Imputati (proċeduri kriminali)

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Il-prosekutur pubbliku se jgħaddi l-att ta’ akkuża lill-qorti li, fil-proċeduri interlokutorji, se tiddeċiedi jekk tipproċedix għall-fażi tal-proċedura prinċipali jew le, jiġifieri għal proċess quddiem il-qorti kriminali.

Jekk il-qorti tippermetti li l-att ta’ akkuża jkompli għal proċess quddiem il-qorti kriminali, għandha tinbeda l-proċedura prinċipali permezz ta' smigħ quddiem il-qorti kriminali. Is-smigħ jista’ jdum jum wieħed jew diversi jiem. Hemm ukoll il-possibbiltà li l-att ta’ akkuża jiġi kkunsidrat fi proċedura aċċellerata, li hija soġġetta għal ċerti regoli.

Kif se jipproċedi l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-ewwel nett, il-qorti tiddetermina dawk kollha li jkunu preżenti: il-prosekutur pubbliku, inti u l-avukat difensur (jekk ikollok wieħed), ix-xhieda u x-xhieda esperti. Ix-xhieda mbagħad jintalbu jistennew barra mill-awla.

Inti tintalab tagħti d-dettalji personali tiegħek. Trid tagħti ismek, l-indirizz, il-post tat-twelid, l-istat ċivili u l-impjieg tiegħek. Ma hemmx għalfejn tgħid kemm taqla’.

Imbagħad jinqraw il-kapi tal-akkuża.

Inti tkun tista’ tiddikjara l-opinjoni tiegħek dwar il-kapi tal-akkuża. Tista’ ma tgħid xejn: tista' tibqa' sieket. Il-qorti ma tista’ tiġbed l-ebda konklużjoni għad-detriment tiegħek mill-fatt li initi ma tgħid xejn. Wara jiġu ppreżentati l-provi, jiġifieri jiġu interrogati x-xhieda, jinstemgħu x-xhieda esperti u/jew jinqraw id-dokumenti.

Fl-aħħar nett, il-prosekutur pubbliku u l-avukat difensur tiegħek (jekk ikollok wieħed) jiġbru fil-qosor ir-riżultati tal-provi u jipproponu li inti tiġi kkundannat jew li tiġi lliberat.

Inti jkollok l-aħħar kelma.

Imbagħad il-qorti tagħti l-verdett tagħha u r-raġunijiet li fuqhom ibbażat il-verdett tagħha.

Fejn iseħħ il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir fl-istess post fejn il-prosekutur pubbliku jkun ippreżenta l-kapi tal-akkuża; hemm regoli partikolari dwar dan l-aspett. Ta’ spiss il-proċess quddiem il-qorti kriminali jsir fil-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fiż-żona fejn ikun twettaq ir-reat.

Jekk il-proċeduri jitmexxewx mill-qorti distrettwali (Amtsgericht), mill-qorti reġjonali (Landgericht) jew mill-qorti reġjonali superjuri (Oberlandesgericht) jiddependi mill-piena eventwali għar-reat inkwistjoni. Jekk tkun mistennija multa jew priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn, il-kawża tinstema' minn imħallef wieħed fil-qorti distrettwali. Jekk tkun mistennija sentenza ta' bejn sentejn u erba’ snin priġunerija, il-kawża tinstema' minn tliet imħallfin fil-qorti distrettwali, li jikkonsistu f’imħallef professjonali u f’żewġ imħallfin lajċi (Schöffen). Jekk tkun mistennija sentenza ta’ iktar minn erba’ snin priġunerija, il-kawża tinstema' mill-qorti reġjonali magħmula minn żewġt imħallfin professjonali jew tlieta, u żewġt imħallfin lajċi. Il-kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali jinstemgħu mill-qorti reġjonali superjuri li tikkonsisti fi tlett imħallfin professjonali.

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun wieħed pubbliku?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkunu pubbliċi. Il-pubbliku jiġi eskluż biss f’każijiet eċċezzjonali, eż. sabiex ikunu protetti x-xhieda.

Il-kapi tal-akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kapi tal-akkuża jistgħu jinbidlu b’mod minuri fuq l-istruzzjonijiet tal-qorti. Il-kapi tal-akkuża l-ġodda jistgħu jiġu ppreżentati biss waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Madankollu, dawn il-kapi tal-akkuża l-ġodda jiġu kkunsidrati biss jekk inti u l-qorti taqblu dwar dan.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati ta’ wħud mill-akkużi jew tal-akkużi kollha waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Stqarrija ta’ ħtija mhijiex se ġġib fi tmiemhom il-proċeduri. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tismax uħud mix-xhieda jekk hija tikkunsidra li l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek hija affidabbli, jiġifieri li hija appoġġjata mix-xhieda li diġà nstemgħu. Il-qorti tista’ tnaqqas mis-sentenza tiegħek jekk inti tistqarr il-ħtija tiegħek. F’uħud mill-każijiet, l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek tista’ tifforma parti minn proċedura bil-patteġġjament. Dan jaffettwa s-sentenza, imma mhux jekk inti tiġix iddikjarat innoċenti jew ħati.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti mitlub tattendi għall-proċess quddiem il-qorti kriminali. Jekk inti ma ġejtx meħlus mid-dmir tiegħek li tattendi imma xorta ma tidhirx, il-proċess jiġi sospiż u jista’ jinħareġ mandat għall-arrest tiegħek. L-eċċezzjoni għal dan hija jekk il-proċeduri jkunu parti minn proċedura sommarja.

Jekk inti ma titkellemx il-lingwa tal-pajjiż sew, il-qorti tipprovdik b’interpretu sabiex jittraduċi l-passi importanti meħuda u d-dikjarazzjonjijiet kollha li jsiru waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Inti tista’ taħtar avukat sabiex jiddefendik. F’uħud mill-każijiet, inti bilfors irid ikollok avukat difensur. Jekk ma tagħżilx avukat, il-qorti tassenjalek avukat difensur maħtur mill-qorti.

Nista' nikkontesta l-provi ppreżentati kontrija?

Meta jiġu ppreżentati l-provi kontrik, inti tista’ tagħmel dikjarazzjoni dwar dan. Inti tista’ toġġezzjona għal kwalunkwe prova li temmen li tressqet b’mod mhux xieraq kontrik.

Inti tista’ wkoll tagħmel talba biex jiġu ppreżentati iktar provi. Inti tista’ tiġbor ukoll il-provi tiegħek, imma mhux se tgawdi mill-istess drittijiet bħall-pulizija. Pereżempju, inti ma tistax tagħmel interċetazzjonijiet telefoniċi u tipproduċi r-rekordings bħala prova.

Inti tista’ titlob lix-xhieda sabiex jgħidu dak li jafu, u tista’ tressaqhom quddiem il-qorti. Madankollu, trid iżżomm quddiem għajnejk li x-xhieda huma obbligati jgħidu l-verità lill-qorti.

Il-maġistrat jew il-maġistrati huwa/huma dak/dawk li jagħmel/jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda, segwit(i) mill-prosekutur pubbliku. Imbagħad, l-avukat tiegħek u inti tistgħu tagħmlu l-mistoqsijiet tagħkom lix-xhieda warajhom.

Ġeneralment, tinqara silta mir-reġistru li jindika l-kondotta tiegħek, sew jekk din tkun nadifa sew jekk le. Jekk diġà ġejt ikkundannat għal delitt simili għal dak relatat mal-proċeduri preżenti, tista’ tinqara anki s-sentenza preċedenti. Ir-reġistru kriminali ma jinkludix il-kundanni preċedenti tiegħek fi Stati Membri oħrajn. Madankollu, jekk il-qorti ssir taf b’kundanni preċedenti b'xi mod ieħor, hija tista’ tikkunsidrahom waqt il-proċess.

X’jiġri fi tmiem il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jista' jintemm b’sentenza jew il-proċeduri jistgħu jiġu sospiżi.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-proċess jintemm b’sentenza. Il-qorti tista’ tikkundannak jew teħilsek mill-akkużi, jiddependi mill-provi disponibbli. Il-kundanni jistgħu jimponu multa jew priġunerija. Hemm ukoll każijiet partikolari fil-liġi fejn il-qorti tordna li tiġi applikata miżura bħas-sistemazzjoni fi sptar psikjatriku jew f’ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga jew inkella d-detenzjoni preventiva. Miżura oħra ta' dan it-tip hija l-possibbiltà li tiġi rtirata l-liċenzja tas-sewqan tiegħek. Il-projbizzjoni tas-sewqan tista' tiġi imposta wkoll bħala penali supplimentari.

Multa titkejjel f’termini ta’ ċertu numru ta’ “rati ta’ kuljum” (Tagessätze, eż. 50 rata ta’ kuljum ta’ EUR 15). Ir-rata ta’ kuljum hija dejjem parti minn kull 30 tal-introjtu mensili tiegħek. Tista’ anki taħdem minflok tħallas il-multa. Jekk ma tħallasx il-multa u ma taħdimx minflok ma tħallasha, inti tiġi arrestat għal jum wieħed għal kull rata ta’ kuljum. Jekk tingħata multa ta’ mhux iktar minn 180 rata ta’ kuljum, il-penali tista’ tiġi sospiża. Dan ifisser li inti tingħata twissija u jkollok tħallas il-multa biss jekk terġa’ twettaq reat ieħor wara s-sentenza, jew inkella tikser kwalunkwe ordni tal-qorti b’xi mod ieħor.

Is-sentenzi ta’ ħabs għal perjodu ta' mhux aktar minn sentejn jistgħu jiġu sospiżi wkoll. Jekk inti tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-probation, is-sentenza tista’ tiġi infurzata.

Mas-sentenza jistgħu jiġu miżjuda miżuri oħrajn kif ukoll penali addizzjonali.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-vittma tkun xhud importanti u tinstema’ f’dik il-kapaċità.

Il-vittmi ta’ delitti partikolari jistgħu anki jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess jekk bħala parti ċivili jkunu jistgħu jgħaqqdu l-kawża ċivili tagħhom mal-proċess kriminali pubbliku. Vittma tista’ wkoll tagħmel mistoqsijiet jew tagħmel talba biex jitqiesu xi provi, jew jekk tkun irrappreżentata minn avukat, dan tal-aħħar ikun jista' jagħmel dan f'isimha. Fi tmiem il-proċess, il-vittma jew l-avukat tal-vittma tagħmel/jagħmel dikjarazzjoni finali fejn tirrakkomanda/jirrakkomanda li tingħata sentenza partikolari.

Iktar informazzjoni

Il-proċeduri prinċipali huma soġġetti għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u għall-Kodiċi Ġermaniża dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna