Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Irlanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

X'inhu l-iskop ta’ investigazzjoni kriminali?

L-iskop ta’ investigazzjoni kriminali huwa li tittieħed azzjoni rigward ilment dwar att kriminali li jkun sar minn membru tal-pubbliku, jew fejn il-Gardaí jissuspettaw li kien hemm xi ksur tal-liġi kriminali, u li jinstab/jinstabu l-persuna li tkun wettqet ir-reat. Normalment membru tal-pubbliku jirrapporta inċident u l-Gardaí jirreaġixxu billi jagħtu bidu għal investigazzjoni biex jiddeterminaw jekk ikunx fil-fatt sar ksur tal-liġi kriminali. Jekk iva, jibdew jinvestigaw il-kwistjoni aktar fil-fond.

Min jagħmilha l-investigazzjoni?

Kważi fil-każijiet kollha, id-dritt li jiġi investigat delitt jaqa’ f'idejn il-Pulizija Irlandiża magħrufa bħala An Garda Síochána. Il-Gardaí jistgħu jingħataw gwida legali dwar kif l-aħjar ikomplu bl-investigazzjoni tagħhom mill-Uffiċċju tal-Avukati Ewlenin tal-Prosekuzzjoni (Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi) li huma l-uffiċjali legali li jmexxu l-biċċa l-kbira tal-prosekuzzjonijiet f'isem l-istat Irlandiż.

Liema huma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

L-ewwel stadju ta’ investigazzjoni kriminali jikkonsisti fi tressiq ta' lment mingħand membru tal-pubbliku, jew l-identifikazzjoni ta’ delitt suspettat minn xi Garda (membru tal-pulizija Irlandiża). Il-Gardaí jivverifikaw jekk l-inċident, kif ikun ġie rrappurtat, huwiex reat kriminali. Jekk iva, jibdew jinvestigaw ir-reat.

Huwa f'dan l-istadju li l-Gardaí jiddeċiedu jekk ir-reat suspettat għandux jitqies bħala wieħed ‘ta’ natura serja’ jew le. It-terminu ‘ta’ natura serja’ jfisser kwalunkwe reat li teoretikament jista’ jwassal għal piena ta' priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin. Jekk ir-reat jaqa' taħt din il-kategorija jista' jiġi investigat mill-Gardaí, li jistgħu jużaw is-setgħa tagħhom biex jarrestawk u jżommuk f’għassa tal-Gardaí, u biex jinterrogawk waqt il-perjodu ta’ detenzjoni. Id-drittijiet tal-arrest, id-detenzjoni u l-interrogazzjoni se jiġu diskussi aktar ’il quddiem f'din l-iskeda informattiva.

Jekk ir-reat ma jkunx wieħed ta’ natura serja, il-Gardaí jkollhom restrizzjonijiet akbar fuq is-setgħat tagħhom. Dawn normalment ikollhom is-setgħa li jinvestigaw id-delitt li allegatament ikun sar, iżda ma jkollhomx is-setgħa li jarrestawk u jżommuk bl-iskop li jinterrogawk. Huma jkollhom biss is-setgħa li jarrestawk biex iħarrkuk b’konnessjoni mar-reat suspettat. Jekk ma jarrestawkx għal reat li mhuwiex ta’ natura serja, normalment itellgħuk il-qorti sabiex jinbeda l-istadju tal-proċess quddiem il-qorti kriminali.

It-tielet stadju ta’ investigazzjoni jikkonsisti fil-ġbir ta' informazzjoni li tista’ sservi bħala evidenza fi proċess quddiem il-qorti kriminali li jseħħ aktar tard. Dan il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni jista' jieħu diversi forom, u d-drittijiet li jkollhom il-Gardaí biex jiġbru din l-informazzjoni jiddependu fuq in-natura tad-delitt suspettat. Id-dritt li għandhom il-pulizija biex jarrestawk u jinterrogawk jagħtihom poteri limitati biex jiġbru mingħandek evidenza forensika kif ukoll tipi oħra ta’ provi li jista' jkollhom potenzjal. Dan id-dritt se jiġi diskuss f’din l-iskeda informattiva.

Il-Gardaí jistgħu jieħdu deċiżjoni weħidhom jew bl-għajnuna tad-DPP dwar jekk għandekx tiġi mixli u biex għandek tiġi mixli. Id-deċiżjoni li titmexxa prosekuzzjoni kontra delitti ta’ natura serja u ta’ natura mhux serja normalment tittieħed mill-Gardaí. Jekk id-delitt ikun wieħed mhux tas-soltu, jew jekk ikun jidher b’mod evidenti li hu ta’ natura serja, jew inkella li jkun jeħtieġ l-għajnuna tad-DPP biex issir il-prosekuzzjoni, il-Gardaí normalment jitolbu l-għajnuna tad-DPP.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links li jidhru hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek waqt l-istadji differenti tal-investigazzjoni.

Id-drittijiet tiegħi meta niġi arrestat (1)

Jekk id-delitt ikun ‘ta’ natura serja’, il-Gardaí jkollhom is-setgħa li jarrestawk u jżommuk għall-interrogazzjoni. Dan ifisser li inti tittieħed fil-kustodja tal-Gardaí u li ma tkunx tista’ titlaq għall-bqija tal-kustodja legali tiegħek.

Il-Gardaí għandhom bżonn mandat biex jarrestawni?

Le. Il-Gardaí mhux bilfors għandhom bżonn mandat biex jarrestawk jekk jissuspettaw li tkun wettaqt ir-reat li jkunu qed jinvestigaw.

Fejn jistgħu jarrestawni?

Il-Gardaí jistgħu jarrestawk fid-dar tiegħek jew fi kwalunkwe post pubbliku. Biex il-Gardaí jkunu jistgħu jarrestawk, kulma għandhom bżonn huwa li jkollhom suspett raġonevoli li tkun wettaqt reat.

Għandhom jgħiduli r-raġuni għalfejn inkun ġejt arrestat?

Iva. Il-Gardaí għandhom jgħidulek ir-raġuni għalfejn tkun ġejt arrestat.

Il-Gardaí jistgħu jużaw il-forza waqt li jkunu qed jarrestawni?

Iva. Jistgħu jużaw forza raġonevoli biex jarrestawk.

Ladarba tkun ġejt arrestat-

Tittieħed f'għassa tal-Gardaí għall-interrogazzjoni jew biex tiġi akkużat bir-reat. Meta tkun fl-għassa tal-pulizija d-drittijiet tiegħek ikunu protetti bil-liġi, u l-Membru Inkarigat mill-għassa tal-Gardaí jkun responsabbli għad-drittijiet tiegħek. It-tul ta’ żmien kemm tista’ tinżamm f’għassa tal-Gardaí jiddependi mis-setgħa statutorja li permezz tagħha jkunu qed iżommuk il-Gardaí. Għal aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħek, jekk jogħġbok irreferi għall-Kunsill Irlandiż għal-Libertajiet Ċivili (ICCL – "The Irish Council for Civil Liberties").

L-interrogazzjoni u l-investigazzjoni tal-pulizija (2)

Jingħatali avviż dwar id-drittijiet tiegħi?

Iva. Meta tinżamm taħt waħda minn dawn is-setgħat statutorji, tingħata avviż dwar id-drittijiet tiegħek meta tkun tinsab f’kustodja. Dan l-avviż ikun bil-miktub u għandu jiġi tradott fil-lingwa tiegħek jekk inti ma tifhimx il-lingwa Ingliża.

Nista’ ngħarraf lill-ambaxxata tiegħi?

Iva. Jekk m'intix ċittadin Irlandiż inti tista’ tgħarraf lill-ambaxxata jew lill-konsulat tiegħek dwar l-arrest tiegħek.

Jiena minn pajjiż ieħor. Għandi nkun l-Irlanda waqt li jkunu qed isiru l-investigazzjonijiet?

Mhux bilfors. Jekk inti ma tiġix mixli b’akkuża wara li jiskadi ż-żmien tad-detenzjoni tiegħek, tkun tista’ titlaq u tivvjaġġa. Jekk l-istat Irlandiż ikun jixtieq li jixlik b’akkuża aktar ’il quddiem, tkun tista’ terġa’ lura b'mod volontarju, jew tikkontesta l-estradizzjoni tiegħek mill-istat fejn inti residenti. Jekk tiġi mixli wara li jiskadi ż-żmien ta’ detenzjoni tiegħek, inti għandek titressaq quddiem qorti kompetenti, fejn imħallef imbagħad jiddeċiedi jekk għandekx tiġi lliberat fuq garanzija.

Inkun nista’ nitkellem ma’ avukat?

Iva. Inti għandek id-dritt li tkellem avukat privatament. Jekk ma tkunx taf b'avukat inti, il-Membru Inkarigat ikun jista’ jgħinek issib wieħed, minn fuq lista li tinżamm fl-Għassa tal-Gardaí. (Ara wkoll l-Iskeda Informattiva 2)

Meta nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?

Jekk tkun tixtieq tkellem avukat, m’għandekx tiġi interrogat qabel ma jasal. Meta jasal għandek tingħata aċċess immedjat għalih.

L-avukat tiegħi jista’ jkun preżenti waqt li nkun qed niġi interrogat?

Le. Madankollu, jekk matul l-interrogazzjoni tiegħek ikun hemm xi ħaġa li ma tkunx ċert dwarha, għandek id-dritt li tikseb parir legali ulterjuri.

X’jiġri jekk ma nkunx niflaħ inħallas għall-avukat?

Jekk il-mezzi finanzjarji tiegħek ikunu limitati, tista’ tkun intitolat biex l-avukat tiegħek jitħallas tal-parir legali li jkun tak mis-Sistema Irlandiża għall-Għajnuna Legali Bla Ħlas (ara l-Iskeda Informattiva 1). Madankollu, huwa dejjem aħjar li titlob parir legali, u l-kwistjoni tal-mezzi finanzjarji tiegħek tkun tista' tiġi diskussa mal-avukat tiegħek aktar ’il quddiem, fi stadju ulterjuri tal-proċess.

Kemm tista' ddum l-interrogazzjoni tiegħi waqt li nkun f’detenzjoni, u b’liema mod se niġi interrogat?

L-interrogazzjonijiet jistgħu jdumu sa massimu ta’ erba’ sigħat kull darba. L-interrogazzjoni tiegħek għandha ssir b'mod ġust. L-interrogazzjoni għandha tiġi rreġistrata permezz ta’ vidjo kamera, sakemm dan ma jkunx prattikabbli. Inti tkun intitolat għal kopja tar-reġistrazzjoni f’każ li tkun ġejt imħarrek/imħarrka, u l-qorti tordna li l-kopja għandha tiġi rilaxxata lill-konsulent legali tiegħek. Fi kwalunkwe ħin għandu jkun hemm biss żewġ Gardaí preżenti miegħek waqt l-intervista.

Għandi nwieġeb għall-mistoqsijiet?

Le. Tista’ tibqa’ sieket/siekta matul l-interrogazzjoni, iżda għandek tkun taf li jekk tibqa’ sieket/siekta, f'ċerti ċirkustanzi dan jista’ jintuża bħala evidenza kontrik fi proċess ulterjuri quddiem il-qorti kriminali. Jekk int tirrifjuta li tirrispondi għal ċerti mistoqsijiet, il-fatt li tkun irrifjutajt li tirrispondi jista’ jintuża flimkien ma’ evidenza oħra li tappoġġja konstatazzjoni tal-ħtija tiegħek.

Jekk niġi mistoqsi/ja għal informazzjoni, għandi nipprovdiha?

Inti obbligat li tagħti d-dettalji personali tiegħek lill-Gardaí sabiex dawn ikunu jistgħu jidentifikawk. Għandek tieħu parir legali qabel ma tiddeċiedi li tipprovdi kwalunkwe informazzjoni oħra. Jekk tkun tinsab taħt arrest għall-finijiet tal-interrogazzjoni jfisser li hemm suspetti li inti wettaqt reat kriminali ta’ natura serja, u kwalunkwe informazzjoni li tipprovdi tista’ tintuża bħala evidenza kontrik waqt kwalunkwe proċess ieħor aktar ’il quddiem.

X'jiġri jekk ngħid xi ħaġa li jista’ jkollha effett negattiv fuq il-każ tiegħi?

Inti għandek dritt li ma tinkriminax lilek innifsek. Jekk it-tweġibiet tiegħek ikollhom effett negattiv fuq il-każ tiegħek, il-konsulenti legali tiegħek jagħtuk parir dwar il-konsegwenzi, li normalment ikunu jinkludu li dak li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza kontrik.

Għandi nagħti l-marki tas-swaba’ tiegħi u nippermetti li jitteħidli ritratt?

Iva. Tista’ tiġi mġiegħel tagħti l-marki tas-swaba’ tiegħek, u tagħti l-permess tiegħek biex jitteħidlek ritratt f’każ li tkun qed tinżamm f’detenzjoni taħt setgħa statutorja. Li tipprova tostakola t-teħid ta’ marki tas-swaba’ jew ta’ ritratti jitqies bħala reat kriminali.

Il-Gardaí jistgħu jżommu l-marki tas-swaba’ tiegħi għal żmien indefinit?

Iva. Madankollu, jekk ma tiġix imħarrek/imħarrka jew jekk toħroġ illiberat, inti jew il-konsulent legali tiegħek tistgħu tiktbu lill-Gardaí u titolbu biex il-materjali li jkunu ttieħdu jiġu meqruda.

Għandi nagħti kampjuni tad-DNA tiegħi jew kampjuni ta’ sustanzi oħra ta' natura aktar intima?

Jekk inti tkun qed tinżamm taħt setgħa statutorja, il-Gardaí jkollhom bżonn l-awtorizzazzjoni minn uffiċjal għoli qabel ma jkunu jistgħu jieħdu kampjuni ta’ sustanzi ta' natura intima bħal DNA, bżieq, biċċiet ta’ dwiefer maqtugħin, materjali misjuba taħt id-dwiefer jew kampjuni meħuda minn ħalqek permezz ta’ tampun. Huma ma jistgħux jieħdu marki tas-saqajn, jew kampjuni mill-partijiet ġenitali jew minn toqbiet tal-ġisem mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm ma tagħtix il-kunsens tiegħek.

Jistgħu jsiru tfittxijiet fid-dar, fil-binjiet tax-xogħol, fil-karozza tiegħi, jew fi proprjetà oħra?

Iva. Il-Kostituzzjoni Irlandiża u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jitolbu li l-integrità tal-ġisem tiegħek u l-privatezza tiegħek jiġu rispettati, iżda dawn id-drittijiet huma limitati. Il-Gardaí jistgħu jfittxu f’darek bil-kunsens tiegħek jew mingħajr il-kunsens tiegħek jekk ikollhom mandat ta' tfittxija, jew jekk ikunu sejrin lejn il-proprjetà tiegħek biex isibuk u jarrestawk. Għal aktar informazzjoni dwar it-tfittxijiet, ara Tfittxijiet (3).

Nista’ nappella jekk iseħħ ksur tad-drittijiet tiegħi?

Għandek tgħarraf lill-konsulenti legali tiegħek dwar kwalunkwe ksur tad-drittijiet tiegħek. Dawn għandhom jagħtuk parir dwar kif u meta għandek tikkontesta ksur ta’ dan it-tip.

Min huwa l-Membru Inkarigat?

Il-Membru Inkarigat huwa membru tal-Gardaí li huwa responsabbli għall-benessri tiegħek u għall-protezzjoni tad-drittijiet tiegħek. Kull għassa tal-Gardaí għandu jkollha wieħed preżenti. Jekk ikollok xi problema waqt il-perjodu ta’ detenzjoni, għandek titlob biex tkellem lill-Membru Inkarigat.

Nista’ nkellem lill-familja tiegħi?

Inti intitolat li tgħarraf wieħed mill-qraba tiegħek dwar il-fatt li tinsab f’detenzjoni, iżda dan mhux dejjem jista’ jfisser li int intitolat titkellem mal-familja tiegħek.

X’jiġri jekk inħossni ma niflaħx, u x’inhuma d-drittijiet tiegħi rigward il-mistrieħ, l-ikel u x-xorb?

Waqt li tkun f’detenzjoni, inti għandek id-dritt li tingħata attenzjoni medika, jekk ikollok bżonnha. Għandek ukoll id-dritt li tingħata ikel u xorb, u perjodi xierqa ta’ mistrieħ.

Jinżamm rekord taż-żmien li nkun għamilt f’detenzjoni?

Iva, jinżamm rekord taż-żmien li tkun għamilt f’detenzjoni għand il-Gardaí, u int jew il-konsulent legali tiegħek tkunu intitolati għal kopja ta' dan ir-rekord.

X'jiġri jekk ma nitkellimx jew ma nifhimx bl-Ingliż?

Inti għandek id-dritt li jkollok interpretu biex jittraduċilek. Inti jew il-konsulent legali tiegħek għandkom tinsistu li l-interpretu li jinterpreta kwalunkwe konsultazzjoni privata li ssir bejnek u bejn l-avukat tiegħek ma jkunx l-istess interpretu li jkun interpreta waqt is-sessjoni ta’ interrogazzjoni mal-Gardaí. Għandu jkun hemm interpretu disponibbli kull meta xi avukat jew xi membru tal-Gardaí jkun jixtieq jikkomunika miegħek.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm f’detenzjoni?

Dan jiddependi mis-setgħa li tiddetermina d-detenzjoni tiegħek. L-itwal perjodu indikat mil-liġi Irlandiża huwa ta’ sebat ijiem.

Tfittxijiet (3)

Għandi niġi infurmat dwar ir-raġuni għalfejn qed issir tfittxija fil-proprjetà tiegħi?

Tista’ ssaqsi, u għandek tiġi infurmat dwar ir-raġuni għalfejn qed issir tfittxija fil-proprjetà tiegħek, u taħt liema setgħa qed issir. Jekk issir tfittxija fil-proprjetà tiegħek, aktar ’il quddiem għandek tkun intitolat għal kopja ta’ kwalunkwe mandat ta' tfittxija.

Kif jistgħu jwettqu t-tfittxija l-Gardaí?

Il-Gardaí għandhom iwettqu t-tfittxija tagħhom f’konformità mad-dritt tiegħek li ma tiġix espost għal trattament degradanti.

Il-Gardaí jistgħu jieħdu oġġetti magħhom?

Iva. Huma jistgħu jissekwestraw kwalunkwe oġġett li, raġonevolment, jaħsbu li jista’ jintuża bħala evidenza. Jistgħu wkoll jieħdu oġġetti li setgħu ma ġewx speċifikati f’mandat, iżda li jistgħu jservu bħala evidenza b’rabta ma’ reat kriminali ieħor.

Nista’ nibqa' fil-proprjetà tiegħi waqt li l-Gardaí jkunu qed jagħmlu t-tfittxija?

Iva. Ma tista’ tagħmel xejn li jista’ jostakola tfittxija li tkun qed issir b’mod legali, iżda tista’ tosserva waqt li l-Gardaí jkunu qed jagħmlu t-tfittxija.

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi?

Iva. Jekk il-Gardaí jkollhom suspett raġonevoli li tkun wettaqt reat kriminali, dawn ikollhom is-setgħa li jagħmlu perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek, mingħajr il-kunsens tiegħek.

Iridu jarrestawni qabel?

Le. Il-perkwiżizzjoni tista’ ssir qabel ma tiġi arrestat.

Għandi niġi infurmat dwar ir-raġuni għalfejn tkun qed issir il-perkwiżizzjoni?

Iva. Il-Garda għandhom jgħidulek ir-raġuni għalfejn tkun qed issir il-perkwiżizzjoni, u għandhom jgħidulek ukoll taħt liema setgħa ngħatalhom il-permess li jwettqu perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek.

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi permezz ta' strip search?

Iva. L-istrip searches għandhom isiru biss f’każ li jkunu meħtieġa. L-istrip searches għandhom isiru f'żona privata ta’ għassa tal-Garda, b'mod li ma jikkawżalekx fastidju. Jekk ikun possibbli, it-tfittxija għandha ssir minn tabib.

Il-perkwiżizzjoni ssirli minn persuna tal-istess sess tiegħi?

Jekk il-perkwiżizzjoni tinvolvi aktar minn tfittxija fuqek bil-ħwejjeġ, din għandha ssir minn persuna tal-istess sess tiegħek.

L-ewwel smigħ tal-każ fil-qorti (4)

Nista’ ninżamm f’detenzjoni, jew nista’ niġi rilaxxat?

Tista’ tinżamm f’detenzjoni jekk il-Garda jġibuk il-qorti waqt li jkunu qed iżommuk f'detenzjoni għandhom, u jekk il-qorti tkun ċaħdet it-talba tiegħek biex tinħeles fuq garanzija personali.

Nista’ nippreżenta talba għall-ħelsien fuq garanzija personali?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tista' titlob għall-ħelsien fuq garanzija personali meta tidher l-ewwel darba fil-Qorti Distrettwali ("Lower court"). F'ċirkostanzi ristretti (pereżempju akkuża ta’ omiċidju) inti għandek tressaq talba quddiem il-Qorti Superjuri ("High Court") u għaldaqstant ikollok tqatta’ xi żmien f’detenzjoni qabel ma titressaq dik l-applikazzjoni.

Inti intitolat għal rappreżentazzjoni legali u, skont id-dħul tiegħek, din ir-rappreżentazzjoni legali titħallas mill-iskema ta’ għajnuna legali bla ħlas.

Jekk il-ħelsien fuq garanzija personali jiġi miċħud mill-Gardaí, nista’ nkun naf għalfejn?

Iva. Għandek tiġi infurmat minn qabel rigward ir-raġunijiet għalfejn il-Gardaí jkunu qed joġġezzjonaw għall-ħelsien tiegħek fuq garanzija personali. Inti għandek dritt għall-ħelsien fuq garanzija personali, iżda dan id-dritt mhuwiex assolut. Il-ħelsien fuq garanzija personali jista’ jiġi rrifjutat jekk l-imħallef ikun tal-fehma li jekk dan jingħata inti mhux ser tidher għall-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali, se tinterferixxi max-xhieda jew se twettaq reati serji oħra fil-perjodu tal-ħelsien fuq garanzija.

Nista’ ningħata libertà kundizzjonata?

Iva. Inti tista’ tingħata libertà proviżorja b’kundizzjonijiet li pereżempju jistipulaw li tagħti l-passaport tiegħek lill-awtoritajiet, li toqgħod fl-Istat Irlandiż waqt li tkun qed tistenna li tinstema’ l-kawża tiegħek u li tirrapporta b’mod regolari f’għassa tal-Garda biex jiġi żgurat li qed tosserva dawn il-kundizzjonijiet. Il-Qorti tista’ wkoll titolbok tiddepożita flus kontanti, jew tordna li l-kont bankarju Irlandiż ta’ xi membru tal-familja jew ta’ ħabib jew ħabiba tiegħek jiġi ffriżat, bħala garanzija għall-impenn tiegħek biex tosserva t-termini tal-ħelsien fuq garanzija personali.

 

Tħejjija għall-proċess quddiem il-qorti kriminali jew għall-preżentazzjoni ta' ammissjoni ta’ ħtija qabel il-proċess (5)

Nista’ nammetti li jiena ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħi, jew għal parti minnhom, qabel ma jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir biss jekk tiddikjara li m'intix ħati. Jekk tiddikjara li inti ħati, ma jsirx il-proċess quddiem il-qorti kriminali, iżda minflok isir smigħ biex tingħatalek sentenza.

X'jiġri?

Jekk inti ma tkunx trid li jsir proċess quddiem il-qorti kriminali, tkun qed taċċetta waħda jew aktar mill-akkużi li tkun ġejt mixli bihom. Il-patteġġament m'għandu l-ebda bażi legali fl-istat Irlandiż, iżda fil-prattika d-DPP jista’ jaċċetta ammissjoni għal uħud mill-akkużi filwaqt li jiddeċiedi li jwaqqa’ oħrajn. Jekk inti tiddikjara li inti ħati, il-kundanna tingħatalek f’data ulterjuri u jista’ jkun li titqiegħed f’detenzjoni sakemm tingħata s-sentenza.

X’jiġri fis-smigħ biex tingħatalek sentenza?

Sakemm ma jkunx hemm sentenza obbligatorja, bħal pereżempju piena ta’ għomor il-ħabs f'każ ta' omiċidju, inti jkollok id-dritt għal smigħ fejn tingħata s-sentenza u d-dritt li l-konsulent legali tiegħek jindirizza lill-qorti rigward ir-rwol tiegħek fid-delitt u ċ-ċirkostanzi personali tiegħek.

L-akkużi jistgħu jiġu mibdula qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. Id-DPP jista’ jżid akkużi oħra sad-data meta jkun se jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali, kif ukoll matulu. Dan jista’ jwaqqa’ wkoll l-akkużi sad-data ta’ meta jkun se jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Id-DPP għandu d-dritt li jippreżenta provi addizzjonali sad-data meta jkun se jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali, kif ukoll matulu. Id-DPP għandu jaġixxi skont proċeduri ġusti, u ma jistax iżomm provi jew jiżvela materjali li jinsabu fil-pussess tiegħu li huma rilevanti għalik u għall-konsulenti legali tiegħek.

Nista’ niġi akkużat b’reat li nkun diġà ġejt akkużat għalih fi Stat Membru ieħor?

Jekk inti tkun ġejt akkużat u tkun tressaqt il-qorti fuq xi reat fi Stat Membru wieħed, ma tistax terġa' tiġi mixli għall-istess reat fi Stat Membru ieħor. Madankollu, jekk tkun ġejt mixli b’akkuża fi Stat Membru wieħed u l-akkuża tkun twaqqgħet, tista’ tiġi akkużat għal dak ir-reat fl-Irlanda.

Ningħata informazzjoni rigward il-provi li hemm kontrija?

Iva. Għandek tingħata dokumenti (magħrufa bħala r-reġistru tal-provi – "book of evidence") li jinkludu l-provi kollha li jkunu ntużaw kontrik. Għandek tingħata wkoll informazzjoni dwar il-materjal li jkun irriżulta mill-investigazzjoni dwar id-delitt li allegatament tkun wettaqt, iżda li l-prosekuzzjoni ma tkunx beħsiebha toqgħod fuqu.

Ningħata informazzjoni dwar ix-xhieda li jixhdu kontrija?

Iva. Tista’ tikseb xi informazzjoni limitata dwar ix-xhieda li jixhdu kontrik. Int intitolat li tkun taf jekk għandhomx kondotta kriminali. Inti intitolat li titlob informazzjoni mingħandhom waqt il-proċess permezz ta’ kontroeżami mill-avukat tiegħek, jew permezz ta' investigazzjoni privata li għandha ssir mill-konsulenti legali tiegħek.

Inti m’intix intitolat għal lista eżawrjenti tad-dettalji personali tax-xhieda. Inti m’intix intitolat li tinterferixxi max-xhieda b'tali mod li jista' jidher bħala li qed tipprova tintimidahom jew li qed tipprova tibdel l-andament tal-ġustizzja. Azzjoni ta’ dan it-tip tista’ twassal biex il-ħelsien tiegħek fuq garanzija personali jiġi revokat, jew twassal biex tiġi mixli b’aktar akkużi separati.

Meta jingħatali r-reġistru tal-provi ("book of evidence")?

Jekk inti tittella’ l-qorti fuq akkuża ta’ delitt ta’ natura serja, dawn id-dokumenti għandhom jingħatawlek fi żmien 42 jum mid-data ta’ meta tkun ġejt mixli bl-akkuża. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li testendi l-perjodu ta’ żmien li fih l-istat għandu jagħtik dawn id-dokumenti.

X’jingħatali?

Jingħatalek ktieb ta’ dokumenti li jkun fih il-bażi tal-każ li l-Istat ikun beda kontrik. Il-ktieb mhuwiex dikjarazzjoni sħiħa tal-każ tal-Istat, u l-Istat jista’ jippreżenta provi addizzjonali kontrik sad-data meta jkun se jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali, kif ukoll matulu. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-provi li l-Istat għandu joqgħod fuqhom sabiex jiżgura kundanna għandhom jingħataw fil-qorti verbalment, minn xhieda li jkunu taħt ġurament.

Kif nista’ nikseb ir-reġistru tal-provi ("book of evidence") tiegħi?

Ir-reġistru tal-provi jingħatalek fil-qorti minn membru tal-Gardaí. Provi addizzjonali normalment jiġu ppreżentati lill-konsulent legali tiegħek, jew fl-uffiċċju legali tiegħu/tagħha, jew fil-qorti stess.

Nista' nintalab nagħti xi informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva. Il-Gardaí huma intitolati li jfittxu informazzjoni dwar l-imġiba tiegħek fil-passat għal skopijiet relatati mal-investigazzjoni tagħhom, u sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-eliġibilità tiegħek għal ħelsien tiegħek fuq garanzija personali f’każ li tiġi mixli. Huma jistgħu wkoll jirreferu għall-kondotta tiegħek f’każ li tinstab ħati, sabiex l-imħallef jew imħallfin ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar sentenza xierqa. Jista’ jiġi ammess ukoll rekord ta’ kundanni mogħtija f’pajjiżi oħra.

Jeżistu restrizzjonijiet dwar meta jistgħu jirreferu għall-imġiba tiegħi fil-passat?

Iva. Huma ma jistgħux jirreferu għall-imġiba tiegħek fil-passat waqt il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali sakemm il-konsulenti legali tiegħek ma jintroduċux l-imġiba tiegħek fil-kontroeżami tagħhom jew fit-trattazzjonijiet tagħhom quddiem il-qorti.

Links relatati

Aktar tagħrif dwar is-setgħat għat-tfittxija, id-detenzjoni u l-akkużi

Aktar tagħrif dwar ir-rwol tal-Gardaíhttps://www.garda.ie

L-Uffiċċju tal-Avukati Ewlenin tal-Istat u l-Uffiċċju tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċihttps://www.dppireland.ie

Aktar dettalji dwar il-leġiżlazzjoni

https://www.irishstatutebook.ieL-Att dwar il-Ġustizzja Kriminali tal-1984 (Trattament ta' Persuni li Jinsabu f'Detenzjoni f'Għases tal-Gardaí) Regolamenti tal-1987

Kunsill Irlandiż Dwar il-Libertajiet Ċivili

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.