Imputati (proċeduri kriminali)

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Kif jiġu ttrattati r-reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Hemm żewġ kategoriji ta’ ksur tal-liġi pprovduti mill-Kodiċi tal-Awtostrada/mir-Regoli tat-Triq: ir-reati u l-ksur amministrattiv.

Għal reati bħal sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, il-valutazzjoni u l-impożizzjoni tal-piena jsegwu l-istess regoli bħal f’każ kriminali.

Għal reati minuri (bħal sewqan li jaqbeż il-limitu tal-veloċità jew reati ta’ parkeġġ), hemm proċedura amministrattiva li se tiġi spjegata f’din l-iskeda informattiva.

Min jieħu ħsieb reati bħal dawn?

Il-Pattulja tat-Triq, il-Pulizija tal-Istat, il-“Carabinieri”, il-“Guardia di Finanza” [il-Pulizija Fiskali] u l-“Polizia Municipale” [il-Pulizija Muniċipali] jieħdu ħsieb ir-reati tat-traffiku fit-triq. F’ċerti każijiet, l-“ausiliari del traffico” [voluntiera tat-traffiku fit-triq] jistgħu wkoll jimponulek multa.

X’inhi l-proċedura?

Jekk dan ikun possibbli, l-Att ta’ Akkuża jiġi ppreparat immedjatament u kkonsenjat lilek personalment.

Jekk dan ma jkunx possibbli, ir-rapport jintbagħtlek fi żmien 150 jum mill-identifikazzjoni ta’ min ikun wettaq ir-reat jew tal-individwu li jkun responsabbli mill-ħlas tal-multa (ġeneralment is-sid tal-vettura).

X’inhuma l-pieni?

Ġeneralment, ikun mistenni li inti tħallas multa.

Jista’ jkun hemm anki sanzjonijiet amministrattivi oħrajn; pereżempju, inti tista’ tiġi skwalifikat mis-sewqan jew tista’ tiġi pprojbit milli ssuq għal ċertu perjodu ta’ żmien.

Jiena ġej minn Stat Membru ieħor. Hemm xi regoli partikolari?

Jekk inti qed issuq karozza bi pjanċi barranin, inti tista’ tħallas multa mnaqqsa immedjatament (sanzjoni minima) jekk dan ikun permess. F’każijiet bħal dawn, inti ma tistax tappella.

Possibbiltà oħra hija li inti tista’ tħallas “cauzione” [depożitu] daqs l-ammont tas-sanzjoni minima jekk il-vettura tkun irreġistrata f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE, jew daqs nofs l-ammont tas-sanzjoni massima fi kwalunkwe każ ieħor. Inti tista’ tappella anki jekk tkun ħallast il-“cauzione”.

Jekk inti ma tħallasx il-“cauzione” il-vettura tiegħek tiġi provviżorjament issekwestrata. Jekk jiġri dan, jeħtieġ li inti tħallas għall-konfiska tal-vettura u ma titħalliex tużaha sakemm ma tkunx ħallast waħda mis-somom ta’ flus imsemmija iktar ’il fuq.

Jekk il-vettura ma tiġix issekwestrata, in-notifika tar-rapport lil persuni li ma jgħixux fl-Italja ssir fi żmien 360 jum minn meta jkun inkiteb ir-rapport.

X’inhu “verbale” [rapport tal-pulizija tat-traffiku]?

“Verbale” huwa rapport pubbliku fejn jiġu rrapportati l-fatti u fejn jiġu stabbiliti l-pieni.

Din hija prova pożittiva tal-fatti rrapportati mill-uffiċjal tal-pulizija.

Inti tista’ tirrifjuta li tiffirmah jew li tiġbru. Ir-rifjut tiegħek irid jiġi rraportat imma dan ma jibdilx il-validità tar-rapport.

Nista’ nappella?

Il-persuna li isimha jidher fuq ir-rapport tista’ tappella, irrispettivament minn jekk tkunx il-persuna li wettqet ir-reat jew is-sid tal-vettura.

Inti tista’ tressaq appell quddiem il-Prefett jew quddiem Ġudikant Lajk (Giudice di Pace).

L-appell lill-Prefett irid jiġi ppreżentat personalment jew permezz ta’ ittra ċċertifikata b’konferma tar-riċevuta fi żmien 60 jum lill-uffiċċju tal-Prefett fil-post fejn twettaq ir-reat jew lill-awtorità tal-valutazzjoni.

L-appell lill-Ġudikant Lajk (Giudice di Pace) irid jiġi ppreżentat personalment jew permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta, fi żmien 60 jum min-notifika tal-att lill-uffiċċju tal-Ġudikant Lajk fil-post fejn twettaq ir-reat. Fil-qorti, trid tkun preżenti jew personalment jew permezz tal-avukat tiegħek, inkella l-proċeduri jkunu nulli u bla effett.

Dawn ir-reati jistgħu jitniżżlu fil-kondotta tiegħi?

Peress li dawn huma reati amministrattivi ma jitniżżlux fil-kondotta tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna