Imputati (proċeduri kriminali)

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni u/jew is-sentenza?

Inti tista’ tressaq appell kontra l-kundanna. Id-dritt ta’ appell jiddependi mit-tip u mis-severità tas-sentenza, kif ukoll minn liema qorti tkun tat is-sentenza.

Pereżempju:

  • fil-każ ta’ Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanour Court) b’membru wieħed, inti għandek dritt ta’ appell jekk is-sentenza tikkonsisti f’perjodu ta’ priġunerija ta’ iktar minn 60 jum jew piena finanzjarja ta’ iktar minn EUR 1 000;
  • fil-każ ta’ Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanour Court) bi tliet membri u tal-qorti li tisma’ l-appelli kontra d-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar, inti għandek dritt ta’ appell jekk tingħata sentenza ta’ priġunerija ta’ iktar minn erba’ xhur jew piena finanzjarja ta’ iktar minn EUR 1 500;
  • fil-każ ta’ Grand Jury Imħallat jew tal-Qorti bi tliet membri li tisma’ l-appelli kontra s-sentenzi għad-delitti gravi (felonies), inti għandek dritt ta’ appell jekk is-sentenza tikkonsisti f’perjodu ta’ priġunerija ta’ iktar minn sentejn fil-każ ta’ delitti gravi (felonies), jew ta’ iktar minn sena għad-delitti minuri (misdemeanours).

Inti tista’ tappella minn liberazzjoni mill-akkużi biss jekk inti ġejt illiberat mill-akkużi minħabba raġunijiet ta’ rimors ġenwin jew ġejt iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet li jirriflettu r-reputazzjoni tajba tiegħek.

Kif nappella?

Sabiex tressaq appell inti trid tikkompila Dikjarazzjoni ta’ Appell u tissottomettiha lir-Reġistru tal-Qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni, biex tinkludi r-raġunijiet tal-appell, l-indirizz ta’ fejn toqgħod u l-isem tal-avukat tiegħek.

Il-limitu ta’ żmien biex tressaq appell huwa ta’ għaxart ijiem minn meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-qorti jew minn meta tkun ġiet innotifikata jekk il-proċess quddiem il-qorti kriminali sar fl-assenza tiegħek. Madankollu, jekk inti tgħix barra mill-pajjiż u ngħatat sentenza f’kontumaċja jew il-post ta’ residenza tiegħek ma kienx magħruf, l-iskadenza tiġi estiża għal 30 jum mid-data tan-notifika tad-dokumenti.

X’inhuma r-raġunijiet għall-appell?

Appell jista’ jkun ibbażat jew fuq il-fatti tal-każ jew fuq kif ġiet interpretata l-liġi.

X’jiġri jekk inressaq appell?

Isir proċess mill-ġdid li jinstema’ mill-qorti tat-tieni istanza.

X’jiġri jekk jiena nkun il-ħabs meta nressaq l-appell?

L-appell jiġi mgħoddi lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, tiġi ffissata data għall-proċess quddiem il-qorti tal-appell u inti tiġi mħarrek biex tidher quddiem il-Qorti. Inti tista’ titlob li l-infurzar tal-piena jiġi sospiż sakemm jinstema’ l-appell, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet legali.

Kemm irid jgħaddi żmien qabel ma jinstema’ l-appell?

Ġeneralment bejn sena u tliet snin, jiddependi mir-reat, mill-post fejn tinsab il-qorti u jekk l-imputat jinżammx taħt arrest preventiv jew le.

Nista’ nippreżenta provi ġodda għall-appell?

Iva, inti tista’ tippreżenta provi ġodda quddiem il-Qorti tal-Appell. Il-proċedura hija l-istess waħda bħal dik tal-proċess oriġinali quddiem il-qorti kriminali. L-imħallfin li jkunu semgħu l-kawża fil-qorti tal-prim’istanza ma jistgħux jisimgħu l-kawża fil-qorti tat-tieni istanza. Jiġi eżaminat jekk l-appell ġiex ippreżentat b’mod xieraq u fl-iskadenza speċifikata.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Jekk inti ma tidhirx, jew personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħek, l-appell tiegħek jiġi miċħud u tiġi sostnuta s-sentenza tal-qorti inferjuri. Jekk inti tidher, jew personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħek, il-kawża terġa’ tinstema mill-qorti tal-appell u inti tkun tista’ tippreżenta provi ġodda.

X’tista’ tiddeċiedi l-qorti?

Il-Qorti tal-Appell ma għandha l-ebda setgħa li timponi sentenza iktar iebsa minn dik li imponiet il-qorti inferjuri. Madankollu, hjia tista’ teħilsek mill-akkużi jew tnaqqas is-sentenza jew timponi l-istess sentenza li ġiet imposta mill-qorti inferjuri.

X’jiġri jekk l-appell jirnexxi/ma jirnexxix?

Jekk ir-raġunijiet tal-appell jiġu sostnuti, il-Qorti tal-Appell tista’ teħilsek mill-akkużi jew tnaqqas is-sentenza tiegħek; jekk dan ma jseħħx, tibqa’ fis-seħħ id-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza.

Hemm dritt ta’ appell ulterjuri quddiem qorti oħra jew quddiem qorti superjuri?

Le, l-unika ħaġa li tista’ tiġri huwa l-annullament tas-sentenza tal-qorti tat-tieni istanza jekk kien hemm irregolaritajiet legali.

Jekk jirriżulta li d-deċiżjoni inizjali kienet żbaljata, ikolli dritt għal kumpens?

Ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi li jingħata kumpens fir-rigward ta’ kundanna inġusta (għaliex ibbażata fuq provi foloz jew insuffiċjenti) minn qorti tal-prim’istanza, sakemm ma tkunx qattajt xi żmien il-ħabs u mbagħad tinħeles minn kull akkuża fl-appell.

Jekk l-appell tiegħi jirnexxi, jinżamm reġistru tal-kundanna tiegħi?

Tinżamm biss is-sentenza tal-Qorti tal-Appell. Is-sentenza preċedenti titħassar.

Meta ssir finali l-kundanna?

Kundanna ssir definittiva jekk ma jitressaq l-ebda appell fuq punti ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza jew jekk ikun tressaq appell imma ġie miċħud mill-Qorti tal-Kassazzjoni Suprema (l-Areios Pagos).

Jiena minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura hemmhekk wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti tista’ tintbagħat lura fil-pajjiż tiegħek jekk il-qorti tordna d-deportazzjoni tiegħek. Sabiex inti tiġi ddeportat, trid tingħata sentenza ta’ mill-inqas tliet xhur prinġunerija, jew l-ordni tad-deportazzjoni trid tkun saret bħala parti minn piena supplimentari, jew iridu jkunu ġew imposti miżuri ta’ sigurtà. B’mod partikolari, f’każijiet ta’ kundanni għal delitti gravi (felonies) relatati mad-drogi, id-deportazzjoni hija mandatorja u tibqa’ valida tul għomor il-ħati.

Id-deportazzjoni ssir mill-ewwel?

Le, l-ewwel trid tiskonta s-sentenza tiegħek. Bħala miżura eċċezzjonali, jekk inti ngħatajt sentenza sa ħames snin ħabs u saret ordni għad-deportazzjoni tiegħek, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi s-sentenza tiegħek u tippermetti li inti tiġi ddeportata immedjatament.

Id-deportazzjoni trid tiġi ordnata bħala parti minn sentenza tal-qorti fejn is-sentenza ma tkunx ġiet sospiża u tkun ġiet innotifikata.

Inti tista’ tressaq appell jekk l-ordni tkun ħarġet minn qorti tal-prim’istanza u s-sentenza tinkludi wkoll perjodu ta’ priġunerija li inti jkollok dritt li tappella kontra tiegħu. L-appell irid jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-qorti tal-prim’istanza.

Nista’ nittella’ l-qorti fi Stat Membru ieħor għall-istess reat?

Jiddependi mil-leġiżlazzjoni tal-Istat inkwistjoni.

L-informazzjoni dwar il-kapi ta' akkuża u/jew il-kundanni li jaffettwawni tiġi mniżżla fil-kondotta tiegħi?

Id-deċiżjoni li inti tiġi kkundannat titniżżel fil-kondotta biss jekk din tkun irriversibbli. Din l-informazzjoni titniżżel uffiċjalment fl-Uffiċċju tal-Kondotti.

Il-kondotta tiegħek tinqered:

  • wara li tmut jew wara li tagħlaq 80 sena;
  • jekk inti tiġi kkundannat u s-sentenza tiġi sospiża, din tinqered ħames snin wara li jintemm il-perjodu tas-sospensjoni, sakemm sadanittant is-sentenza ma tkunx ġiet annullata jew irrevokata;
  • meta jkunu għaddew għaxar snin minn meta tkun skontajt sa xahar priġunerija għal reat premeditat jew xahrejn għal reat li kien jinvolvi negliġenza kriminali, sakemm sadanittant inti ma tkunx ġejt ikkundannat għal delitti oħrajn.

Il-kunsens tiegħek mhuwiex meħtieġ biex tinżamm din l-informazzjoni.

Jekk ikun hemm xi tilwima, inti tista’ titlob lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tad-Delitti Minuri (Court of Misdemeanours) għal deċiżjoni. Imbagħad tista’ tressaq appell kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża tad-Delitti Minuri (Misdemeanour Indictment Division) fi żmien xahar minn meta tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni.

L-aħħar aġġornament: 29/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.