Imputati (proċeduri kriminali)

Franza

Fi Franza, ċertu numru ta’ reati minuri huma ttrattati direttament mill-Amministrazzjoni u mhux mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Ġeneralment, dawn ikunu jikkostitwixxu ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Dawn il-proċeduri speċifiċi jimplikaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħek, b’mod partikolari d-dritt tad-difiża. Barra minn hekk, penali amministrattiva qatt ma tista’ tikkonsisti f’ċaħda mil-libertà. Il-penali tingħata lilek, b’mod awtomatiku, direttament mill-awtorità amministrattiva kompetenti, li tkun sabet nuqqas fil-konfront ta’ xi obbligu legali. Kull deċiżjoni li twassal għal penali trid tkun motivata, u int tista’ tikkontestaha. Il-penali mogħtija hija immedjatament eżegwibbli, anki jekk tiddeċiedi li tappellaha.

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Kif inhuma ttrattati r-reati minuri tal-kodiċi tat-traffiku?

Ir-reati relatati mat-traffiku huma ttrattati direttament minn gwardjan tat-traffiku, mill-pulizija jew mill-ġendarmerija. F’każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, tingħatalek il-penali applikabbli immedjatament. Qabel dan, jiġu spjegati lilek ir-raġunijiet għall-penali tiegħek u tista’ tagħti l-osservazzjonijiet tiegħek. Tingħata rapport verbali li jindika x’inhu r-reat li wettaqt kif ukoll il-penali mogħtija. Inti tkun soġġett għal dik il-penali sa minn meta tingħatalek.

Il-penalitajiet jikkonsistu f’multa b’total fiss, u possibilment anki f’irmunkar tal-vettura.

Bħala ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jekk ma tirrispettax ir-regolamenti tat-traffiku, tiġi ppenalizzat fi Franza. Jekk ma tħallasx il-penali qabel ma tirritorna lejn pajjiżek, ikun possibbli li tinfetaħ proċedura kontrik.

F’każ ta’ appell, tista’ tressaq rikors kontra din id-deċiżjoni, fi żmien xahrejn. B’hekk ikollok il-garanzija li l-penali li tingħatalek ma tistax tkun iggravata matul dan ir-rikors.

L-appell isir direttament fl-Amministrazzjoni, mingħajr proċess. Dan ir-rikors isir mal-awtorità li tkun ħarġet din il-penali l-ewwel (appell intern), u, f’każ ta’ ċaħda, trid tappella lill-awtorità li hi superjuri fil-ġerarkija għal dik l-awtorità li tkun ħarġet il-penali (rikors ta' appell).

Il-proċedura li għandek issegwi tkun spjegata lilek direttament fuq ir-rapport li jingħatalek.

Trid tkun ippruvajt dawn l-għażliet għall-appell kollha biex eventwalment tkun tista’ tirrikorri għal imħallef amministrattiv.

Kif inhuma ttrattati reati minuri oħra?

Ir-reati l-oħra ttrattati b’mod amministrattiv huma reati aktar gravi, marbutin mar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, mad-dritt tal-kompetizzjoni jew inkella mar-regolamentazzjoni fiskali jew tal-immigrazzjoni.

Dawn ir-reati jitniżżlu fuq il-kondotta tiegħi?

Dawk ir-reati li fi Franza huma ttrattati b’mod amministrattiv, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ma jitniżżlux fuq il-kondotta tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.