Imputati (proċeduri kriminali)

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Jekk inti persuna adulta, u tammetti l-akkużi miġjuba kontrik, u jekk huwa każ ta’ reat punibbli b’multa jew bi priġunerija għal massimu ta’ ħames snin, allura tista’ tibbenefika mill-proċedura msejħa “comparution immédiate sur reconnaissance préalable de culpabilité” (dehra immedjata wara l-ammissjoni preliminari ta’ ħtija”. Bilfors għandek tkun assistit minn avukat. Din il-proċedura veloċi tippermettilek li tibbenefika minn pieni inqas stretti.

Fejn iseħħ il-proċess?

Il-kompetenza tal-qorti tiddependi mit-tip ta’ reat u mill-ġurisdizzjoni territorjali. Għall-kontravenzjonijiet, ikunu kompetenti t-Tribunal tal-Pulizija (tribunal de police) jew il-Qorti Distrettwali (juridiction de proximité) tal-post fejn seħħew il-fatti, jew tal-post fejn tgħix.

F’każ ta’ reat, tkun kompetenti l-Qorti Kriminali (tribunal correctionnel) tal-post fejn seħħew il-fatti, ta’ fejn tgħix jew ta’ fejn ġejt arrestat.

Fl-aħħar nett, f’każ ta’ delitt, tkun kompetenti l- Cour d’Assises tal-post fejn seħħew il-fatti, ta’ fejn tgħix jew ta’ fejn ġejt arrestat.

Il-proċess kriminali hu verbali u pubbliku. F’każijiet eċċezzjonali, il-proċess jinstema’ bil-bibien magħluqin, f’każ ta’ reati minn minorenni, jew fuq talba tal-vittma f’każijiet ta’ stupru, torturi jew atti barbari, flimkien ma’ aggressjoni sesswali.

F’każijiet kriminali u kontravenzjonijiet, id-deċiżjonijiet jittieħdu minn imħallef professjonali wieħed jew aktar, filwaqt li l-Cour d’assises, komposta minn disa’ ġurati ċittadini u tliet maġistrati professjonali, tieħu deċiżjonijiet abbażi tal-maġġoranza kkwalifikata ta’ tmien persuni.

Jistgħu jiġu mmodifikati l-kapijiet tal-akkuża/tal-imputazzjoni matul il-proċess?

Il-Qorti tieħu konjizzjoni biss tal-fatti spjegati fl-att tal-akkuża. Ma tistax tikkunsidra fatti oħra.

Madanakollu, il-qorti għandha d-dritt li tikkwalifika mill-ġdid il-fatti li jitressqu quddiemha, matul is-smigħ, bil-kundizzjoni li inti tkun stajt tippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħek dwar dawn il-kapijiet tal-akkuża l-ġodda. Jekk din il-kwalifikazzjoni mill-ġdid timplika estensjoni tar-rinviju tal-proċess minħabba fatti ġodda, int trid taċċetta li tidher volontarjament għal dawn il-fatti.

Fi Franza l-proċedura li fiha wieħed iwieġeb ħati ma teżistix. Huwa biss possibbli, f’ċerti reati, li qabel il-proċess titlob sabiex tibbenefika mill-proċedura ta’ dehra wara ammissjoni preliminari ta’ ħtija. Jekk tagħmel xi ammissjonijiet, dawn ikunu soġġetti għal dibattiti u jitħallew għad-deċiżjoni tal-imħallfin, bħal kull prova oħra.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess?

Il-preżenza tiegħek hija obbligatorja matul il-proċess kollu. Mingħajr raġuni valida, tkun iġġudikat fl-assenza tiegħek, sakemm it-tribunal ma jaċċettax li jirrinvija s-smigħ għal meta tiġi lura. Iżda t-tribunal mhuwiex obbligat li jilqa’ din it-talba. Madanakollu, jekk l-avukat tiegħek huwa preżenti, huwa jkun jista’ jinstema’ u jirrappreżentak. F’każijiet kriminali, jista’ jinħareġ mandat ta’ arrest kontrik.

Fi Franza, il-possibbiltà li tirrikorri għal konferenza bil-vidjo hija prevista għas-smigħ ta’ xhieda, ta’ partijiet ċivili u ta’ esperti biss.

Jekk ma tifhimx il-lingwa tal-Qorti, ikun jista’ jiġi assenjat interpretu ex officio għalik.

L-assistenza ta’ avukat hija obbligatorja f’każijiet kriminali. Hi fakultattiva biss f’każijiet ta’ delitt u ta’ kontravenzjoni. Tista’ tibdel l-avukat tiegħek matul il-proċess.

Inti tista’ titkellem matul il-proċess. Madanakollu, għandek id-dritt li tibqa’ sieket matul il-proċedura kollha. Din l-istrateġija jista’ jkollha impatt fuq il-fehma tal-maġistrati.

Ma tistax tkun ikkundannat biss għas-sempliċi fatt li tkun gdibt matul is-seduta. Madanakollu, gidba tista’ taffettwa d-deċiżjoni li tittieħed mill-Qorti. Barra minn hekk, din tista’ tikkomprometti l-istrateġija tal-avukat tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi mressqa kontrija?

Il-provi kollha fl-atti tal-proċess iridu jkunu soġġetti għal dibattiti bis-smigħ tal-partijiet kollha sabiex int tkun tista’ tiddiskutihom. Il-prova hi libera fil-liġi penali Franċiża u tista’ titressaq fiċ-ċirkostanzi kollha. B’hekk, tista’ tipproduċi l-elementi kollha ta’ prova neċessarji u b’mod partikolari dawk miġbura minn investigatur privat, fejn l-unika ħaġa li tillimitak tkun il-legalità tal-prova.

Tista’ titlob sabiex jinstemgħu xi xhieda. Tista’ tagħmel mistoqsijiet, direttament jew permezz tal-avukat tiegħek , lix-xhieda u lill-udjenza, u tikkontesta x-xhieda tagħhom b’kull mod.

Tista’ tiġi kkunsidrata l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-kontenut tal-kondotta tiegħek jiġi kkonsultat mill-maġistrati. Parti minnha tkun preżenti fl-atti tal-proċess matul il-proċedura kollha. L-awtorità ġudizzjarja kompetenti, li tieħu konjizzjoni tal-atti tal-proċess tiegħek, eventwalment tista’ titlob li jintbagħtu partijiet mill-kondotta tiegħek lil Stat Membru ieħor.

X’jiġri fi tmiem il-proċess?

L-eżitu tal-proċess tiegħek ikun previst minn qabel flimkien mal-avukat tiegħek, jekk tkun infurmajtu bis-sħiħ dwar is-sitwazzjoni tiegħek. Tista’ tkun deċiżjoni ta’ rilaxx, ta’ liberazzjoni jew ta’ kundanna.

F’każ ta’ kundanna, il-pieni previsti huma:

Il-pieni li jċaħħdu l-libertà:

  • F’każijiet kriminali, piena ta’ priġunerija għal dejjem jew għal żmien definit. Għas-sentenzi ta’ priġunerija għal żmien definit, il-Kodiċi Kriminali jistabbilixxi ż-żmien massimu. Iż-żmien hu ta’ bejn 10 snin u 30 sena.
  • F’każijiet ta’ reati, iż-żmien massimu għal priġunerija huwa ta’ 10 snin.

Dawn il-pieni li jċaħħdu l-libertà jistgħu, meta jkunu jistgħu jitnaqqsu, ikunu soġġetti għal xi aġġustamenti, bħal-libertà kundizzjonata, il-libertà parzjali jew it-tnaqqis tal-piena.

Pieni oħra:

  • Fil-każijiet kollha, tista’ tingħata multa li t-total tagħha jkun stabbilit għal kull reat speċifiku.
  • F’każ ta’ delitti u kontravenzjonijiet, huwa possibbli li tingħata “rimedju b'penali” li tikkonsisti f’kundanna biex il-ħati jsewwi l-ħsara li tkun ġarrbet il-vittma.
  • Jistgħu jingħataw pieni addizzjonali. Dawn jistgħu jinvolvu xogħlijiet ta’ interess ġenerali (bil-kunsens tiegħek), pieni li jċaħħduk minn xi dritt (il-liċenzja tas-sewqan,…), sekwestru ta’ xi beni, għeluq ta’ stabbiliment, tneħħija ta’ xi dritt ċivili (id-dritt tal-vot,..) jew il-projbizzjoni milli toħroġ ċekkijiet. Barra minn hekk, tista’ tingħatalek projbizzjoni milli tmur fit-territorju Franċiż (jekk tkun persuna barranija) jew projbizzjoni li toqgħod fi Franza.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess?

Il-vittma tista’ tkun preżenti fil-proċess jew tkun rappreżentata. Fin-nuqqas, hija titqies li mhux qed tinvolvi ruħha fil-kawża. Hija tista’ tagħti bidu għall-proċedura. Matul il-proċess, il-preżenza tagħha jew dik tal-avukat tagħha tippermetti li tiġi żgurata d-difiża tal-interessi tagħha u titlob kumpens għall-ħsarat li tkun ġarrbet.

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.