkollok id-dritt li tara l-proċess, normalment permezz tal-avukat tiegħek, tista’ tiġi infurmat dwar dawk ix-xhieda li jkunu xehdu kontrik u dwar il-provi l-oħra li jkun hemm kontrik. Inti jkollok aċċess għall-proċess wara l-ewwel interrogazzjoni. Tista’ wkoll, f’kull mument, titlob lill-imħallef inkwerenti biex tara l-atti tal-proċess tiegħek.

Niġi lliberat jew detenut?

L-imħallef inkwerenti, wara li jkun akkużak u interrogak, jista’ jilliberak. Jista’ wkoll iżommok taħt detenzjoni preventiva, meta jkun ħareġ att ta’ akkuża. Inti tittieħed il-ħabs mill-pulizija. L-imħallef inkwerenti jista’ jżommok milli tikkomunika ma’ barra f’każ li dan ikun meħtieġ għall-investigazzjoni. Jekk din l-ordni titneħħa, tkun tista’ ċċempel mill-ħabs lill-qraba, filwaqt li tirrispetta r-regolamenti stretti tal-ħabs.

Inti għandek id-dritt li titlob li tiġi lliberat proviżorjament f’kull mument tal-proċedura. Il-libertà proviżorja tista’ tkun soġġetta għall-obbligu ta’ garanzija personali u jkun hemm bżonn li tagħti indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?

B’mod ġenerali, inti tista’ titlaq mill-pajjiż matul l-investigazzjoni sakemm ma tkunx qiegħed il-ħabs. Min-naħa l-oħra, jekk int tkun soġġett għal piena ta’ ħabs jew piena aktar gravi (fejn il-massimu huwa ekwivalenti għal jew aktar minn sentejn ħabs jekk inti residenti fil-Lussemburgu), l-imħallef inkwerenti fis-seduta jew in camera jista’ jordna kontroll ġudizzjarju u jista’ jordna bħala obbligu pereżempju li inti ma tkunx tista’ toħroġ mil-limiti territorjali determinati mill-imħallef inkwerenti.

Jien diġa’ ġejt mixli fi Stat Membru ieħor għall-istess reat. X’jiġri f’dan il-każ?

Fuq l-istess fatt, inti tista’ tiġi kkundannat darba biss għall-istess reat, imma l-prosekuzzjoni doppja tibqa’ possibbli jekk ma jkunx hemm sentenza definittiva f’xi pajjiż. Jekk  tkun qed issir investigazzjoni f’dak il-pajjiż, inti tista’ tiġi estradit lejn dak il-pajjiż sabiex tiġi mixli u ġġudikat f'dak l-Istat u mhux aktar fil-Lussemburgu.

Smigħ in camera tal-Qorti sabiex tiddeċiedi dwar ir-rilaxx (4)

Jekk inkun detenut, kif u lil min nitlob għal-libertà proviżorja?

It-talba sabiex tiġi meħlus tista’ tintalab f’kull stadju tal-każ, i.e. f’kull mument u ma jimpurtax f’liema stadju tal-investigazzjoni u mingħajr ebda limitu ta’ kemm-il darba tista’ ssir din it-talba. Sempliċement isir rikors in camera lill-Qorti Distrettwali (Tribunal d’arrondissement).

Imma jekk inti detenut proviżorjament fil-ħabs, inti tista’ titlob ukoll il-libertà proviżorja b’sempliċi talba bil-miktub lill-persunal tal-ħabs.

X’inhi l-proċedura u kemm iddum?

Id-deċiżjoni tittieħed b’urġenża u mhux aktar tard minn tlitt ijiem mill-preżentata tat-talba għal-libertà proviżorja. Bħala akkużat inti għandek tinstema’ u, jekk ikun meħtieġ, anki l-avukat tiegħek. Il-qorti distrettwali tiddeċiedi in camera abbażi ta’ opinjoni motivata bil-miktub mill-imħallef inkwerenti.

Nista’ niġi lliberat proviżorjament jekk inħallas somma flus (garanzija personali)?

Effettivament, il-kodiċi jiddetermina l-ammont li għandu jitħallas bħala garanzija personali. Il-qorti tista’ tilliberak proviżorjament billi tħallas tali somma li hija tiddetermina b’mod ħieles. Din is-somma tiggarantixxi li inti tidher quddiem l-imħallef inkwerenti u quddiem il-qorti, kif ukoll l-eżekuzzjoni tas-sentenza u l-ħlas tal-multi u tat-tariffi tal-qorti.

Inkun soġġett għal kontrolli jekk niġi lliberat proviżorjament?

Il-libertà tiegħek tista’ tkun soġġetta għal kontroll ġudizzjarju. L-awtoritajiet jistgħu jorbtuk b’ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju li ma tkunx tista’ tikkuntattja lil ċerti nies jew li ma tkunx tista' tivvjaġġa.

Jeżisti appell kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti?

Jekk inti lliberat, il-Prosekutur tal-Istat jista’, fi żmien jum li jibda jiddekorri mill-għoti tad-digriet, iressaq appell kontra d-deċiżjoni. F’dan il-każ, inti tibqa’ taħt detenzjoni sakemm tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell.

Inti tista’ dejjem tressaq appell mid-deċiżjoni tal-qorti talli ma lliberatekx, quddiem il-Qorti tal-Appell.

Investigazzjoni tal-każ mill-Prosekutur tal-Istat/mill-imħallef inkwerenti u d-drittijiet tad-difiża (5)

X’għandu setgħa jagħmel l-imħallef inkwerenti?

Matul l-investigazzjoni, il-maġistrat inkwerenti jista' jirrikorri għal numru ta’ metodi differenti sabiex jasal għall-verità tal-fatti relattivi għar-reat imwettaq.

Għalhekk, l-imħallef jista’ jordna tfittxija, jisma’ xhieda, jordna konfrontazzjonijiet, jordna perizja jew jisma’ kollegament telefoniku jew possibbilment interċezzjoni telefonika.

Nista’ nressaq rikors kontra att proċedurali li ttieħed fl-investigazzjoni?

Inti għandek id-dritt li titlob li att proċedurali tal-investigazzjoni jiġi annullat mill-qorti distrettwali in camera.

Din it-talba trid issir matul l-istess investigazzjoni, fi żmien ħamest ijiem minn mindu ssir taf bl-att. Jekk it-talba għan-nullità ma ssirx matul l-investigazzjoni, inti ma tkunx tista’ tagħmel din it-talba fis-seduta.

X’nista’ nitlob aktar?

Barra mir-raġunijiet ta’ nullità msemmijin qabel, inti għandek ukoll id-dritt li titlob, matul l-investigazzjoni, l-eżerċizzju ta’ fakultà jew ta’ dritt mogħti mil-liġi. Jekk ma kienx hemm deċiżjoni dwar it-talba tiegħek, jew minħabba ommissjoni jew għax it-talba tiegħek ġiet miċħuda, inti tkun tista’ tibbaża fuqha fi stadju ieħor billi tilmenta li ma kellekx smigħ xieraq.

Liema azzjonijiet nista’ nitlob li jagħmel l-imħallef inkwerenti?

Inti tista’ titlob lill-imħallef inkwerenti, permezz tal-avukat tiegħek, li jwettaq  atti intiżi biex juru l-innoċenza tiegħek. Għalhekk, inti tista’ titlob tfittxija, smigħ mill-ġdid, li jerġħu jinstemgħu x-xhieda mressqa minnek, li tiġi organizzata konfrontazzjoni jew il-ftuħ ta’ perizja.

Inti tista’ terġa’ tippreżenta lill-imħallef id-dokumenti kollha li l-għan tagħhom huwa li juri l-innoċenza tiegħek jew titlob it-tneħħijja ta’ xi sekwestru li sar mill-imħallef fuq xi dokumenti, oġġetti jew kontijiet bankarji.

Proċedura tal-għeluq tal-investigazzjoni u tar-rinviju quddiem il-qorti (6)

X’jiġri meta tintemm l-inestigazzjoni?

L-imħallef inkwerenti jordna l-għeluq tal-proċeduri. Huwa jsostni li wettaq dmirijietu sabiex tiġi stabbilita l-verità u li l-akkużati jistgħu jittressqu sabiex jiġu ġġudikati.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek wara l-ordni għal għeluq tal-proċeduri?

Il-proċess bl-opinjoni eventwali tal-imħallef inkwerenti jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek u tal-avukat tiegħek mill-inqas tmint ijiem qabel id-data stabbilita għall-eżami tal-proċess in camera mill-qorti distrettwali. Inti għandek id-dritt li titlob li ssir taf kull biċċa informazzjoni li tkun ħarġet mill-investigazzjoni.

Għandek id-dritt tippreżenta nota ta’ osservazzjonijiet, li fil-prattika ssir mill-avukat tiegħek, qabel ma tittieħed deċiżjoni in camera, li twassal għal digriet biex ma jitressqux akkużi (minħabba nuqqas ta’ prova) jew għal digriet ta’ rinviju quddiem qorti (sabiex jiġu ġġudikati l-akkużati).

Għandek dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet msemmija tal-imħallef inkwerenti fis-seduta u in camera: tista’ tressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-imħallef inkwerenti jew tal-qorti distrettwali in camera. Dan l-appell isir quddiem il-Qorti tal-Appell in camera.

Nista’ niddikjara l-ħtija qabel il-proċess fuq il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija kollha jew xi jħud minnhom?

Sa llum il-ġurnata fil-Lussemburgu ma teżistix proċedura għall-ammissjoni tal-ħtija.

Il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija jistgħu jiġu emendati qabel il-proċess?

Il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija jistgħu jiġu emendati qabel il-proċess skont il-fatti li jirriżultaw matul l-inkjesta jew l-investigazzjoni.

Links relatati

Kodiċi kriminali

Kodiċi tal-proċedura kriminali

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna