Imputati (proċeduri kriminali)

Italja

Huwa ferm importanti li tikseb parir legali indipendenti meta b’xi mod tkun involut fi proċedura kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek f’liema ċirkustanzi inti jkollok id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat. Huma jgħidulek ukoll dak li avukat jista’ jagħmel għalik. Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif se jitħallsu d-drittijiet tal-avukat jekk inti ma tkunx tiflaħ tħallas għalihom.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Kif issib avukat

Jekk inti ġejt arrestat jew qed tinżamm taħt arrest jew qed tinżamm taħt arrest preventiv, inti tista’ taħtar immedjatament avukat privat u tiltaqa’ miegħu eżatt wara l-arrest, iż-żamma taħt arrest jew iż-żamma taħt arrest preventiv.

Jekk inti ġejt meħlus mill-arrest fuq garanzija personali, inti tista’ taħtar avukat privat u titkellem miegħu meta trid.

Tista’ ssib avukat fil-links li ġejjin:

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Avukati

Id-Dritt Kriminali Multilingwi

Il-Kamra tal-Avukati tal-Kawżi Kriminali Taljana

Jekk ma taħtarx avukat, l-Awtorità Ġudizzjarja taħtar wieħed għalik hi minn reġistru speċjali.

Kif jitħallas l-avukat

Ġeneralment, inti mistenni tħallas għall-avukat li jkun qiegħed jassistek, irrispettivament minn jekk tkunx għażiltu inti jew jekk ikunx inħatar għalik mill-Qorti.

Nista’ nikseb is-servizzi ta’ avukat mingħajr ħlas?

Inti tista’ tagħmel applikazzjoni għall-għajnuna legali sabiex l-assistenza legali li tingħatalek titħallas mill-gvern jekk l-introjtu taxxabbli tiegħek ma jaqbiżx EUR 10 628.16. Jekk inti tgħix mal-konjuġi tiegħek jew ma’ qraba oħrajn, l-introjtu taxxabbli jiġi kkalkulat billi jingħaddu flimkien l-introjti kollha ta’ kull wieħed mill-membri tal-familja. F’każ bħal dan, il-limitu tal-introjtu jiżdied b’EUR 1 032.91 aktar u jiġi kkalkulat għal kull wieħed mill-membri tal-familja li qed jgħixu mal-parti interessata.

Hemm ċirkustanzi fejn l-għajnuna legali hija eskluża?

L-għajnuna legali hija eskluża:

  • fi proċeduri kriminali relatati ma’ evażjoni tat-taxxa;
  • jekk l-applikant ikun assistit minn iktar minn avukat wieħed;
  • għal dawk li jkollhom kundanna finali għal delitti relatati ma’ assoċjazzjoni tal-mafja u mal-kutrabandu tat-tabakk u t-traffikar tad-drogi.

X’nista’ nagħmel biex nikseb l-Għajnuna Legali?

Inti trid tippreżenta applikazzjoni fl-uffiċċju tal-maġistrat fejn tkun pendenti l-kawża.

Inti trid timla u tiffirma l-applikazzjoni u trid tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

  • it-talba biex tingħata l-għajnuna legali;
  • l-isem, il-kunjom, il-post, id-data tat-twelid u l-kodiċi fiskali, flimkien ma' dawk tal-membri kollha tal-familja tiegħek;
  • iċ-ċertifikazzjoni tal-introjtu tiegħek għas-sena ta’ qabel l-applikazzjoni tiegħek (dikjarazzjonijiet bil-miktub);
  • l-impenn tiegħek li tikkomunika kwalunkwe bidla rilevanti fl-introjtu tiegħek sabiex tingħata l-benefiċċji.

Inti tista’ jew tissottometti l-applikazzjoni tiegħek personalment, fejn tehmeż fotokopja ta’ karta tal-identità valida, jew tista’ tissottomettiha permezz tal-avukat tiegħek li jrid jillegalizza l-firma tiegħek. Tista’ anki tibgħataha permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta, fejn tehmeż fotokopja tal-karta tal-identità tiegħek.

Jekk qed tinżamm taħt arrest inti tista’ tissottommetti l-applikazzjoni tiegħek mill-ħabs.

Jekk qed tinżamm taħt arrest domiċiljari jew taħt arrest preventiv, inti tista’ tissottometti l-applikazzjoni tiegħek lil xi uffiċjal tal-pulizija kriminali.

Jekk inti barrani/ċittadin ta’ pajjiż minn barra l-UE, inti trid tehmeż ċertifikazzjoni mal-applikazzjoni tiegħek mingħand l-awtorità konsulari kompetenti dwar l-introjtu tiegħek barra mill-pajjiż u trid tiddikjara li dak li ddikjarajt fl-applikazzjoni tiegħek huwa veru.

Jekk dan mhuwiex possibbli, ċertifikazzjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita b’awtoċertifikazzjoni. Jekk inti barrani u qiegħed tinżamm taħt arrest fil-ħabs għal raġunijiet ta’ sigurtà, jew jekk inti arrestat jew taħt arrest domiċiljari, iċ-ċertifikazzjoni mill-Konsulat tiegħek tista’ tiġi sottomessa fi żmien għoxrin jum mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni tiegħek mill-avukat tiegħek jew minn persuna li tiġi minnek jew inkella tista’ tiġi sostitwita wkoll b’dikjarazzjoni bil-miktub.

X’jiġri jekk ningħata l-għajnuna legali?

Jekk l-imħallef jilqa’ t-talba tiegħek, inti tista’ tagħżel avukat privat minn fost l-avukati elenkati f’reġistri speċjali li jinżammu mill-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati. Inti tista’ tikkonsulta dawn ir-reġistri fl-uffiċċju ta’ kull Assoċjazzjoni tal-Avukati.

L-ispejjeż relatati mal-għajnuna legali u l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri, inklużi s-servizzi ta’ interpretu għandhom jitħallsu mill-gvern.

Links relatati

Avukati Voluntiera

Il-Ministeru tal-Intern

Il-Kamra tal-Avukati tal-Kawżi Kriminali Taljana

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Triveneto

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna