Imputati (proċeduri kriminali)

Greċja

Huwa ferm importanti li tikseb parir legali indipendenti meta b’xi mod tkun involut fi proċedura kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkustanzi inti jkollok id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat. Huma jgħidulek ukoll dak li l-avukat se jagħmel għalik. Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif jitħallsu d-drittijiet tal-avukat jekk inti ma jkollokx il-possibbiltà li tħallas.

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Kif issib avukat

Jekk inti teħtieġ avukat u ma intix qed tinżamm taħt arrest preventiv tista’ tikkuntattja lill-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Ateni jew lill-Assoċjazzjoni tal-Avukati tar-reġjun fejn għandu jsir il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali (eż. l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Tessaloniki, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Piraeus, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Heraklion, eċċ.).

Jekk inti teħtieġ avukat u qed tinżamm taħt arrest preventiv, inti tista’ titlob lill-pulizija jew lill-awtoritajiet tal-ħabs sabiex jgħinuk issib avukat jew jirreferuk lill-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati msemmija iktar ’il fuq.

Kif jitħallas l-avukat

Inti tista’ tirċievi għajnuna legali mingħajr ħlas jekk l-introjtu tiegħek ikun baxx. L-għajnuna legali mingħajr ħlas tikkonsisti fil-ħatra ta’ avukat biex jirrappreżentak. Il-ħatra tapplika sakemm jintemm il-proċess quddiem il-qorti kriminali jew sakemm tintemm il-proċedura quddiem qrati tal-istess livell, kif ukoll kwalunkwe appell kontra d-deċiżjoni.

Avukat jista’ jintħatar:

  • waqt l-abbozzar u l-preżentata tal-att ta' akkuża fil-każ ta’ ċerti reati ddefiniti speċifikatament,
  • waqt il-fażi tal-investigazzjoni kriminali u s-smigħ tal-kawża meta d-delitt inkwistjoni jkun delitt gravi (felony),
  • waqt is-smigħ tal-kawża, għal delitti minuri (misdemeanours) li jinstemgħu minn Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanours Court) bi tliet membri li jingħataw sentenza minima ta’ sitt xhur priġunerija,
  • sabiex tressaq appell u sabiex jirrappreżentak waqt is-smigħ tal-appell quddiem il-qorti tat-tieni istanza, meta tkun ingħatajt sentenza ta’ mill-inqas sitt xhur priġunerija mill-qorti tal-prim’istanza,
  • sabiex tressaq appell fuq punt tal-ligi meta tkun ingħatajt sentenza ta’ mill-inqas sena priġunerija,
  • sabiex tressaq talba għal proċess mill-ġdid meta tkun ingħatajt sentenza ta’ mill-inqas sitt xhur priġunerija.

Inti għandek id-dritt għal għajnuna legali mingħajr ħlas anki jekk l-introjtu tiegħek mhuwiex eċċessivament baxx, sakemm inti tista’ tipprova li ma tistax tħallas l-ispejjeż legali minħabba d-differenzi li hemm bejn l-għoli tal-ħajja tal-Istat Membru fejn għandek ir-residenza permanenti tiegħek u dak tal-Greċja.

Sabiex tirċievi għajnuna legali mingħajr ħlas u jinħatar avukat f’ismek, jeħtieġ li inti tressaq talba quddiem il-Qorti li għandha tisma’ l-kawża tiegħek jew quddiem il-Qorti fejn għandu jinstema’ l-appell tiegħek jew fejn għandha tinstema’ t-talba tiegħek għal kawża mill-ġdid quddiem il-qorti kriminali.

Din it-talba trid titressaq 15-il jum qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali jew qabel l-azzjoni li fir-rigward tagħha qed titlob l-għajnuna legali. It-talba trid tinkludi deskrizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-proċess quddiem il-qorti kriminali jew tal-azzjoni kif ukoll il-provi tal-eliġibbiltà tiegħek għal għajnuna legali mingħajr ħlas u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa rigward l-istatus finanzjarju tiegħek (ara, f’iktar dettall, il-Liġi 3226/4-2-2004, Il-Gazzetta tal-Gvern Α’ 24/2004).

Links relatati

Lista tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati

L-aħħar aġġornament: 29/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.