Imputati (proċeduri kriminali)

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

A. Għandi d-dritt nappella d-deċiżjoni tal-qorti?

Iva, bħala regola - soġġett għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi (ara l-Artikolu 593 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) - jista’ jiġi ppreżentat appell kontra sentenzi ta’ kundanna; alternattivament, jista’ jiġi ppreżentat appell direttament quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni kontra sentenzi fil-prim’istanza li jkunu soġġetti għal appell.

B. X’rimedji oħrajn għandi?

Appell fil-kassazzjoni fuq il-bażijiet stabbiliti mil-liġi (ara l-Artikolu 606 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) - minbarra l-każijiet previsti taħt dispożizzjonijiet speċifiċi - jista’ jiġi ppreżentat kontra sentenzi mogħtija fl-appell jew sentenzi li ma humiex soġġetti għal appell.

C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi ikkundannat?

i. Il-fedina penali

B’mod ġenerali, il-kundanni kriminali finali jiġu rreġistrati, inter alia, f’estratt mill-fedina penali tal-individwu inkwistjoni.

v. L-eżekuzzjoni tas-sentenza, it-trasferiment tad-detenuti, is-sentenzi sospiżi u s-sanzjonijiet alternattivi

Sospensjoni kondizzjonali tas-sentenza: bħala regola, meta tingħata sentenza ta’ priġunerija jew sentenza ta’ kustodja għal perjodu ta’ sentejn jew inqas, jew piena monetarja li, waħedha jew flimkien mas-sentenza ta’ kustodja korrispondenti skont il-liġi, tkun ekwivalenti għal sentenza li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ta’ perjodu totali ta’ sentejn jew inqas, il-Qorti tista’ tordna li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tiġi sospiża għal perjodu ta’ 5 snin jekk il-kundanna tkun għal reat kriminali serju u għal sentejn jekk il-kundanna tkun għal reat inqas serju; huma previsti limiti ogħla ta’ pieni għall-minorenni u għall-adulti taħt l-età ta’ 21 sena (3 snin u sentejn u nofs rispettivament).

Sanzjonijiet alternattivi: skont l-Artikolu 53 tal-Liġi Nru 689 tal-24 ta’ Novembru 1981, il-Qorti tista’, meta tagħti sentenza ta’ kundanna, fejn tqis li t-terminu ta’ detenzjoni ma jridx jaqbeż is-sentejn, tissostitwixxi dik is-sentenza b’sentenza ta’ semidetenzjoni; meta tqis li t-terminu ma jridx jaqbeż sena, hija tista’ tissostitwixxi dik is-sentenza bis-superviżjoni tal-qorti (“libertà controllata”); meta tqis li t-terminu ma jridx jaqbeż 6 xhur, hija tista’ tissostitwixxi wkoll dik is-sentenza b’piena monetarja proporzjonata.

L-eżekuzzjoni tas-sentenza: b’mod ġenerali - ħlief fil-każ ta’ persuna li, fid-dawl tal-att li rriżulta fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna, diġà hija detenuta f’kustodja fil-ħabs fiż-żmien meta tingħata s-sentenza finali, l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kustodja - inkluża kwalunkwe parti rimanenti minn sentenza itwal - li ma taqbiżx 4 snin u li ma ġietx imposta għal ċerti reati kriminali serji (imsemmija fl-Artikolu 656(9)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u fl-Artikolu 4 bis tal-Liġi Nru 354/1975) hija sospiża mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, b’digriet għal dak il-għan innotifikat lill-persuna kkundannata u lill-avukat tagħha, li jiddikjara, inter alia, li jista’ jiġi ppreżentat rikors għal alternattiva għal detenzjoni ordinarja fil-ħabs fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-liġi; l-imħallfin li jissorveljaw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi (Magistratura di Sorveglianza) huma responsabbli sabiex jiddeċiedu tali rikorsi.

Trasferiment ta’ persuni f’kustodja: id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 16 tas-7 ta’ Settembru 2010, adottat f’konformità mal-Liġi Delegata Nru 88 tas-7 ta’ Lulju 2009 (Liġi Komunitarja 2008) sabiex il-liġi nazzjonali Taljana tiġi allinjata mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 (dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu eżegwiti fl-Unjoni Ewropea) jew id-dispożizzjonijiet ta’ trattati internazzjonali bilaterali konklużi mill-Italja f’dan il-qasam għandhom japplikaw.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.