Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Imputati (proċeduri kriminali)

Ġermanja

Is-sospensjoni tal-proċeduri (1) Il-proċedura sommarja (2) Il-proċedura aċċellerata (3) L-avukat maħtur mill-qorti (4) Informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet/il-kapi tal-akkuża/il-kundanni (5) Kontestazzjonijiet legali waqt il-proċeduri tal-investigazzjoni (6)

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Is-sospensjoni tal-proċeduri (1)

Il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi (Einstellung) fi kwalunkwe punt, jew mill-prosekutur pubbliku jew, wara li tkun inbdiet il-prosekuzzjoni, mill-qorti. Hemm diversi modi kif il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi. Dawk prinċipali, fil-prattika, huma dawn li ġejjin:

Il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi b’mod provviżorju, pereżempju, jekk inti tkun assenti għal perjodu twil ta’ żmien. Il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi wkoll jekk l-investigazzjoni ma tipproduċix raġunijiet suffiċjenti sabiex ikunu ppreżentati l-kapi tal-akkuża. Madankollu, il-prosekutur pubbliku jista’ jerġa’ jagħti bidu għall-proċeduri fi kwalunkwe ħin (soġġetti għal ċerti perjodi ta' preskrizzjoni), pereżempju, jekk jinstabu provi ġodda.

Il-proċeduri jistgħu anki jiġu sospiżi b'mod definit. Dan jista’ jkun il-każ f’delitti minuri jekk ikun hemm ftit ħtija u jekk fil-prosekuzzjoni ma jkun hemm l-ebda interess pubbliku. Il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi wkoll jekk tiġi sodisfatta kundizzjoni partikolari, pereżempju jekk inti tħallas multa jew tobdi ordni, bħall-ordni li tattendi kors dwar is-sikurezza fit-toroq.

Il-proċedura sommarja (2)

Fil-każ ta’ reati minuri (Vergehen), fi tmiem il-proċeduri tal-investigazzjoni, il-prosekutur pubbliku jista’ jagħmel talba bil-miktub lill-qorti għal sentenza sommarja (Strafbefehl) minflok ma jippreżenta kap tal-akkuża. Tista’ tingħata sentenza sommarja jekk il-qorti temmen li l-provi miktuba jkunu suffiċjenti. Sentenza sommarja tagħti deskrizzjoni fil-qosor tar-reat u timponi penali partikolari. Jekk inti ma tappellax, din tidħol fis-seħħ bħala verdett assolut.

Sentenza sommarja għandha konsegwenzi legali limitati. Normalment, hija timponi xi multa imma tista’ wkoll twassal għal projbizzjoni tas-sewqan. Jekk għandek avukat difensur, inti tista’ tingħata wkoll sentenza ta' mhux aktar minn sena priġunerija, fejn għandha tingħatalek il-probation.

Jekk inti tappella, għandek żewġ possibbiltajiet:

Fil-każ ta’ multa, inti tista’ toġġezzjona biss għar-“rata ta’ kuljum” li ntużat sabiex tkun ikkalkulata l-multa. Jekk inti u l-prosekutur pubbliku taqblu, il-qorti tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma jsir proċess quddiem qorti kriminali.

Jekk inti ma tillimitax l-appell tiegħek, il-każ iwassal għal proċess quddiem il-qorti kriminali. Ma hemmx għalfejn tidher personalment, imma tista’ tkun irrappreżentat minn avukat. Lanqas ix-xhieda ma hemm għalfejn jidhru personalment. Il-verbali tal-interrogazzjoni tax-xhieda jistgħu jinqraw, bil-kunsens tiegħek, jekk inti tkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Fl-aħħar, il-qorti tagħti l-verdett tagħha. Hija ma tkunx marbuta bil-penali imposta fis-sentenza sommarja. Hija tista’ timponi wkoll penali iktar iebsa, fil-limiti legali tal-għoti ta’ sentenzi.

Il-proċedura aċċellerata (3)

F’każijiet sempliċi fejn il-provi jkunu ċari, il-prosekutur pubbliku jista’ anki jagħmel talba lill-qorti għal proċedura aċċellerata (beschleunigtes Verfahren). Dan ġeneralment isir jekk pereżempju inti ma tkunx residenti fil-Ġermanja u jkun hemm raġuni biex l-awtoritajiet jemmnu li ma intix se tkun tista’ tidher fi smigħ sussegwenti tal-qorti.

Jekk il-prosekutur pubbliku jagħmel talba għal dan, il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali jibda immedjatament jew wara perjodu qasir ta’ żmien. F’dak il-każ, ma tkun meħtieġa deċiżjoni mill-qorti biex din tipproċedi għall-fażi tal-proċess quddiem il-qorti kriminali, b’differenza għal kif jiġri fi prosekuzzjoni normali. Il-proċedura aċċellerata taqbeż il-proċeduri intermedji.

Ir-regoli ssemplifikati tal-proċeduri aċċellerati, jippermettu lill-qorti tirrifjuta t-talbiet sabiex jiġu kkunsidrati ċerti provi.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-għoti ta' sentenzi huwa wkoll limitat. Il-qorti tista’ timponi multa biss jew sa sena priġunerija. Il-liċenzja tas-sewqan tiegħek tista’ tiġi rtirata wkoll.

