Imputati (proċeduri kriminali)

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

X’inhi investigazzjoni?

Investigazzjoni hija sensiela ta’ attivitajiet imwettqa mill-Prosekutur Pubbliku u mill-Pulizija Kriminali eżatt wara avviż ta’ reat. L-avviż ta’ reat jinkiseb direttament mill-Prosekutur Pubbliku jew mill-Pulizija Kriminali, jew inkella permezz ta’ azzjoni li tiġi ppreżentata mir-rikorrent jew minn individwi oħrajn.

X’inhu l-iskop ta’ investigazzjoni kriminali?

L-iskopijiet tal-inkjesta preliminari huma: li jiġi aċċertat jekk effettivament twettaqx delitt/reat jew le, li tinstab il-persuna responsabbli u li jinġabru l-provi ħalli jitkomplew l-investigazzjoni u l-proċeduri.

Min iwettaq l-investigazzjonijiet?

Il-Prosekutur Pubbliku, il-Pulizija Kriminali u l-avukat tal-imputat iwettqu l-investigazzjoni. Imbagħad hemm l-Imħallef għall-Inkjesti Preliminari li jiggarantixxi li r-regolamenti proċedurali u d-drittijiet tal-partijiet jiġu rrispettati.

X’inhuma l-fażijiet prinċipali ta’ inkjesta preliminari?

It-tiftix għall-provi

Il-Prosekutur Pubbliku u l-Pulizija Kriminali jistgħu jagħmlu arranġamenti u jwettqu perkwiżizzjonijiet, kontrolli, sekwestri ta’ oġġetti u ta’ dokumenti, eżami ta’ xhieda, interċettazzjonijiet telefoniċi, sorveljanza elettronika u spezzjonijiet fil-proprjetà. L-iskop ta’ dawn il-fażijiet huwa li jsir tiftix għall-provi u li dawn jinġabru. L-avukat tal-imputat jista’ jwettaq perkwiżizzjonijiet sabiex ifittex provi li jeżoneraw lill-klijent tiegħu.

L-interrogazzjoni

Persuna suspettata tista’ tissejjaħ mill-pulizija kriminali jew mill-Prosekutur Pubbliku sabiex tiġi interrogata. L-iskop ta’ interrogazzjoni huwa li jiġi skopert jekk l-individwu jkunx involut f’delitt/reat.

L-arrest, iż-żamma taħt arrest, iż-żamma taħt arrest preventiv fil-ħabs u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew

Il-pulizija jistgħu jarrestaw individwu jekk huwa jinqabad fil-fatt hekk kif ikun qed iwettaq id-delitt/ir-reat, jew jarrestawh wara li jkun twettaq id-delitt, jekk ikun hemm riskju li jista’ jaħrab. L-iskopijiet tal-arrest huma li jkun evitat li jitwettqu iktar delitti, li l-individwu jinżamm taħt arrest preventiv u li jkun żgurat li l-persuna suspettata ma taħrabx.

L-Imħallef għall-Inkjesti Preliminari jista’ jiddeċiedi li l-persuna suspettata għandha tinżamm taħt arrest preventiv fil-ħabs. Ir-raġuni għal dan huwa biex ikun evitat li jitwettqu iktar delitti, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-provi meħtieġa u sabiex ikun evitat li l-persuna suspettata taħrab.

Fl-aħħar nett, il-pulizija jistgħu jarrestaw individwu sabiex jinfurzaw Mandat ta' Arrest Ewropew. L-iskop ta’ Mandat bħal dan huwa li l-individwu jinżamm taħt arrest preventiv min-naħa tal-Istat li jagħmel it-talba.

L-għeluq tal-inkjesta preliminari u tas-smigħ preliminari.

Malli tiġi fi tmiemha l-inkjesta preliminari, il-Prosekutur Pubbliku jagħti bidu għall-prosekuzzjoni sakemm ma jkunx talab li l-każ jiġi miċħud.

Għall-iktar delitti serji, qabel ma jibda l-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir smigħ preliminari quddiem l-Imħallef. Il-funzjoni ta’ dan is-smigħ huwa li jagħmilha ta’ filtru sabiex ikunu vvalutati r-raġunijiet għall-akkuża u sabiex ikunu evitati proċessi inutli quddiem il-qorti kriminali. L-imputat jista’ jagħżel li jiġi ġġudikat bi proċedura alternattiva, fejn jevita l-proċess quddiem il-qorti kriminali u, fil-każ ta’ kundanna, jibbenefika minn tnaqqis fis-sentenza tiegħu ta’ ħabs.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links li ġejjin sabiex issir taf x’inhuma d-drittijiet tiegħek waqt kull fażi tal-investigazzjoni.

