Imputati (proċeduri kriminali)

Ġermanja

Meta l-qorti tikkundannak, inti tista’ tappella kontra s-sentenza. Inti ma għandek l-ebda dritt għal appell jekk tiġi lliberat mill-akkużi, anki jekk ma taqbilx mar-raġunijiet għaliex tkun ġejt illiberat mill-akkużi. Il-qorti trid tinformak bid-drittijiet tiegħek li tappella. Hemm żewġ tipi ta’ appell kontra verdett ta’ qorti distrettwali (Amtsgericht): l-appell (Berufung) għal kwistjonijiet ta' fatti u ta' liġi, u l-applikazzjoni għal reviżjoni (Revision), li hija forma ta' appell li jikkonċerna aspetti legali biss. Għall-verdetti mogħtija mill-qrati reġjonali (Landgericht), inti tista’ titlob biss li ssir reviżjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Għandi dritt ta’ appell?

Malli tinqata’ s-sentenza, inti jew l-avukat tiegħek tistgħu tiddikjaraw b’mod pubbliku li qed tappellaw is-sentenza. Inti tista’ wkoll tressaq appell sa ġimgħa wara li tinqata’ s-sentenza. Tista’ tappella bil-miktub jew titlob lill-uffiċċju tal-qorti sabiex jirreġistra b’mod uffiċjali li inti qed tappella. Inti tista’ tappella anki jekk is-sentenza kienet ibbażata fuq proċedura bil-patteġġjament.

Inti tista’ tappella jew kontra l-kundanna nnifisha jew kontra l-livell tal-penali.

Jekk tappella għal kwistjonijiet ta' fatti u ta' liġi, mhux neċessarju li tiġġustifika l-appell tiegħek.

Jekk tapplika għal reviżjoni li tikkonċerna aspetti legali biss, int għandek tipprovdi dikjarazzjoni bir-raġunijiet tiegħek fi żmien xahar minn meta tinħareġ il-ġustifikazzjoni tal-verdett. Jekk inti tagħmel dan, tkun teħtieġ avukat, għaliex ma tistax tissottometti tali dikjarazzjoni bir-raġunijiet mingħajr l-ebda assistenza professjonali.

X’jiġri jekk nappella?

Meta tappella kontra s-sentenza, din tiġi sospiża u ma tiġix infurzata. Dak ifisser li inti ma jkollokx għalfejn tħallas il-multa jew tiskonta s-sentenza f’dak il-waqt. Madankollu, jekk inti tkun taħt arrest preventiv ma tiġix illiberat. Sabiex tiġi lliberat mill-arrest preventiv, il-qorti trid tirtira jew tissospendi l-mandat tal-arrest preventiv.

Ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien għal meta jiġi deċiż l-appell tiegħek. Madankollu, hemm rekwiżit ġenerali li l-proċeduri kriminali għandhom jitlestew kemm jista’ jkun malajr.

F’appell, isir proċess ġdid quddiem il-qorti reġjonali. Il-qorti tiddeċiedi hija stess liema provi jistgħu jkunu sinifikanti. Il-provi jistgħu jkunu l-istess provi li ntgħażlu mill-ewwel qorti, Imma l-qorti tista' tqis ukoll provi differenti. Inti tista’ wkoll tagħmel talba sabiex jiġu kkunsidrati provi ġodda.

F’applikazzjoni għal reviżjoni ma tiġi ppreżentata l-ebda prova ġdida. Il-qorti tikkunsidra biss jekk kienx hemm xi difetti legali fil-verdett li ngħata qabel u fil-proċedura li wasslet għalih.

X’jiġri fis-smigħ tal-appell?

Fil-proċeduri tal-appell quddiem il-qorti reġjonali, is-smigħ isegwi l-istess mudell tas-smigħ fil-qorti distrettwali. Il-qorti tasal għall-verdett tagħha. Il-proċedura tkun differenti biss jekk l-appell tiegħek ikun limitat għas-sentenza li ngħatajt. F'dak il-każ, il-qorti tisma' biss lix-xhieda li jkunu rilevanti sabiex tkun stabbilita l-piena, eż. rigward il-motivi u ċ-ċirkostanzi personali tiegħek.

Fl-applikazzjonijiet għal reviżjoni, is-sentenza tista’ tingħata mingħajr ma jsiru proċeduri verbali.

X’jiġri jekk l-appell tiegħi jirnexxi/ma jirnexxix?

Jekk l-appell tiegħek jirnexxi, fi tmiem il-proċeduri inti tiġi lliberat mill-akkużi jew is-sentenza tiegħek tkun inqas severa. Jekk inti ma tiġix illiberat, inti tista’ titlob biex is-sentenza tal-appell tiġi riveduta.

Jekk int tlabt għal reviżjoni tal-ewwel sentenza u din tirnexxi, hemm żewġ possibbiltajiet. Il-qorti li tkun qed twettaq l-appell, f’ċerti ċirkustanzi, tista' tasal għall-verdett hija stess u, pereżempju, tista' teħilsek mill-akkużi. Pero' f’każijiet oħrajn, hija jista’ jkollha tirrevoka l-verdett li tkun appellajt minnu u tirrinvija l-kawża quddiem il-qorti inferjuri.

Sentenza li tkun ġiet irrevokata ma tistax titniżżel fir-reġistru kriminali tal-kondotti.

Sentenza tkun assoluta jekk l-ebda waħda mill-partijiet, jew inti jew il-prosekutur pubbliku jew kwalunkwe parti oħra li bħala parti ċivili tkun tħalliet tgħaqqad il-kawża ċivili tagħha mal-proċess kriminali pubbliku, ma tressaq appell fil-limiti ta’ żmien awtorizzat.

Jiena ġej minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura d-dar wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Bħala ċittadin tal-UE inti tista’ titkeċċa mill-Ġermanja u tista' tiġi ddeportat biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna. Id-dettalji huma koperti mill-Att dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-UE. Jekk inti inkwetat minħabba d-deportazzjoni, tista’ tikkonsulta avukat.

Jekk jiena ġejt ikkundannat, nista’ nerġa’ nitressaq quddiem qorti kriminali għall-istess reat?

Fil-prinċipju, inti ma tistax titressaq quddiem qorti kriminali darbtejn għall-istess reat. Pero', jekk is-sentenza effettivament tapplikax għall-istess reat hija kwistjoni li tinvolvi distinzjonijiet legali fini.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.