L-avukat maħtur mill-qorti (4)

Jekk qed tiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt aktar gravi (Verbrechen), jew jekk is-sentenza mistennija f'każ ta' kundanna tkun ta’ iktar minn sena priġunerija, jew jekk qed tinżamm taħt arrest preventiv jew ma tistax tiddefendi ruħek għal raġunijiet oħrajn, il-qorti hija obbligata li taħtarlek avukat difensur jekk inti għadek m'intix irrappreżentat minn wieħed. Fil-proċedura aċċellerata, inti tiġi pprovdut b’avukat difensur uffiċjali jekk is-sentenza mistennija tkun ta’ iktar minn sitt xhur. L-obbligu li jinħatar avukat ma jiddependix mill-istatus finanzjarju tiegħek.

Il-qorti tiddeċiedi liema avukat għandu jinħatar. Madankollu, trid ukoll tippermettilek li tagħżel l-avukat difensur tiegħek u li tinnominah għall-qorti. Jekk inti ma tinnominax avukat, il-qorti tagħmel dan f’ismek.

L-avukat difensur maħtur mill-qorti jista’ jitbiddel biss f’każijiet eċċezzjonali. Inti tista’ taħtar ukoll avukat differenti li tagħżel inti, f’liema każ, il-qorti tirtira l-ħatra tal-avukat difensur uffiċjali. Jekk inti tagħżel lill-avukat tiegħek, ikollok tħallas id-drittijiet tiegħu inti, sakemm ma tiġix illiberat mill-akkużi, f’liema każ dawn ikollhom jitħallsu mill-Istat.

Informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet/il-kapi tal-akkuża/il-kundanni (5)

X’informazzjoni tinżamm?

Il-pulizija żżomm il-bażi tad-dejta tagħha bl-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet.

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wkoll jaħżen dejta kemm waqt kif ukoll wara l-investigazzjoni. L-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjoni tinżamm ukoll f’reġistru ċentrali tal-prosekuzzjonijiet. L-informazzjoni trid titħassar hekk kif jgħaddu perjodi speċifiċi, iffissati bil-liġi .

Ir-rekords tal-kundanni fil-kawżi kriminali jinżammu fir-Reġistru Kriminali Federali Ċentrali (Bundeszentralregister). Inti ma tiġix ikkonsultat dwar jekk din id-dejta tiġix irreġistratata jew le. Il-kundanni jitħassru wara perjodu ta’ żmien speċifikat, jekk ma jkunu ġew miżjuda l-ebda kundanni ġodda. Il-perjodu ta’ żmien jiddependi mis-sentenza.

Liema dejta tiġi kkonsultata fil-proċeduri kriminali u meta?

Il-pulizija u l-prosekutur pubbliku jista’ jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-dejta tagħhom fi kwalunkwe ħin. M'għandhomx aċċess dirett għar-Reġistru Kriminali Federali Ċentrali. Meta l-qorti tipprepara għall-proċess, hija titlob silta mir-reġistru.

Xi rwol għandha d-dejta fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni?

Jekk ikun hemm rekords ta’ investigazzjonijiet preċedenti, il-prosekutur pubbliku jrid jikkunsidrahom jekk, pereżempju, qed jikkontrolla l-possibbiltà li jissospendi l-proċeduri taħt is-Sezzjonijiet 153 u 153a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Xi rwol għandha d-dejta fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-liġi tippermetti li waqt il-proċess jiġu kkunsidrati l-kundanni preċedenti rreġistrati fir-reġistru ċentrali. Jekk jiġi stabbilit li kellek kundanni preċedenti, dawn jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-sentenza mogħtija. Id-dejta li tinżamm biss mill-prosekutur pubbliku u mill-pulizija tista' ma tiġix ikkunsidrata meta tingħata s-sentenza.

Kif nista’ nsir naf x’informazzjoni baqgħet tinżamm dwari, u x’nista’ nagħmel dwar dan?

Tista’ ssir taf liema dejta li tikkonċernak baqgħet tinżamm billi tressaq applikazzjoni quddiem id-dipartimenti li jirreġistraw id-dejta.

Inti tista’ tapplika sabiex id-dejta titħassar mid-dipartiment rilevanti. Jekk id-dipartiment jirrifjuta li jagħmel dan, inti tista’ titlob li d-deċiżjoni tiġi riveduta minn qorti.

Iktar informazzjoni

Ir-Reġistru Kriminali Ċentrali huwa rregolat mir-Reġistru Kriminali Federali Ċentrali. Id-dejta miżmuma mill-prosekutur pubbliku hija soġġetta għas-Sezzjoni 483 u għas-sezzjonijiet sussegwenti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; ir-reġistru ċentrali tal-prosekuzzjonijiet huwa kopert mis-Sezzjoni 492(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, b’iktar dettalji f’Regolament; il-bażijiet tad-dejta tal-pulizija huma rregolati mill-Att dwar l-Uffiċċju Federali tal-Prevenzjoni tad-Delitti u mil-leġiżlazzjoni dwar il-pulizija tal-Istati federali (Länder).

Kontestazzjonijiet legali waqt il-proċeduri tal-investigazzjoni (6)

Inti għandek id-dritt li tikkontesta l-miżuri meħuda fil-proċeduri tal-investigazzjoni. Ir-rimedji disponibbli jinkludu l-possibbiltà li tippreżenta lment kontra l-pulizija jew li tagħmel talba biex il-kwistjoni tiġi deċiża minn qorti.

Inti tista’ tressaq ilment (Beschwerde) kontra tali deċiżjoni tal-qorti.

Jekk il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku jkunu ħadu miżura mingħajr mandat, inti tista’ tagħmel talba sabiex din tiġi analizzata retrospettivament mill-qorti. Jekk inti toġġezzjona għal sekwestru, il-kwistjoni tiegħek titressaq awtomatikament quddiem l-imħallef mingħajr ma jkollok għalfejn tagħmel talba biex isir dan.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.