Imputati (proċeduri kriminali)

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Nista’ nappella?

Inti u l-avukat tiegħek tistgħu tappellaw kontra sentenza għal kwalunkwe piena li mhijiex multa.

L-appell irid jitressaq quddiem l-imħallef li kkundannak f’perjodu ta’ żmien varjabbli: minn 15 sa 45 jum mill-verdett jew minn meta tiġi rreġistrata s-sentenza.

Fl-appell tiegħek, inti trid tispeċifika r-raġunijiet għall-appell tiegħek u l-elementi tas-sentenza li inti qed tappella kontra tagħhom.

Il-proċess tal-appell isir quddiem il-Qorti tal-Appell jew il-“Corte d’Assise d’Appello”

X’jiġri jekk inressaq appell?

Jekk inti tappella kontra s-sentenza, il-piena ma tiġix eżegwita qabel ma d-deċiżjoni tkun finali.

Il-fatt li inti tkun appellajt ma jfissirx li inti se tiġi lliberat mill-ħabs, jekk inti tkun il-ħabs meta tappella. Il-Qorti tal-Appell tisma’ l-appell tiegħek f’qasir żmien jekk inti tkun qed tinżamm taħt arrest preventiv. Fi kwalunkwe każ ieħor, dan jiddependi fuq l-ammont ta’ xogħol li jkollha l-Qorti.

Il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi dwar il-provi eżistenti.

Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li jsir proċess ġdid quddiem il-qorti kriminali imma dan jiġri biss f’każijiet eċċezzjonali. Hija tista’ tiddeċiedi li tagħmel użu mill-provi eżistenti biss jekk tikkunsidra li dan huwa vitali għad-deċiżjoni. Inti tista’ titlob biex waqt l-appell jiġu kkunsidrati provi mhux mistennija jew li ġew skoperti reċentement u li saru magħrufa wara li ngħatat is-sentenza tal-ewwel istanza.

Jekk inti ma attendejtx għall-fażi tal-ewwel istanza tal-proċess quddiem il-qorti kriminali u tista’ tipprova li kien impossibbli għalik li tagħmel dan jew li inti ma kontx taf li kien qed isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li terġa’ tibda l-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

L-avukat tiegħek irid ikun preżenti waqt il-proċess tal-appell. Inti tista’ tipparteċipa imma dan mhuwiex obbligatorju.

Inti għandek id-dritt li jkollok interpretu.

Jekk il-Qorti tiddeċiedi li terġa’ tibda l-proċess quddiem il-qorti kriminali, hija terġa’ tikkunsidra l-provi kollha.

Malli d-dikjarazzjonijiet finali tal-partijiet ikunu lesti, il-Qorti tippreżenta l-verdett tagħha.

X’jiġri jekk l-appell jirnexxi/ma jirnexxix?

Jekk il-Qorti tilqa' l-appell, hija tista’ kemm tannulla kif ukoll timmodifika s-sentenza, kompletament jew parzjalment.

Jekk il-Qorti ma tilqax l-appell, hija tikkonferma s-sentenza tal-qorti li semgħet il-kawża l-ewwel.

Jekk inti tiġi lliberat mill-akkużi fil-fażi tal-appell, ġeneralment ma jkunx ipprovdut li inti tirċievi kumpens.

Nista’ nappella kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Appell?

Inti tista’ tressaq appell kontra d-deċiżjoni dwar l-appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

L-appell jista’ jitressaq minnek jew mill-avukat tiegħek sakemm dan tal-aħħar ikun irreġistrat fl-“Albo dei patrocinanti in Cassazione” [Reġistru speċjali tal-avukati fil-Qorti tal-Kassazzjoni].

L-appell irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Appell f’perjodu ta’ żmien varjabbli: minn 15-il jum sa 45 jum.

Il-kawżi għall-appell huma stretti u jittrattaw biss żbalji legali.

Is-seduti ta' smigħ jistgħu jkunu privati jew pubbliċi.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni tiddeċiedi fuq il-bażi tar-rekords tal-qorti.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni tista’ ma tilqax l-appell jew tiċħdu, jew inkella tista' tannulla s-sentenza appellata filwaqt li jsir jew ma jsirx proċess quddiem il-qorti kriminali. Jekk għandu jsir proċess mill-ġdid quddiem il-qorti kriminali, il-kawża tiġi rrinvijata quddiem l-imħallef oriġinali.

X’jiġri wara li s-sentenza ssir finali?

Is-sentenza ssir finali, sakemm inti ma tressaqx appell quddiem il-Qorti tal-Appell jew il-Qorti tal-Kassazzjoni, fit-termini pprovduti mil-liġi jew wara li tittieħed id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Kassazzjoni tiċħad l-appell.

Meta s-sentenza ssir finali din tkun tista’ tiġi infurzata.

Hija tiġi rreġistrata fl-Uffiċċju tal-Kondotti.

Jekk il-piena tinvolvi l-ħlas ta’ multa, inti jkollok tħallas l-ammont mitlub mill-Uffiċċju.

Jekk inti ngħatajt sentenza ta’ ħabs mhux sospiża, il-Prosekutur Pubbliku jippreżenta ordni infurzabbli.

Jekk inti trid tiskonta tliet snin jew inqas fil-ħabs, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jissospendi s-sentenza u jinnotifikak bid-deċiżjoni tiegħu.

Inti tista’ tressaq applikazzjoni fi żmien 30 jum lit-“Tribunale di Sorveglianza” [xorta ta’ Bord tal-Libertà Kundizzjonata] biex tingħata miżura oħra flok priġunerija. Jekk ikun hemm prekundizzjonijiet eżistenti, inti tista’ titlob li jew li tkun issorveljat minn ħaddiem fil-qasam soċjali jew li titqiegħed taħt arrest domiċiljarju jew li titqiegħed taħt is-superviżjoni ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni u ta’ prevenzjoni.

Jekk inti ma tressaqx it-talba tiegħek jew jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi miċħuda, inti trid tibda tiskonta s-sentenza.

Jiena minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-imħallef jista’ japplika l-miżura tas-sigurtà tad-deportazzjoni jekk inti ngħatajt sentenza ta’ iktar minn sentejn priġunerija.

L-imħallef jista’ jissostitwixxi s-sentenza ta’ ħabs b’deportazzjoni li ġġorr magħha projbizzjoni ta’ dħul mill-ġdid, jekk inti tkun ġejt ikkundannat jew ngħatajt sentenza ta’ sentejn ħabs permezz ta’ proċedura bil-patteġġament u ma ġiex ipprovdut li s-sentenza tiġi sospiża. Id-deportazzjoni tkun immedjata anki jekk is-sentenza ma tkunx finali. L-awtorità kompetenti hija l-“Questore” [il-kap provinċjali tal-pulizija tal-Istat].

Inti tista’ tiġi ddeportat anki jekk diġà tinstab il-ħabs u trid tiskonta sentenza ta’ inqas minn sentejn. L-ordni tiġi ppreżentata mill-Maġistrat tat-“Tribunale di Sorveglianza”. Inti tista’ tressaq appell kontra din id-deċiżjoni quddiem it-“Tribunale di Sorveglianza”.

 

L-informazzjoni dwar il-kapi tal-akkuża u/jew il-kundanna tista' titniżżel fil-kondotta tiegħi?

Is-sentenzi finali jiġu rreġistrati fil-kondotta.

Ir-rekords jitneħħew mill-kondotta malli taqbeż it-80 sena jew wara li tmut.
Jitneħħew ukoll jekk il-kawża tiġi riveduta.

Is-sentenzi imposti minn Ġudikant Lajk (Giudice di Pace) jitneħħew ħames snin wara d-data ta’ meta tkun inħarġet is-sanzjoni, f'każ li tkun ġiet imposta multa, jew wara għaxar snin għal piena differenti, u jekk ma jkun twettaq l-ebda delitt/reat ieħor fil-perjodu ta’ żmien stabbilit.

Inti tista’ titlob lill-Qorti kompetenti sabiex ir-rekords u ċ-ċertifikati miżmuma mill-Uffiċċju tal-Kondotti jiġu kkoreġuti. Jekk inti ma twelidtx fl-Italja, il-qorti kompetenti hija l-Qorti f’Ruma.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ ġġudikat għall-istess delitt?

Jekk inti ġejt ikkundannat minn Imħallef Taljan, il-kundanna tkun finali u ma tkunx tista' terġa’ tittella’ l-qorti għall-istess delitt fl-Italja (ne bis in idem).

Jekk inti ġejt ikkundannat minn Imħallef barrani għal delitt/reat li twettaq fl-Italja, mela inti tkun tista’ terġa’ titressaq il-qorti fl-Italja.

Links relatati

Kwistjonijiet ta' liġi ġenerali

Il-Ministeru tal-Intern

Kwistjonijiet ġenerali għal dawk li mhumiex ċittadini Taljani

Kwistjonijiet tal-liġi kriminali

Il-Pulizija tal-Istat

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna