Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Imputati (proċeduri kriminali)

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

X'inhuma l-istadji ta' investigazzjoni kriminali?

L-iskop tal-proċeduri qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali huwa li jinstab:

  • jekk twettaqx delitt;
  • min se jiġi mixli b'reat kriminali;
  • jekk hux possibbli li l-każ jitwarrab, jingħalaq jew jitressaq quddiem il-qorti.

Il-proċeduri ta' qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali jinqasmu f'żewġ stadji – l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

L-investigazzjoni ssir minn awtoritajiet differenti tal-pulizija inklużi l-Pulizija tal-Istat, il-Pulizija tas-Sigurtà tal-Istat, il-Pulizija tal-Finanzi, il-Pulizija Militari, il-Bord tal-Awtoritajiet tal-Ħabs, il-Bureau għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Ġlieda Kontrieha, il-Gwardjani tal-Fruntieri tal-Istat, l-awtoritajiet tad-dwana, il-kaptani tal-vapuri fl-ibħra internazzjonali, il-kmandanti tal-unitajiet militarji tal-Forzi Armati Nazzjonali li jkunu ntbagħtu f'territorji barranin. L-investigazzjoni ssir mill-awtorità li jkollha l-ġuriżdizzjoni fejn ikun twettaq id-delitt. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jista' jinvestiga wkoll.

L-awtoritajiet li jħarrku jmexxu l-prosekuzzjoni.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Agħfas fuq il-links ta' hawn taħt għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek waqt l-istadji varji, fil-proċess kriminali, tal-investigazzjoni ta' qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

L-investigazzjoni (1)

L-iskop tal-investigazzjoni

L-iskop tal-investigazzjoni huwa li jiġi skopert jekk twettaqx delitt jew le; min se jiġi mixli b' reat kriminali; jekk il-każ jistax jitwarrab.

Ikun hemm investigatur (ġeneralment ikun uffiċjal tal-pulizija) jaħdem miegħek. Waqt l-istadju tal-investigazzjoni tista' tinżamm għal 48 siegħa u tista' tinżamm taħt arrest preventiv għal raġunijiet ta' sigurtà.

Iż-żmien totali li jkun disponibbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jiddependi mill-gravità tar-reat li tiegħu inti tkun issuspettat (minn 6 sa 22 xahar bil-possibilità li jiġi estiż għal 6 xhur oħra). Jekk dawn il-limiti ta' żmien ma jiġux rispettati, iridu jiġu rtirati kull miżuri u limitazzjonijiet ta' sigurtà fuq id-drittijiet tiegħek għall-proprjetà.

X'se jingħadli dwar dak li jkun qed jiġri?

L-uffiċjal tal-pulizija li jwettaq l-investigazzjoni jgħidlek dwar dak li jkun qed jiġri.

Jiġi pprovdut interpretu jekk ma nkunx nitkellem bil-lingwa?

Iva, jiġi pprovdut interpretu għalik; huwa l-uffiċjal tal-pulizija/il-prosekutur li jieħu ħsieb isiblek interpretu. L-interpretu jittraduċi dak kollu li jkun meħtieġ – dokumenti, dak li jintqal mill-investigatur u l-avukat, kif ukoll il-provi tiegħek.

F'liema stadju nkun nista' nkellem avukat?

Jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-post, m'intix obbligat li jkollok avukat imma huwa rrakkomandat li jkollok wieħed peress li jista' jkun li ma tkunx familjari mas-sitwazzjoni u l-liġijiet lokali. Tista' tagħżel avukat jew tista' titlob lill-uffiċjal li jkun qed imexxi l-investigazzjoni biex jipprovdilek avukat tal-għajnuna legali.

Qed qed tinżamm taħt arrest, fi żmien 48 siegħa ssir talba biex ikollok avukat jirrapreżentak. Huwa rakkomandat li avukat barrani li jipparteċipa fil-proċeduri jkun akkumpanjat minn avukat lokali.

L-interpretu jkun disponibbli mill-iktar fis possibbli peress li l-preżenza tiegħu/tagħha tkun meħtieġa biex tingħatalek spjegazzjoni ta' x'inhi s-sitwazzjoni u biex tiġi interrogat.

Nintalab nagħti informazzjoni? Għandi nagħti informazzjoni?

Għandek id-dritt li tagħti informazzjoni imma dan mhux obbligu. Għandek id-dritt li tibqa' sieket u dan ma jistax jintuża kontrik u jiġi interpretat bħala nuqqas ta' koperazzjoni fl-investigazzjoni.

X'jiġri jekk ngħid xi ħaġa ta' dannu għall-każ tiegħi?

Ix-xhieda tiegħek tiġi kkunsidrata mal-provi l-oħra fil-każ. M'għandekx għalfejn tinkrimina lilek innifsek. Għandek id-dritt li tiddikjara dak li tħoss li huwa meħtieġ. Għandek id-dritt li tagħżel li ma tixhidx.

Nista' nikkuntattja membru tal-familja tiegħi jew ħabib?

Jekk tkun qed tinżamm taħt arrest għandek id-dritt li titlob lill-investigatur biex jinforma lill-eqreb membri tal-familja tiegħek, lil qraba oħrajn, lill-post tax-xogħol jew l-istabbiliment edukattiv tiegħek etc.

Nista' nara tabib jekk inkun neħtieġ wieħed?

Iva – l-investigazzjoni titwettaq b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Jekk jien minn pajjiż ieħor nista' nikkuntattja lill-Ambaxxata tiegħi?

Għandek id-dritt li titlob li l-ambaxxata/l-konsulat tiegħek ikunu infurmati.

Jien minn pajjiż ieħor. Jeħtieġ li nkun preżenti waqt l-investigazzjoni?

Inti trid tkun preżenti waqt l-invetigazzjoni. L-uffiċjal li jkun qed imexxi l-investigazzjoni jiddeċiedi jekk ikunx possibbli li tipparteċipa fil-proċess permezz ta' konnessjoni bil-vidjo jew ta' faċilitajiet ta' konferenza bit-telefown.

Nista' nintbagħat lura f'pajjiżi?

Dan mhux mitlub mil-liġi imma tista' tiġi imposta l-piena tat-tkeċċija mir-Repubblika tal-Latvja. Din il-miżura tista' tiġi applikata biss fuq il-bażi ta' sentenza tal-qorti.

Ninżamm taħt arrest preventiv jew niġi rilaxxat?

Il-maġistrat fil-qorti istruttorja jieħu deċiżjoni dwar iż-żamma tiegħek fi żmien 48 siegħa mill-arrest. Tista' tinżamm taħt arrest jekk il-piena maħsuba għad-delitt li tkun wettaqt tkun sentenza ta' kustodja jew jekk ma jkun hemm l-ebda miżura ta' sigurtà oħra li permezz tagħha jista' jiġi żgurat li:-

  • m'intix se taħrab mill-investigazzjoni/ mill-proċeduri fil-qorti/ mill-eżekuzzjoni tas-sentenza;
  • m'intix se tostakola l-investigazzjoni;
  • m'intix se twettaq delitt ieħor.

Il-maġistrat fil-qorti istruttorja jisimgħek qabel ma jiddeċiedi dwar iż-żamma tiegħek taħt arrest. Għandek id-dritt li tressaq dokumenti li jindikaw li ż-żamma tiegħek ma tkunx raġonevoli. Il-preżenza ta' avukat u interpretu hija dejjem assigurata.

Nista' noħroġ mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?

Tista' toħroġ mill-pajjiż bil-permess tal-uffiċjal li jkun qed imexxi l-investigazzjoni (ġeneralment bil-miktub).

Nintalab nagħti l-marki tas-swaba', kampjuni tad-DNA tiegħi (pereżempju xagħar, bżieq) jew fluwidi oħra tal-ġisem?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Tista' ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Tista' ssir perkwiżizzjoni tad-dar, tan-negozju, tal-karozza etc tiegħi?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Nista' nappella?

Għandek id-dritt li tressaq appell quddiem il-Prim'Imħallef minn deċiżjoni tal-maġistrat fil-qorti istruttorja. Għandek id-dritt li tressaq appell minn azzjonijiet meħuda mill-uffiċjal li jkun qed imexxi l-investigazzjoni/mill-prosekutur, quddiem il-prosekutur inkarigat mis-superviżjoni/quddiem il-prosekutur anzjan.

Għandek tressaq l-ilmenti tiegħek dwar id-deċiżjonijiet tal-uffiċjal li jkun qed imexxi l-investigazzjoni jew tal-maġistrat fil-qorti istruttorja fi żmien 10 ijiem, imma tista' tilmenta dwar l-azzjonijiet tagħhom tul il-proċess investigattiv kollu.

Tista' tressaq l-ilment b'lingwa li taf. L-ilment irid jiġi trattat fi żmien 10 ijiem minn meta jiġi riċevut. Jekk l-ilment ma jkunx miktub bil-lingwa uffiċjali, l-iskadenza tibda tiddekorri mid-data li fiha ssir disponibbli t-traduzzjoni; inti tiġi infurmat dwar dan.

Nista' nammetti l-ħtija tiegħi għall-kapi kollha ta' akkuża jew għal uħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Għandek id-dritt li tammetti l-ħtija waqt l-investigazzjoni/il-prosekuzzjoni għall-kapi kollha ta' akkuża, għal uħud minnhom jew għal wieħed minnhom.

Jekk twieġeb li inti ħati dan jitqies bħala ċirkostanza li tnaqqas il-piena li għalhekk tista' twassal għal piena inqas ħarxa jew tkun il-bażi biex jintemmu l-proċeduri kriminali. Jekk tikkoopera mal-investigazzjoni/mal-prosekuzzjoni, dan jista' jiffaċilita l-applikazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà inqas stretti/il-ħelsien mill-arrest.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kapi ta' akkuża kontrik jistgħu jinbidlu jekk il-prosekutur ikun kiseb iktar provi. Il-kapi ta' akkuża inizjali kontra tiegħek iridu jinbidlu jekk ikun intwera li huma ħżiena - f'dal-każ il-prosekutur iwaqqaf il-prosekuzzjoni fir-rigward ta' dik il-parti. Inti tiġi ppreżentat bil-kapi ta' akkuża l-ġodda.

Nista' niġi akkużat b'reat li nkun diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Jistgħu jinġiebu akkużi kontra tiegħek imma ma tistax titressaq u tinstab ħati jekk tkun diġà ġejt ipproċessat jew illiberat għall-istess reat fi Stat ieħor.

Tingħatali informazzjoni dwar ix-xhieda kontra tiegħi?

Inti tirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda li jkunu xehdu kontrik. Il-prosekutur jagħtik il-fajl tal-każ wara li titlesta l-investigazzjoni tal-każ u qabel jintbagħat lill-qorti, u inti tkun tista' tiffamiljarizza ruħek mad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda.

Tingħatali informazzjoni dwar xi provi oħra kontra tiegħi?

Inti tirċievi l-fajl tal-każ li jkun fih il-provi kollha li l-prosekutur ikun se jġib kontrik fil-qorti. Il-prosekutur jagħtik kopji tal-fajl tal-każ.

Diġà ġejt ikkundannat għal dan id-delitt fi Stat Membru ieħor. X'jiġri?

Fil-Latvja ma tistax tiġi mixli u mressaq il-qorti għall-istess reat. Ir-regola tan-ne bis in idem tapplika għall-Istati Membri tal-UE.

Tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva, tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek.

Il-prosekuzzjoni (2)

L-iskop tal-istadju tal-prosekuzzjoni

L-iskop tal-prosekuzzjoni huwa li jiġi stabbilit reat kriminali; tiġi identifikata l-persuna li għandha tiġi akkuża b'dak ir-reat; jiġi deċiż jekk il-każ jistax jitwarrab jew jingħalaq u jintbagħat lill-qorti. Il-prosekutur jaħdem miegħek.

Iż-żmien totali li jkun disponibbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jiddependi mill-gravità tar-reat li tiegħu inti tkun issuspettat (minn 6 sa 22 xahar bil-possibilità li jiġi estiż għal 6 xhur oħra). Jekk dawn il-limiti ta' żmien ma jiġux rispettati, iridu jiġu rtirati kull miżuri u limitazzjonijiet ta' sigurtà fuq id-drittijiet għall-proprjetà.

X'se jingħadli dwar dak li jkun qed jiġri?

Il-prosekutur li jwettaq il-miżuri investigattivi (probabbilment l-istess miżuri bħal dawk waqt l-investigazzjoni) jgħidlek b'dak li jkun qed jiġri.

Jiġi pprovdut interpretu jekk ma nkunx nitkellem bil-lingwa?

Iva, jiġi pprovdut interpretu għalik; huwa l-prosekutur li jieħu ħsieb isiblek interpretu. L-interpretu jittraduċi dak kollu li jkun meħtieġ – dokumenti, dak li jintqal mill-prosekutur u l-avukat, kif ukoll ix-xhieda tiegħek.

F'liema stadju nkun nista' nkellem avukat?

Jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-post huwa rrakkomandat li jkollok avukat peress li jista' jkun li ma tkunx familjari mas-sitwazzjoni u l-liġijiet lokali. Huwa rakkomandat li avukat barrani li jipparteċipa fil-proċeduri jkun akkumpanjat minn avukat lokali. Tista' tagħżel avukat jew tista' titlob lill-prosekutur biex jipprovdilek avukat tal-għajnuna legali.

L-interpretu jkun disponibbli mill-iktar fis possibbli peress li l-preżenza tiegħu/tagħha tkun meħtieġa biex tingħatalek spjegazzjoni ta' x'inhi s-sitwazzjoni, biex tiġi interrogat, etc.

Nintalab nagħti informazzjoni? Għandi nagħti informazzjoni?

Għandek id-dritt li tagħti informazzjoni imma dan mhux obbligu. Għandek id-dritt li tibqa' sieket u dan ma jistax jintuża kontrik u jiġi interpretat bħala nuqqas ta' koperazzjoni.

X'jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tista' tintuża kontrija fil-każ?

Ix-xhieda tiegħek tiġi kkunsidrata mal-provi l-oħra fil-każ. M'għandekx għalfejn tinkrimina lilek innifsek. Għandek id-dritt li tiddikjara dak li tħoss li huwa meħtieġ. Għandek id-dritt li tagħżel li ma tixhidx.

Nista' nikkuntattja membru tal-familja tiegħi jew ħabib?

Jekk qed tinżamm taħt arrest għandek id-dritt li titlob lill-prosekutur biex jinforma lill-eqreb membri tal-familja tiegħek, lil qraba oħtajn, lill-post tax-xogħol jew l-istabbiliment edukattiv tiegħek etc.

Nista' nara tabib jekk inkun neħtieġ wieħed?

Iva – il-prosekuzzjoni titwettaq b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Jekk jien minn pajji¿ ieħor nista' nikkuntattja lilll-Ambaxxata tiegħi?

Għandek id-dritt li titlob li l-ambaxxata/l-konsulat tiegħek ikunu infurmati.

Jien minn pajji¿ ieħor. Jeħtieġ li nkun preżenti waqt l-invetigazzjoni?

Inti trid tkun preżenti fl-istadju tal-prosekuzzjoni. Il-prosekutur jiddeċiedi jekk ikunx possibbli li tipparteċipa fil-proċess permezz ta' konnessjoni bil-vidjo jew ta' faċilitajiet ta' konferenza bit-telefown.

Nista' nintbagħat lura f'pajjiżi?

Dan mhux mitlub mil-liġi imma hemm imposta piena addizzjonali - it-tkeċċija mir-Repubblika tal-Latvja. Din il-miżura tista' tiġi applikata biss fuq il-bażi ta' sentenza tal-qorti.

Ninżamm taħt arrest preventiv jew niġi rilaxxat?

Il-maġistrat fil-qorti istruttorja jieħu deċiżjoni dwar iż-żamma tiegħek taħt arrest. Tista' tinżamm taħt arrest jekk huwa possibbli li tingħata sentenza ta' kustodja għad-delitt li tkun wettaqt jew jekk ma jkun hemm l-ebda miżura ta' sigurtà oħra li permezz tagħha jista' jiġi żgurat li mhux se taħrab mill-investigazzjoni/il-proċeduri fil-qorti/l-eżekuzzjoni tas-sentenza; m'intix se tostakola l-investigazzjoni; m'intix se twettaq delitt ieħor.

Il-maġistrat fil-qorti istruttorja jisimgħek qabel ma jiddeċiedi dwar iż-żamma tiegħek taħt arrest. Għandek id-dritt li tressaq dokumenti li jindikaw li ż-żamma tiegħek ma tkunx raġonevoli. Il-preżenza ta' avukat u interpretu hija dejjem assigurata.

Nista' noħroġ mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?

Tista' toħroġ mill-pajjiż bil-permess tal-prosekutur (ġeneralment bil-miktub).

Nintalab nagħti l-marki tas-swaba', kampjuni tad-DNA tiegħi (pereżempju xagħar, bżieq) jew fluwidi oħra tal-ġisem?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Tista' ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Tista' ssir perkwiżizzjoni tad-dar, tan-negozju, tal-karozza etc tiegħi?

Agħfas fuq il-link għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Nista' nappella?

Għandek id-dritt li tressaq appell quddiem il-President tal-Qorti minn deċiżjoni tal-maġistrat fil-qorti istruttorja. Għandek id-dritt li tappella kontra l-azzjonijiet tal-prosekutur u tal-prosekutur anzjan.

Għandek tressaq l-ilmenti tiegħek dwar id-deċiżjonijiet tal-prosekutur/il-maġistrat fil-qorti istruttorja fi żmien 10 ijiem. L-ilmenti fir-rigward ta' azzjonijiet tal-prosekutur jistgħu jitressqu tul il-proċess investigattiv kollu.

Tista' tressaq l-ilment b'lingwa li taf. L-ilment irid jiġi trattat fi żmien 10 ijiem minn meta jiġi riċevut. Jekk l-ilment ma jkunx miktub bil-lingwa uffiċjali, l-iskadenza tibda tiddekorri mid-data li fiha ssir disponibbli t-traduzzjoni; inti tiġi infurmat dwar dan.

Nista' nammetti l-ħtija tiegħi fil-kapi ta' akkuża kollha jew f'uħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Għandek id-dritt li tammetti l-ħtija waqt l-investigazzjoni/il-prosekuzzjoni għall-kapi kollha ta' akkuża, għal uħud minnhom jew għal wieħed minnhom.

Jekk twieġeb li inti ħati dan jitqies ċirkostanza li tnaqqas il-piena li tista' twassal għal piena inqas ħarxa. Jekk twieġeb li int ħati u tikkoopera mal-investigazzjoni/mal-prosekuzzjoni, dan jista' jgħin biex jiġu stabbiliti miżuri ta' sigurta inqas stretti/il-ħelsien mill-arrest.

Jekk twieġeb li inti ħati, il-proċeduri kriminali jistgħu jintemmu. Ir-riżultati possibbli huma:-

  • libertà kkundizzjonata fir-rigward tar-responsabbilità kriminali;
  • ordni tal-prosekutur għall-piena applikabbli;
  • ftehim mal-prosekutur dwar id-dikjarazzjoni ta' ħtija tiegħek u l-piena applikabbli li wara jingħata valur legali mill-qorti, etc.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kapi ta' akkuża kontrik jistgħu jinbidlu jekk il-prosekutur ikun kiseb iktar provi. Il-kapi ta' akkuża kontra tiegħek jistgħu jinbidlu jekk il-prosekutur jirrikonoxxi li jkun intwera li m'humiex korretti - f'dal-każ il-prosekutur iwaqqaf il-prosekuzzjoni fir-rigward ta' dik il-parti. Inti tiġi ppreżentat bil-kapi ta' akkuża l-ġodda. Inti tiġi ppreżentat bil-kapi ta' akkuża l-ġodda.

Nista' niġi akku¿at b'reat li nkun diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Jistgħu jinġiebu akkużi kontra tiegħek imma ma tistax titressaq u tinstab ħati jekk diġà tkun ġejt ipproċessat jew illiberat għall-istess reat fi Stat ieħor.

Tingħatali informazzjoni dwar ix-xhieda kontra tiegħi?

Inti tirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda li jkunu xehdu kontrik. Il-prosekutur jagħtik il-fajl tal-każ bid-dikjarazzjonijiet tax-xhieda wara li titlesta l-investigazzjoni u qabel ma l-każ jintbagħat quddiem il-qorti.

Tingħatali informazzjoni dwar xi provi oħra kontra tiegħi?

Inti tirċievi l-fajl tal-każ li jkun fih il-provi kollha li l-prosekutur ikun se jġib kontrik fil-qorti. Il-prosekutur jagħtik kopji tal-fajl tal-każ.

Diġà ġejt ikkundannat għal dan id-delitt fi Stat Membru ieħor. X'jiġri?

Fil-Latvja ma tistax tiġi mixli u mressaq il-qorti għall-istess reat. Ir-regola tan-ne bis in idem tapplika għall-Istati Membri tal-UE.

Tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva, tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek.

Uħud mill-azzjonijiet proċedurali (3)

Nintalab nagħti l-marki tas-swaba', kampjuni tad-DNA tiegħi (pere¿empju xagħar, bżieq) jew fluwidi oħra tal-ġisem?

Tista' tintalab tagħti l-marki tas-swaba' u kampjuni tad-DNA tiegħek. Tista' tintalab tagħti kampjuni ta' fluwidi oħra tal-ġisem u dawn jistgħu jittieħdu jekk ikunu meħtieġa għall-investigazzjoni ta' reat partikolari.

Għandek id-dritt li tiffamiljarizza ruħek mad-deċiżjoni li jsirlek eżami minn espert qabel ma din titbagħat biex tiġi eżegwita, sakemm l-eżami jkun jikkonċernak. Għandek id-dritt li tistaqsi xi mistoqsijiet dwar l-eżami mill-espert qabel ma jsir l-eżami.

Għandek l-obbligu li tkun disponibbli għall-eżami tal-espert. Għandek l-obbligu li tagħti kampjuni għal eżami komparattiv jew li tippermetti li jittieħdu l-kampjuni.

Jekk tagħti kampjuni għall-eżami komparattiv volontarjament, dan jiġi nnutat. Għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar l-informazzjoni li tiġi rreġistrata u tista' titlob biex jiżdied dak kollu li tqis meħtieġ qabel ma tiffirma l-verbal. Jekk ma tħallix li jitteħdulek kampjuni għall-eżami komparattiv, dawn jittieħdu bil-forza fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-maġistrat fil-qorti istruttorja.

Tista' ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi?

Tista' ssir perkwiżizzjoni viżiva ta' ġismek jekk fuqu jkun hemm traċċi ta' attività kriminali, kwalunkwe marki jew karatteristiċi speċifiċi, etc. L-eżami viżiv ta' ġismek jista' jsir biss minn persuna tal-istess sess tiegħek / minn speċjalista fil-kamp mediku. Jitħejja verbal bil-miktub tal-eżami viżiv u għandek id-dritt li tkun taf b'dan u li tikkummenta dwaru.

Tista' ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek jekk fi ħwejġek, fl-oġġetti personali tiegħek, fuq ġismek jew fl-ispazji miftuħa tiegħu jekk ikun hemm moħbija xi oġġetti jew dokumenti sinifikanti għall-investigazzjoni. Il-perkwiżizzjoni tista' ssir biss minn persuna tal-istess sess tiegħek fil-preżenza ta' professjonist fil-qasam mediku. Mhux meħtieġ li tittieħed deċiżjoni biex issirlek perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek jekk tkun taħt arrest. Mhux meħtieġ li tittieħed deċiżjoni biex issirlek perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek jekk titwettaq waqt perkwiżizzjoni ta' kamra jew żona u inti tkun preżenti f'dak il-mument.

Tista' ssir perkwiżizzjoni tad-dar, tan-negozju, tal-karozza etc tiegħi?

Tista' ssir perkwiżizzjoni tad-dar, tan-negozju, tal-karozza etc. tiegħek. Il-maġistrat fil-qorti istruttorja jew il-qorti istruttorja jieħdu d-deċiżjoni dwar il-perkwiżizzjoni, imma f'każijiet urġenti d-deċiżjoni tal-investigatur li tkun approvata mill-prosekutur hija biżżejjed.

Inti jew membru adult tal-familja tiegħek għandkom id-dritt li tkunu preżenti waqt il-perkwiżizzjoni jekk din issir fir-residenza uffiċjali/fil-post tax-xogħol tiegħek; ħlief jekk tkun taħt arrest. Jekk inti jew membru adult tal-familja tiegħek ma tistgħux tkunu preżenti waqt il-perkwiżizzjoni, irid jiġi mistieden jattendi rappreżentat tal-muniċipju lokali, maniġer/ gvernatur tal-post/ bini.

Għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar id-deċiżjoni fir-rigward tal-perkwiżizzjoni qabel ma din isseħħ, u l-investigatur għandu d-dmir li jgħaddilek id-deċiżjoni. L-oġġetti kollha misjuba u maqbuda waqt il-perkwiżizzjoni jridu jiġu murija lilek, irreġistrati u ppakkjati u ssiġillati jekk dan ikun xieraq.

Għandek id-dritt li titlob li l-post fejn tkun saret il-perkwiżizzjoni jerġa' jiġi rranġat fl-istat li kien fih qabel, jekk dan ikun possibbli fil-prattika. Għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar ir-reġistri tal-perkwiżizzjoni, xi kummenti espressi u t-talba li dawn jiddaħħlu fir-reġistru. Għandek id-dritt li jkollok avukat u interpretu waqt il-perkwiżizzjoni.

Links relatati

Il-liġi dwar il-proċeduri kriminali

Il-liġi kriminali

L-awtoritajiet tal-Pulizija tal-Istat

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Il-liġi dwar ir-reġistru tal-penali

Il-liġi dwar il-proċeduri ta' żamma taħt arrest

Il-liġi dwar il-proċeduri ta' kustodja

Il-liġi dwar l-Assoċjazzjoni tal-Avukati

L-aħħar aġġornament: 11/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.