It-tiftix għall-provi (1)

Il-pulizija jistgħu jwettqu spezzjonijiet u perkwiżizzjonijiet fid-dar tiegħi, fil-karozza tiegħi jew fil-bini fejn huwa stabbilit in-negozju tiegħi?

Iva. Il-pulizija jistgħu jwettqu spezzjonijiet u perkwiżizzjonijiet lokalizzati jew fuq l-inizjattiva tagħhom jew fuq it-talba tal-Prosekutur Pubbliku sabiex ifittxu u jikkonsenjaw il-provi tad-delitt/tar-reat imwettaq.

Jistgħu jagħmlu perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi?

Iva. Irid ikun hemm mandat mill-Prosekutur Pubbliku għal perkwiżizzjoni fuq il-persuna. Madankollu, il-pulizija jistgħu jwaqqfu lill-individwu u jagħmlu perkwiżizzjoni minn fuq ħwejġu, fuq l-inizjattiva tagħhom stess.

Il-pulizija jistgħu jieħdu dokumenti u oġġetti li jkolli miżmuma għandi jew li jkunu jinsabu fid-dar tiegħi, fil-karozza tiegħi jew fil-bini fejn huwa stabbilit in-negozju tiegħi?

Iva. Il-pulizija jistgħu jissekwestraw dokumenti u oġġetti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala provi materjali u li jkunu meħtieġa sabiex jiġi pprovat fatt, kemm fuq l-inizjattiva tagħhom stess kif ukoll b’mandat mingħand il-Prosekutur Pubbliku.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi f’każ ta’ spezzjoni, ta’ perkwiżizzjoni u ta’ sekwestru?

Jekk inti ġejt soġġett għal perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek jew għal perkwiżizzjoni minn fuq ħwejġek inti tista’ tiġi assistit minn persuna affidabbli, dejjem jekk din tkun immedjatament disponibbli. Il-perkwiżizzjoni fuq il-persuna trid titwettaq b'tali mod li tiġi rispettata d-dinjità tiegħek.

Fil-każ ta’ spezzjoni jew ta’ sekwestru b’mandat, il-pulizija trid tikkonsenjalek kopja ta’ tali mandat. Jekk inti ma tkunx preżenti dak il-ħin, il-pulizija trid tikkonsenjah lil kull min ikun preżenti fuq il-post f’dak il-ħin. Inti għandek id-dritt li tkun assistit minn avukat imma l-pulizija mhumiex obbligati jikkuntattjaw lill-avukat minn qabel.

Għandi d-dritt għal petizzjoni kontra s-sekwestru?

Iva, inti tista’ tippreżenta talba għal reviżjoni fi żmien għaxart ijiem mill-ordni ta’ sekwestru/konfiska. Id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-qorti kompetenti.

Nista' nintalab nagħti l-marki tas-swaba’ tiegħi jew kampjuni tad-DNA tiegħi (xagħar, bżieq jew fluwidi tal-ġisem)?

Iva. Jekk qed jiġi suspettat li inti wettaqt delitt, il-pulizija jistgħu jitolbuk kampjuni tad-DNA u l-marki tas-swaba’ tiegħek sabiex jidentifikawk. Jekk inti ma tagħtix il-kunsens tiegħek, il-pulizija xorta jistgħu jipproċedu, sempliċement billi jitolbu awtorizzazzjoni verbali mingħand il-Prosekutur Pubbliku sabiex jieħdulek l-marki tas-swaba’ jew il-kampjuni.

Inti tista’ tintalab li tagħti l-marki tas-swaba’ tiegħek u l-kampjuni tad-DNA bħala provi, imma dan jiġri biss jekk ikun qed jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitti serji u għaldaqstant tkun meħtieġa ordni mingħand l-Imħallef jew, f’każijiet urġenti, mandat mingħand il-Prosekutur Pubbliku u mbagħad ratifika mingħand l-imħallef.

Nista’ nitlob li jsiru investigazzjonijiet għad-difiża tiegħi?

L-avukat tiegħek għandu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet f’ismek għad-difiża tiegħek anki billi juża investigatur privat.

Huwa jista’ anki jieħu nota ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni tax-xhieda, jispezzjona siti, jawtorizza esperti u jitlob dokumenti mingħand is-Servizz Pubbliku.

L-avukat tiegħek jista’ jippreżenta dikjarazzjonijiet mingħand ix-xhieda u dokumenti lill-Imħallef għall-Inkjesti Preliminari, lill-Prosekutur Pubbliku u lit-“Tribunale del Riesame” [qorti speċjali li l-kompitu tagħha huwa li tirrevedi, fuq it-talba tal-imputat, l-ordnijiet li jimponu miżuri ta’ impożizzjoni bħal: arrest domiċiljari jew deportazzjoni].

Dawn jiġu kkunsidrati meta l-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha.

L-interrogazzjoni (2)

Għaliex nista’ niġi interrogat?

Jekk qed jiġi ssuspettat li inti involut f’delitt inti tista’ tissejjaħ biex tiġi interrogat ħalli jiġu vverifikati l-allegazzjonijiet/akkużi.

Inti tista’ anki titlob li tiġi interrogat sabiex tiċċara l-pożizzjoni tiegħek.

Jekk inti qed tinżamm taħt arrest jew taħt arrest preventiv, ikklikkja hawnhekk.

Nista' ningħata xi informazzjoni dwar il-kapi tal-akkuża qabel l-interrogazzjoni?

Iva. Deskrizzjonijiet tal-fatti dwar l-akkuża fil-konfront tiegħek ikunu inklużi fiċ-ċitazzjoni għall-interrogazzjoni. Qabel ma tibda l-interrogazzjoni, inti ssir taf biex ġejt akkużat u x’inhuma l-provi kontra tiegħek.

Bilfors irrid inwieġeb il-mistoqsijiet?

Le. Qabel ma tibda l-interrogazzjoni, il-pulizija u l-Prosekutur Pubbliku jridu jwissuk li initi ma intix obbligat twieġeb il-mistoqsijiet. Madankollu, inti trid twieġeb il-mistoqsijiet relatati mad-dettalji personali u mal-kundanni preċedenti tiegħek.

X’jiġri jekk ma nifhimx il-lingwa tal-post?

Inti għandek id-dritt li tkun assistit minn interpretu mingħajr ħlas. L-interpretu jittraduċi l-mistoqsijiet li jsirulek u t-tweġibiet tiegħek.

Jista’ jkolli avukat?

Meta inti tissejjaħ għall-interrogazzjoni, tingħata informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li tkun assistit minn avukat. Jekk inti ma jkollokx avukat, il-qorti se taħtar wieħed għalik hi. Għal informazzjoni dwar kif tikseb is-sevizzi ta’ avukat, ara l-Iskeda Informattiva 1.

Waqt il-perjodu kollu li inti tkun qed tiġi interrogat, inti trid tkun assistit minn avukat, irrispettivament minn jekk dan ikunx l-avukat personali tiegħek jew jekk ikunx maħtur mill-qorti.

Immedjatament wara li jkun twettaq id-delitt, il-pulizija jistgħu jagħmlulek xi mistoqsijiet anki jekk l-avukat tiegħek ma jkunx preżenti, imma inti ma intix obbligat twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Jekk inti twieġeb, id-dikjarazzjonijiet tiegħek jistgħu jintużaw bħala provi sabiex jitkomplew l-investigazzjonijiet.

L-arrest, iż-żamma taħt arrest, iż-żamma taħt arrest preventiv fil-ħabs u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew (3)

Għaliex nista’ niġi arrestat?

Il-pulizija jistgħu jarrestawk jekk inti tinqabad fil-fatt meta tkun qed twettaq delitt, jiġifieri hekk kif tabilħaqq tkun qed twettaq delitt jew, jekk ikunu ġrew warajk, immedjatament wara.

Il-pulizija jistgħu jżommuk taħt arrest anki jekk tinqabad fil-fatt meta kont qed twettaq delitt, meta jkun qed jiġi suspettat li inti wettaqt delitt u jekk ikun hemm riskju reali li inti tista’ tipprova taħrab.

