Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Irlanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

X’jiġri qabel ma l-każ tiegħi jinstema’ fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Qabel ma l-każ tiegħek jinstema’ fil-proċess quddiem il-qorti kriminali, l-imħallef jiddeċiedi jekk għandekx tingħata ħelsien fuq garanzija personali. Ġeneralment, dan id-dritt għal ħelsien fuq garanzija personali jingħata. Tista’ tiġi miċħud minn dan id-dritt jekk jidher li m’intix se tkun preżenti għall-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali, jekk tkun ippruvajt thedded jew jekk jidher li se tkun se thedded lil xi xhud, jew jekk ikun hemm suspett li tkun se tagħmel reat serju ieħor.

Jekk tkun tixtieq li tagħmel użu minn alibi waqt il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali (jiġifieri persuna li tista’ tgħid li inti kont magħha fil-ħin meta jkun twettaq ir-reat), l-imħallef jgħidlek biex tinforma lill-Prosekuzzjoni dwar l-identità ta’ dik il-persuna.

Qabel ma jibda l-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali, inti għandek id-dritt li tkun taf x’inhu l-każ li qed isir kontrik. Għandek tingħata dikjarazzjonijiet dwar il-provi li jkun hemm kontrik meta ssaqsi għalihom.

Fejn isir il-proċess?

Inti tingħata l-isem tal-qorti u l-post fejn tkun tinsab il-qorti li fiha jkun se jsir il-proċess tiegħek. Is-Servizz tal-Qrati tal-Irlanda huwa responsabbli għall-qrati kollha u jista’ jgħinek issib il-qorti fejn ikun se jsir il-proċess tiegħek.

Każijiet li jinvolvu akkużi minuri jinstemgħu fi Qrati Distrettwali, fejn l-imħallfin jiddeċiedu dwar il-każijiet b’mod indipendenti. Każijiet li jinvolvu akkużi ta’ natura aktar serja jinstemgħu fis-Circuit Courts jew fi Qrati Kriminali Ċentrali ("Central Criminal Courts"), fejn il-ġuriji jagħtu l-verdetti tagħhom.

Il-qrati huma miftuħin għall-pubbliku. Madankollu, meta l-akkużat ikun tifel jew tifla, jew il-każ ikun jittratta reat ta’ natura sesswali, il-kawża tinstema’ bil-magħluq.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt li jkun għaddej il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, akkuża ma tistax tinbidel waqt li jkun għaddej il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Ċerti akkużi jistgħu jinbidlu, jekk il-liġi tippermetti li jsir hekk. Pereżempju, akkuża ta’ sewqan perikoluż tista’ tinbidel f’akkuża inqas serja ta’ sewqan b’nuqqas ta’ attenzjoni jekk l-imħallef jiddeċiedi li kont qed issuq b’mod traskurat, iżda mhux b’mod perikoluż.

Jekk waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali tiddikjara li inti ħati, l-imħallef imbagħad jieħu deċiżjoni dwar is-sentenza li għandu jagħti. L-imħallef jibbilanċja bejn il-gravità tar-reat u s-sitwazzjoni personali tiegħek qabel jieħu d-deċiżjoni. Għandu jingħatalek rikonoxximent għall-fatt li tkun ammettejt il-ħtija tiegħek.

Tista’ wkoll tiddikjara li inti ħati għal uħud mill-akkużi u mhux ħati għal oħrajn. L-imħallef jew il-ġurija jieħdu deċiżjoni dwar l-akkużi li tkun qed tikkontesta. Inti mbagħad tiġi kkundannat għall-akkużi li tkun iddikjarajt lilek innifsek bħala ħati għalihom, u għall-akkużi li tinstab ħati għalihom.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-maġġoranza tal-każijiet għandek tkun preżenti għall-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali. Jekk tonqos milli tidher il-qorti, l-imħallef jista’ joħroġ ordni biex tiġi arrestat u tittella’ l-qorti taħt kustodja. Jista’ jagħti l-każ li l-proċess jitkompla mingħajr ma inti tkun preżenti. Tista’ wkoll tiġi kkundannat mingħajr ma tkun preżenti għall-proċess.

Jekk ma tkunx tista’ tiġi l-qorti minħabba xi inċident jew mard, għandek tgħid lill-avukat tiegħek u tippreżentalu ċertifikat mediku li jispjega r-raġuni għalfejn ma dehertx.

Għandek id-dritt li tistaqsi għas-servizzi ta’ interpretu jekk ma tkunx qed tifhem x’qiegħed jingħad. Jekk inti nieqes mis-smigħ, għandek id-dritt li tistaqsi għas-servizzi ta’ interpretarjat bil-lingwa tas-sinjali.

Jekk tkun tixtieq tiddefendi lilek innifsek waqt il-kawża tiegħek, għandek ukoll id-dritt li tagħmel hekk. Jekk ma tkunx tiflaħ tħallas għal avukat biex jiddefendik, jista’ jinħatar wieħed għalik bħala parti mill-Iskema għall-Għajnuna Legali Waqt Proċeduri Kriminali, dejjem skont kemm tkun serja l-akkuża. Inti għandek id-dritt li tagħżel l-avukat tiegħek stess. Jekk ma tkun taf bl-ebda avukat, l-imħallef jista’ jagħżel wieħed għalik. Tista’ tibdel l-avukat tiegħek jekk ma tkunx kuntent bih.

Avolja dan mhuwiex meħtieġ, inti tista’ tagħżel li titkellem waqt il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali. Li tigdeb waqt li tixhed taħt ġurament jitqies bħala reat kriminali.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi li jitressqu kontra tiegħi?

Jekk il-provi li jiġu ppreżentati kontrik ma jkunux inkisbu skont il-liġi, inti tista’ tikkontestahom. Pereżempju jekk il-pulizija jkunu daħlu fid-dar tiegħek mingħajr mandat ta’ tfittxija, kwalunkwe provi li setgħu sabu hemm normalment ma jkunux jistgħu jintużaw.

Tista’ wkoll tikkontesta l-provi billi ssaqsi mistoqsijiet lix-xhieda, biex turi li qed jigdbu jew li dak li jkunu qed jgħidu jkun żbaljat. Tista’ wkoll titlob lix-xhieda biex jagħtu provi li huma rilevanti għad-difiża tiegħek, jew li jistgħu juru li x-xhieda tal-prosekuzzjoni jkunu qed jigdbu jew li dak li jkunu qed jgħidu jkun żbaljat.

Tista tqabbad investigatur privat biex jikseb il-provi għalik. Il-provi huma ammissibbli sakemm ikunu nkisbu b’mod legali.

Tista' titqies xi informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Provi relatati ma’ kundanni preċedenti li seta’ kellek normalment ma jitqisux waqt il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali.

Madankollu, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar is-sentenza li tkun se tingħatalek, l-imħallfin jistgħu jqisu l-kundanni preċedenti li kellek. Dawn jistgħu jinkludu wkoll kwalunkwe kundanni li setgħu ngħatawlek f’pajjiżi oħra.

X’jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk tinstab mhux ħati, il-proċess quddiem il-qorti jintemm u ma tingħata l-ebda kundanna.

Jekk tinstab ħati, jew jekk tammetti l-ħtija tiegħek, l-imħallef jiddeċiedi x’tip ta’ sentenza għandu jagħtik. Jista’ jkun li jkollok tħallas multa, jew li jkollok tiskonta sentenza l-ħabs. L-imħallef jista’ jiddeċiedi li jissospendilek is-sentenza bil-kundizzjoni li ma twettaqx reati oħra.

L-imħallef jista’ jitlob lis-Servizzi tal-Probation biex jiktbu rapport dwarek qabel jaqta’ s-sentenza tiegħek. Il-persunal tas-Servizzi tal-Probation jgħidu lill-imħallef jekk intix f’kundizzjoni xierqa biex tiġi ssorveljat, bil-għan li jiġu ttrattati kwalunkwe problemi li jkunu qed iwasslu għall-imġiba kriminali tiegħek.

Fuq talba, is-Servizzi tal-Probation għandhom jgħidu lill-imħallef jekk inti tinsabx f'pużizzjoni li tagħmel xi Servizzi Komunitarji. Imbagħad l-imħallef jista’ jordnalek biex tagħmel sa 240 siegħa xogħol bla ħlas minflok tiskonta sentenza l-ħabs.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-vittma tieħu r-rwol ta’ xhud għall-prosekuzzjoni waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-vittmi jagħtu xhieda dwar dak li raw iseħħ fir-rigward tal-akkuża.

Jekk inti tinstab ħati jew tiddikjara lilek innifsek bħala ħati, l-imħallef iqis ukoll l-impatt tar-reat li tkun wettaqt fuq il-vittma.

Links relatati

Bażi tad-dejta tal-leġiżlazzjoni Irlandiża

Bażi tad-dejta tal-każistika Irlandiża u ta' dik Ingliża

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.