Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Irlanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

X’azzjoni tittieħed fir-rigward ta' reati tat-traffiku fit-triq?

Reati minuri, bħal sewqan b’veloċità eċċessiva, l-użu ta' telefon ċellulari waqt is-sewqan jew ipparkjar illegali normalment jiġu ttrattati permezz ta' “avviż ta' penali fissa”, li jagħtik żmien definit biex tħallas multa bil-posta. Jekk ma tħallasx il-multa, il-każ tiegħek jittella’ l-qorti. Jista’ jagħti l-każ li tingħata avviż fil-ħin meta jsir ir-reat, iżda jista' wkoll jintbagħatlek avviż fl-indirizz tiegħek.

Uħud mill-avviżi ta' multa fissa jistgħu jinvolvu ż-żieda ta’ “punti penali” fuq il-liċenzja tiegħek tas-sewqan. Jekk jingħatawlek tnax-il punt penali b'kollox fi żmien tliet snin, ma tkunx tista’ ssuq aktar fl-Irlanda. Jekk tħallas l-avviż ta' penali fissa, jingħatawlek inqas punti penali milli kieku l-każ tiegħek kellu jittella' l-Qorti bir-riżultat li tiġi kkundannat. Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq proġett li permezz tiegħu se jiġu armonizzati r-rekords kollha relatati mal-liċenzji tas-sewqan tal-Istati Membri.

 

Ir-reati relatati mas-sewqan kważi dejjem jiġu mmaniġġjati minn membru tal-Gardaí komuni. Għandek tkun taf li l-liġi Irlandiża tistipula li s-sewwieqa kollha li jsuqu fl-Irlanda għandhom iżommu l-liċenzja tas-sewqan fuqhom, u li għandhom jippreżentawha f’każ li tintalab minn membru tal-Gardaí.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u toqgħod ġewwa l-Irlanda, int tiġi ttrattat bl-istess mod matul il-proċess kollu, daqs li kieku kont ċittadin Irlandiż.

Jekk il-każ tiegħek jittella’ l-Qorti, dan jinstema’ fil-Qorti Distrettwali lokali (il-qorti tal-inqas livell), minn imħallef u mingħajr ġurija. Jekk ma tkunx sodisfatt bir-riżultat, tista’ tappella d-deċiżjoni f’qorti ta’ livell ogħla, kemm jekk l-appell ikun relatat ma' kundanna kif ukoll jekk ikun jirrigwarda xi penali (ara l-Iskeda Informattiva 4).

Dawn ir-reati jitniżżlu fuq il-kondotta tiegħi?

Il-kundanni kollha relatati mas-sewqan jiġu rreġistrati fir-reġistru kompjuterizzat tal-Gardaí. Każijiet minuri ħafna, bħal pereżempju sewqan b’veloċità eċċessiva, normalment ma jitqisux bħala kundanni kriminali. Madankollu jekk tiġi mixli b’akkuża ta’ natura aktar serja, bħal pereżempju sewqan perikoluż, sewqan waqt li tkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew sewqan mingħajr polza ta’ assigurazzjoni valida, il-kundanni jitniżżlu fil-kondotta tiegħek. Reati bħal dawn jiġu ttrattati skont il-proċedura stabbilita fl-Iskeda Informattiva 4. Jekk tiġi mixli b’reat ta’ dan it-tip, għandek titlob għajnuna legali minnufih.

X’azzjoni tittieħed fir-rigward ta' reati minuri oħra?

L-aktar reati minuri komuni li jseħħu huma s-sewqan b’veloċità eċċessiva u l-użu ta' telefon ċellulari waqt is-sewqan. Diversi reati oħra, bħal pereżempju l-użu ta’ karreġġjati riżervati għall-karozzi tal-linja, jistgħu jiġu ttrattati permezz tal-“avviż ta' penali fissa”, iżda ma jinvolvux l-għoti ta' punti penali. Sewqan mingħajr attenzjoni xierqa għal persuni oħra li jkunu qed jużaw it-triq, li jinvolvi sewqan ta' traskuraġni, jinvolvi l-għoti ta’ multa u ta’ punti penali.

Jekk ma tħallasx l-avviż ta' penali fissa, tittella’ l-qorti. Bħal kif issemma hawn fuq, il-każ jinstema’ f’Qorti Distrettwali. Kif issemma' hawn fuq, dejjem tista' tappella kontra deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.