Imħallef għall-Inkjesti Preliminari jista’ jordna li inti għandek tinżamm taħt arrest preventiv fil-ħabs jekk ikun hemm provi serji li inti tista’ tkun ħati ta’ delitt u jkun hemm riskju li b’xi mod inti tista’ tinterferixxi jew tostakola l-andament tal-ġustizzja jew li inti tista’ twettaq delitti oħrajn jew li tipprova taħrab.

Inkun nista’ nitkellem ma’ avukat?

Iva. Eżatt wara l-arrest, iż-żamma taħt arrest jew wara li tkun ġiet innotifikata ordni ta’ żamma taħt arrest preventiv fil-ħabs, il-pulizija jridu jinfurmawk li inti tista’ taħtar avukat. Il-pulizija jridu jikkuntattjaw lill-avukat tiegħek immedjatament jew, jekk inti ma jkollokx wiehed, lill-avukat li jkun inħatar mill-qorti. Għal informazzjoni dwar kif tikseb is-servizzi ta’ avukat, ara l-Iskeda Informattiva 1.

Inti għandek id-dritt li titkellem immedjatament mal-avukat tiegħek.

Jekk ikun hemm raġunijiet eċċezzjonali sabiex inti tinżamm taħt arrest preventiv, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jipposponu d-diskussjonijiet mal-avukat tiegħek għal perjodu li ma jeċċedix it-48 siegħa fil-każ ta’ arrest jew ta’ żamma taħt arrest u ta’ ħamest (5) ijiem fil-każ ta’ żamma taħt arrest preventiv.

Nista’ nikkuntattja lil xi membru tal-familja?

Iva. Il-pulizija jikkuntattjaw lill-qraba tiegħek jekk inti tawtorizzahom jagħmlu dan.

Jiena nista' niġi interrogat? Għandi nipprovdi informazzjoni?

Jekk inti tiġi arrestat jew tinżamm taħt arrest, il-pulizija jistgħu jinterrogawk fil-preżenza tal-avukat tiegħek imma inti ma intix obbligat twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom.

Huma se jgħidulek x’inhuma l-akkużi u l-provi kontra tiegħek.

Fis-smigħ taż-żamma taħt arrest, inti tista’ tiġi interrogat mill-Imħallef imma ma intix obbligat li twieġeb. Inti tista’ wkoll titlob li tiġi interrogat.

Fil-każ ta’ żamma taħt arrest preventiv fil-ħabs, l-Imħallef irid jinterrogak fi żmien ħamest (5) ijiem mill-bidu ta’ żamma taħt arrest preventiv bħal dan (dik li tissejjaħ interrogazzjoni waqt żamma taħt arrest preventiv). Il-preżenza tal-avukat tiegħek u ta’ interpretu hija obbligatorja u inti ma intix obbligat li twieġeb.

Għal iktar informazzjoni ara L-interrogazzjoni (2).

X’jiġri jekk ma nifhimx il-lingwa?

Inti għandek id-dritt li tkun assistit minn interpretu mingħajr ħlas. L-interpretu jittraduċi l-mistoqsijiet li jsirulek u t-tweġibiet tiegħek.

Kemm nista’ ndum miżmum mill-pulizija?

Wara l-arrest jew iż-żamma taħt arrest tiegħek, inti tista’ tinżamm fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija għal mhux iktar minn 24 siegħa. F’dan il-perjodu ta’ żmien, il-pulizija jridu jqiegħduk il-ħabs. Fi żmien 48 siegħa mill-arrest isir smigħ quddiem Imħallef biex ikun ikkonfermat l-arrest jew iż-żamma taħt arrest tiegħek. Malli jintemm is-smigħ, l-Imħallef jista’ jew jordna li inti tiġi lliberat immedjatament jew jiddeċiedi fuq miżura ta’ żamma taħt arrest preventiv.

Nista’ nappella kontra ordni li ġġiegħlni ninżamm taħt arrest preventiv?

Iva. Fi żmien għaxart (10) ijiem mill-eżekuzzjoni tal-ordni, inti tista’ titlob lill-Qorti Kulleġġjali kompetenti sabiex tirrevedi l-ordni. Isiru arranġamenti għal smigħ li bi dritt, inti għandek tattendi għalih u fejn tista’ titlob li tinstema’. Inti tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Qorti fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta tittieħed id-deċiżjoni.

X’jiġri jekk niġi arrestat taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk Stat Membru jkun ordna Mandat ta' Arrest Ewropew inti tista’ tiġi arrestat fi Stat Membru ieħor u tiġi kkonsenjat lill-Istat Membru li jkun għamel it-talba wara smigħ quddiem il-Qorti tal-Appell.

Inti tista’ tiġi arrestat mill-pulizija fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew wara ordni għal żamma taħt arrest preventiv maħruġ mill-Qorti tal-Appell.

Inti għandek id-dritt li taħtar avukat. Jekk ma jkollokx avukat, il-qorti se taħtar wieħed għalik hi. L-avukat u l-Ambaxxata tiegħek iridu jiġu kkuntattjati immedjatament.

Fi żmien 48 siegħa minn meta tiġi arrestat mill-pulizija jew fi żmien ħamest (5) ijiem mill-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ żamma taħt arrest preventiv, jisimgħek Imħallef fil-preżenza tal-avukat tiegħek u ta’ interpretu.

Fi żmien 20 jum mill-arrest tiegħek isir smigħ quddiem il-Qorti tal-Appell. Waqt dak is-smigħ, tittieħed deċiżjoni dwar jekk inti għandekx tiġi kkonsenjat jew le. Inti tista’ tressaq appell kontra tali deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

It-tmiem tal-inkjesta preliminari u s-smigħ preliminari (4)

X’jiġri malli tintemm l-inkjesta preliminari?

Sakemm il-Prosekutur Pubbliku ma jitlobx li l-każ jiġi miċħud, huwa jinnotifikak li l-inkjesta preliminari tkun ġiet fi tmiemha. Inti ma tiġix innotifikat jekk id-delitt jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Ġudikant Lajk (Giudice di pace).

Inti tista’ tikkonsulta r-rekords tal-inkjesta preliminari u ssir taf bit-traskrizzjonijiet tal-provi kontra tiegħek. Inti tista’ tippreżenta sommarji tal-fatti u provi għad-difiża tiegħek, u tista’ titlob li terġa’ tiġi interrogat.

Wara n-notifika li l-inkjesta preliminari tkun ġiet fi tmiemha, il-Prosekutur Pubbliku jagħti bidu għall-prosekuzzjoni, sakemm ma jitlobx li l-każ jiġi miċħud. Għal reati minuri, il-Prosekutur Pubbliku se jħarrkek direttament għall-proċess quddiem il-qorti kriminali. F’każijiet oħrajn, huwa jagħmel talba għal proċess quddiem il-qorti kriminali lill-Imħallef għall-Inkjesti Preliminari.

X’inhu smigħ preliminari?

L-iskop tas-smigħ preliminari huwa li jiġu vverifikati l-kapi tal-akkuża kontra tiegħek.

Dan isir fil-privat mal-Prosekutur Pubbliku u l-avukat tiegħek, u jekk tkun trid, tista’ tipparteċipa u tinstema’. L-Imħallef jista’ jisma’ lix-xhieda u jikseb dokumenti. Fi tmiem is-smigħ, l-Imħallef jista’ jew jiċħad il-każ jew jibagħtu għal proċess quddiem il-Qorti jew quddiem il-Qorti tal-“Assise”.

Għandi dritt li jkolli avukat?

Iva, huwa obbligatorju li tkun assistit minn avukat.

Għal iktar informazzjoni, ara l-Iskeda Informattiva 1.

X’jiġri jekk ma nifhimx il-lingwa?

It-talba biex inti tintbagħat għal proċess quddiem il-qorti kriminali u l-kapi tal-akkuża jridu jiġu tradotti fil-lingwa tiegħek. Jekk inti tkun preżenti waqt is-smigħ, inti tiġi pprovdut b’interpretu.

Bilfors irrid inkun preżenti?

Le, tista’ tagħżel li ma tkunx preżenti.

Nista’ nevita l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. Inti tista’ titlob lill-imħallef waqt is-smigħ preliminari sabiex tiġi ġġudikat permezz ta’ proċess sommarju quddiem il-qorti kriminali. Is-seduti ta' smigħ isiru fil-privat u d-deċiżjoni titteħed fuq il-bażi ta’ provi bil-miktub. Jekk inti tiġi kkundannat, il-piena titnaqqas b’terz.

Inti tista’ wkoll tevita proċess quddiem il-qorti kriminali billi taqbel ma’ piena mnaqqsa mal-Prosekutur Pubbliku (proċedura bil-patteġġament).

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna