Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

X’inhu l-iskop tal-inkjesta u tal-investigazzjoni kriminali?

L-inkjesta ġudizzjarja hija l-investigazzjonijiet kollha li jsiru mill-pulizija fir-rigward tat-twettiq ta’ reat taħt il-kontroll ta’ maġistrat tal-ordni ġudizzjarja.

L-inkjesta ġudizzjarja tista’ ssir barra l-qafas tal-investigazzjoni u tikkonsisti fil-konstatazzjoni ta’ reati, fil-ġbir tal-provi u t-tiftix ta’ min wettaq ir-reat.

Issir distinzjoni bejn l-inkjesta in flagrante u l-inkjesta preliminari. L-ewwel waħda hi implimentata għal reati li qed iseħħu jew li għadhom kif seħħew u tagħti setgħat kbar ta’ impożizzjoni lill-pulizija. It-tieni waħda ssir fil-każijiet l-oħra kollha. Permezz ta’ testi leġiżlattivi reċenti ir-reġim li inizjalment kien inqas imponenti avviċina ruħu notevolment lejn dak tal-inkjesta in flagrante.

F’każijiet aktar ikkumplikati, tista’ ssir ukoll fil-qafas tal-investigazzjoni preparatorja u tkun tikkonsisti fl-eżekuzzjoni tad-delegazzjonijiet tal-imħallef inkwerenti. L-għan speċifiku tal-investigazzjoni hu li tiddetermina jekk jeżistux biżżejjed provi biex l-awtur ta’ reat jitressaq quddiem qorti u jekk ikun hemm bżonn, tiżgura li l-każ ikun fi stat li jista’ jiġi ġġudikat.

Hija obbligatorja biss f'każijiet kriminali.

Liema huma l-istadji tal-inkjesta u tal-investigazzjoni?

Tista’ tinfetaħ inkjesta in flagrante meta jkun se jitwettaq reat jew jekk ikun għadu kif twettaq, jew meta jkun hemm is-suspett li persuna hija kompliċi fit-twettiq ta'reat. It-tul ta’ din l-inkjesta hu ta’ tmient ijiem, u tista’ tiġi mġedda, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-prokuratur tar-Repubblika għal tul massimu ta’ tmient ijiem oħra.

B’mod partikolari, matul l-inkjesta in flagrante, l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’ jmur fuq il-post tar-reat, jagħmel sejbiet materjali, jissekwestra l-oġġetti jew il-materjali kollha utli sabiex tinkixef il-verità, jipperkwiżixxi r-residenzi ta’ persuni mifhuma kompliċi fit-twettiq tar-reat jew iżomm dokumenti u informazzjoni relattivi għall-fatti, jisma’ lill-persuni kollha li jistgħu jagħtu rendikonti dwar il-fatti, jew jqiegħed taħt arrest preventiv persuna suspettata li hija kompliċi fit-twettiq tar-reat.

Fil-qafas tal-inkjesta preliminari, l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja javża lill-prokuratur tar-Repubblika meta jidentifika l-awtur potenzjali tar-reat.

Waqt l-investigazzjoni, l-imħallef li jiġbor l-elementi inkriminanti u u dawk eżoneranti kollha,jipproċedi għall-atti kollha li jidhru utli biex tinstab il-verità. Hu jista’ jlesti dawn l-atti ex officio, jew fuq talba tal-prokuratur tar-Repubblika jew tal-partijiet (pereżempju aċċess fuq il-post, smigħ ta’ xhieda, perkwiżizzjonijiet …). Iċ-ċaħda tal-imħallef trid tkun motivata u tista’ tkun soġġetta għal rikors ġudizzjarju.

Fil-qafas tal-ittri rogatorji, l-imħallef inkwerenti jista’ jiddelega t-twettiq ta’ dawn l-atti lill-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja.

Meta jidhirlu li l-investigazzjoni tkun lesta, l-imħallef inkwerenti jgħarraf fl-istess ħin lill-partijiet u lill-avukati tagħhom. Imbagħad, il-prokuratur tar-Repubblika u l-partijiet ikollhom xahar, jekk il-persuna tkun akkużata, jew tliet xhur f’każ kuntrarju, biex jagħmlu l-osservazzjonijiet jew it-talbiet motivati tagħhom lill-imħallef inkwerenti.

Fi tmiem dan il-perjodu, il-prokuratur ikollu għaxart ijiem (jekk il-persuna interrogata tinżamm taħt arrest) jew xahar (jekk le) biex jagħmel it-talbiet jew l-osservazzjonijiet addizzjonali tiegħu fir-rigward tal-elementi komunikati lill-imħallef inkwerenti.

L-imħallef inkwerenti b’hekk joħroġ:

  • jew digriet li mhux ser jittieħdu passi ulterjuri jekk iqis li l-fatti li sab la jikkostitwixxu reat, la delitt, u l-anqas kontravenzjoni jew jekk l-awtur tal-fatti għadu mhuwiex magħruf, jew jekk mhemmx biżżejjed provi kontrih,
  • jew digriet ta’ rinviju (f'każ ta’ delitti u kontravenzjonijiet) jew l-att ta' akkuża (fil-qasam kriminali) jekk ikun hemm provi suffiċjenti tar-reat kontra l-persuna investigata.

Id-drittijiet tiegħi matul l-inkjesta u l-investigazzjoni

Id-drittijiet tiegħi matul l-arrest (1)

Jekk int issuspettata li kont kompliċi fit-twettiq ta’ reat, l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’ jżommok taħt arrest preventiv. Dwar dan irid jgħarraf, sa mill-bidu ta’ din id-deċiżjoni, lill-prokuratur tar-Repubblika jew lill-imħallef inkwerenti, skont il-każ.

Fil-każ ta' ksur komuni tal-liġi, li fir-rigward tiegħu ma tistax tinżamm għal aktar minn 24 siegħa, perjodu li jista’ jiġi estiż għal darba biss għal perjodu ta’ 24 siegħa oħra, mill-prokuratur tar-Repubblika fil-qafas tal-inkjesta ġudizzjarja, jew mill-imħallef inkwerenti fil-qafas tal-investigazzjoni.

Madanakollu, hemm tipi derogatorji ta’ arrest preventiv. Fir-rigward ta’ delinkwenza jew kriminalità organizzata, traffikar ta’ drogi jew terroriżmu, il-perjodu tal-arrest preventiv huwa itwal. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid taħt arrest preventiv u l-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ din il-miżura huma implimentati aktar strettament fil-każ ta' minorenni.

In-nuqqas ta’ ħarsien tal-perjodu tal-arrest preventiv jista’ jwassal għall-annullament ta’ din il-miżura u tal-atti sussegwenti li jkunu bbażati fuqha.

X’jgħiduli matul l-arrest preventiv?

Id-drittijiet tal-persuna taħt arrest preventiv huma drittijiet fundamentali. Trid tkun infurmat/a immedjatament bin-natura tar-reat li wassal għall-investigazzjoni, b'kemm se ddum il-kustodja u bid-drittijiet tiegħek. Din l-informazzjoni trid tkun ikkomunikat lilek f’lingwa li tista’ tifhem. Għaldaqstant, tista’ tibbenefika minn servizzi ta’ interpretu mingħajr ħlas.

In-notifika u l-fatt li ingħatat l-informazzjoni jitniżżlu fil-verbal.

  • Id-dritt li titlob li jkun hemm  persuna qariba tiegħek

Għandek id-dritt li titlob li tiġi persuna qariba tiegħek (persuna li ġeneralment tgħix magħha, qarib fil-linja diretta, xi ħadd minn ħutek, jew min jimpjegak). Jiġu kkuntattjati bit-telefon mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja fi żmien tliet sigħat minn meta titqiegħed taħt arrest preventiv.

  • Id-dritt li tikkonsulta tabib

Għandek id-dritt li tagħmel eżami mediku matul l-24 siegħa ta’ kustodja. It-tabib jintgħażel mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jew mill-prokuratur tar-Repubblika.

  • Id-dritt li titlob konsulenza ta’ avukat

Tista’ titlob sabiex tikkonsulta avukat għal mhux iktar minn 30 minuta. Din il-konsulenza hija kunfidenzjali. L-avukat ikun jista’ jifformula xi osservazzjonijiet bil-miktub li jitniżżlu fl-atti proċesswali.

Tista’ tagħżel avukat jekk taf lil xi wieħed, jew titlob li jinħatarlek avukat mill-President tal-Kamra tal-Avukati (imsejjaħ l-avukat “maħtur mill-qorti”).

F’każ ta’ tqegħid taħt arrest preventiv għal ksur komuni tal-liġi, tista’ tikkonsulta mal-avukat tiegħek sa mill-bidu tal-arrest, u jekk l-arrest ikun soġġett għal estensjoni, mill-bidu tagħha.

Madanakollu, jekk titqiegħed taħt arrest preventiv għal reat li għandu x’jaqsam ma’ delinkwenza jew kriminalità organizzata, ma' traffikar ta’ drogi jew ma’ attività terroristika ma tkunx tista’ tikkonsulta ma’ avukat qabel jgħaddu 48 jew 72 siegħa..

L-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja ikun wettaq l-obbligi tiegħu meta jkun għamel dak kollu li jista’ sabiex tikkuntattja avukat.

  • Id-dritt li tibqa’ sieket/siekta

Inti ma tiġix infurmat b’dan id-dritt mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, madanakollu, inti għandek il-libertà li żżomm sieket/siekta u li ma tinkriminax lilek innifsek.

  • Id-dritt li titlob li l-konsulat tal-Istat taċ-ċittadinanza tiegħek ikun infurmat dwar l-arrest tiegħek

X’jiġri jekk jien ma naqbilx mal-mod kif ġew traskritti l-istqarrijiet tiegħi?

Tista’ tirrifjuta li tiffirma l-istqarrija bil-miktub.

X’jista’ jiġri wara l-arrest preventiv?

Il-prokuratur tar-Repubblika jew l-imħallef inkwerenti, skont il-każ, jista’ jtemm l-arrest fi kwalunkwe mument. Tista’ titħalla titlaq jew, jekk tkun imqiegħed/imqiegħda taħt arrest preventiv matul inkjesta ġudizzjarja, titressaq jew quddiem imħallef inkwerenti għall-ftuħ ta’ stħarriġ ġudizzjarju, jew quddiem qorti kriminali.

Jekk jinfetaħ stħarriġ ġudizzjarju, wara l-interrogatorju tal-ewwel dehra, tista’ tiġi interrogat/a jew tibbenefika minn stat ta’ xhud assistit. Jekk int tiġi interrogat/a, tista’ tingħata l-libertà kundizjonata jew tinżamm taħt arrest preventiv.

Jekk tidher quddiem Qorti Kriminali, din tista’ tiġġudika l-każ immedjatament, jekk dan ikun possibbli, kif ukoll tista’ tagħtik perjodu biex tipprepara d-difiża tiegħek fuq talba tiegħek. F’dan il-każ tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni tiegħek, jiġifieri jew titqiegħed taħt arrest preventiv jew tingħata l-libertà kondizzjonata.

Nintalab nagħti l-marki tas-swaba’, kampjuni tad-DNA jew likwidi oħra tal-ġisem? X’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Jekk int xhud jew persuna suspettata fi proċedura kriminali, tista’, wara awtorizzazzjoni mill-prokuratur tar-Repubblika, tkun soġġett għat-twettiq ta’ proċeduri ta’ teħid estern ta' kampjuni (partikolarment ta’ teħid tas-saliva għal skopijiet ta’ analiżi tal-identità tad-DNA tiegħek) u ta’ identifikazzjoni (partikolarment it-teħid tal-marki tas-swaba’, tal-pala tal-id jew ritratti tiegħek).

Tista’ tirrifjuta: madankollu, il-proċeduri msemmija jitwettqu f’kundizzjonijiet legali, u r-rifjut li tikkonforma mat-talbiet li jsirulek, f’ċerti każijiet huwa  reat kundannabbli b’piena ta’ sena (1) ħabs u multa ta’ EUR 15 000.

Nista’ nkun soġġett/a għal perkwiżizzjoni fuq il-ġisem?

Ġeneralment, l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jwettaq perkwżizzjoni tas-sigurtà fuq il-ġisem (taptip minimu fuq il-ħwejjeġ) bil-għan li jiġi żgurat li ma għandek l-ebda oġġett li jista’ jkun ta’ periklu għalik stess jew għal ħaddieħor.

Għal raġunijiet ta’ sigurtà jew għall-ħtiġijiet tal-investiazzjonijiet, l-uffiċjal tal-pulizija jista' jawtorizza li ssirperkwiżizzjoni fuq il-ġisem li tikkonsisti fit-tneħħija kompleta jew parzjali tal-ħwejjeġ. Jekk il-perkwiżizzjoni tkun interna, dan jista’ jsir biss minn tabib.

Dawn il-proċeduri jistgħu jsiru biss minn uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja tal-istess sess bħalek.

L-oġġetti kollha mneħħija jintraddu lura u jingħatawlek fi tmiem l-arrest tiegħek jekk tiġi lliberat.

Jistgħu jagħmlu perkwiżizzjoni f’dari, fil-post tax-xogħol tiegħi, fil-karozza tiegħi, eċċ.?

Tista’ ssir perkwiżizzjoni  biss bejn is-6:00 u d-21:00. Madanakollu, perkwiżizzjoni li tkun bdiet qabel id-21:00 tista’ tibqa’ għaddejja matul il-lejl.

Huma permessi xi derogi fil-każ ta' reati ta’ kriminalità organizzata, ta’ terroriżmu, ta’ prostituzzjoni u ta’ traffikar ta’ drogi, taħt il-kontroll ta’ maġistrat.

Il-perkwiżizzjoni tista’ ssir fir-residenzi kollha fejn jistgħu jinstabu oġġetti li jkunu utli biex tinkixef il-verità.

Tista’ tkun ir-residenza tiegħek jew dik ta’ persuna oħra li jista' jkollha xi oġġetti relatati mar-reat.

Residenza tfisser il-post fejn il-persuna għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha iżda wkoll il-post, kemm jekk tgħix fih jew le, fejn il-persuna għandha d-dritt tgħid li dik hi darha.

Għalhekk, id-diversi residenzi (kamra f’lukanda, pereżempju) u l-binjiet separati tagħhom huma kkunsidrati bħala residenzi.

Il-kunċett ta’ residenza jitħalla fid-diskrezzjoni tal-imħallef. Għaldaqstant, għalkemm bi prinċipju vettura ma titqisx bħala residenza, din tiġi titqies residenza jekk isservi bħala post fejn wieħed jgħix.

Nista’ nappella?

In-nuqqas ta’ rispett tal-formalitajiet imsemmija hawn fuq jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u jista’ jkun soġġett għal proċedura ta’ annullament tal-perkwiżizzjoni u għal sekwestri.

Informazzjoni ġudizzjarja : id-drittijiet tiegħi matul l-interrogazzjoni mal-ewwel dehra (2)

L-għan tas-seduta tal-ewwel dehra huwa li jkollok l-opportunità li titkellem dwar il-fatti li bihom inti tinsab mixli.

L-imħallef inkwerenti, wara li jikkonferma l-identità tiegħek, ifakkrek dwar il-fatti ppreżentati u l-kwalifika ġuridika tagħhom.

L-imħallef inkwerenti jinfurmak bid-drittijiet tiegħek:

  • Għandek id-dritt li jkollok interpretu awtorizzat,
  • Għandek id-dritt għall-assistenza ta’ avukat (magħżul jew appuntat).

Tista’ tippreżenta ruħek f’din l-udjenza assisit mill-avukat tiegħek u mbagħad isirlek l-eżami dak il-ħin. F’każ kuntrarju, l-imħallef inkwerenti jrid jinfurmak mill-ġdid dwar id-dritt tiegħek li tkun assistit, jekk ikun hemm bżonn minn avukat appuntat.

Jekk tagħżel li tkun assistit minn avukat, dan tal-aħħar jista’ jikkonsulta l-fajl u jkellmek dwaru taħt ċerti kundizzjonijiet.

Għandek id-dritt li tibqa’ sieket/siekta.

Jekk il-fatti li int akkużat bihom jikkostitwixxu delitt, tkun soġġett/a għal interrogatorju awdjoviżwali.

Nista’ nwieġeb ħati/ħatja qabel il-proċess għall-kapijiet kollha ta' akkuża jew għal uħud minnhom?

Tista’ tammetti l-fatti kollha jew inkella parti minnhom biss. Hija kwistjoni ta’ strateġija li jaqbillek tiddiskuti mal-avukat tiegħek.

Il-kapijiet tal-akkuża/tal-imputazzjoni jistgħu jiġu modifikati qabel il-proċess?

Matul l-investigazzjoni, li ssir biex jiġu stabbiliti fatti inkriminanti jew eżoneranti, il-fatti li jkollu quddiemu l-imħallef inkwerenti jistgħu jiġu mmodifikati fil-kwalifika ġuridika tagħhom (korrezzjoni, kriminalizzazzjoni).

Jekk, matul l-investigazzjoni, jiġu skoperti reati ġodda, fuq talba tal-prokuratur tar-Repubblika l-imħallef ikun jista’ jiġġudika fuq il-fatti l-ġodda.

Nista’ niġi akkużat b’reat li diġà ġejt ipproċessat għalih fi Stat Membru ieħor?

Jekk ġejt ipproċessat fi Stat Membru ieħor, iżda ma tkunx għadha ngħatat sentenza, tista’ tiġi interrogat dwar dawn il-fatti fit-territorju Franċiż.

Min-naħa l-oħra, jekk ikun hemm sentenza dwar dawn il-fatti fi Stat Membru ieħor, ma tistax, skont il-prinċipju non bis in idem (ma tistax tiġi ġġudikat darbtejn fuq l-istess fatti) tkun  ipproċessat u lanqas iġġudikat fi Franza.

Niġi infurmat dwar ix-xhieda li se jixhdu kontrija u bil-provi eżistenti kontrija?

Skont il-prinċipju tal-kontradittorju, l-elementi kollha tal-provi (xhieda, elementi materjali) għandhom jiġu kkomunikati lilek biex tħejji bl-aħjar mod id-difiża tiegħek u sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħek.

Dawn l-elementi jkunu jidhru fil-fajl li tista’ tikseb kopja tiegħu permezz tal-avukat bħala intermedjarju tiegħek wara awtorizzazzjoni mill-imħallef.

Int u l-avukat tiegħek ma tistgħux tgħaddu din l-informazzjoni lil persuni terzi għax tkunu qed tipperikolaw is-segretezza tal-investigazzjoni.

Niġi mistoqsi għal informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Huwa obbligatorju li fl-atti tal-proċess ikun hemm kopja tal-kondotta tiegħek.

Jien ċittadin ta’ pajjiż ieħor. Irrid inkun preżenti matul l-investigazzjoni?

Minħabba l-obbligi li jistgħu jiġu stabbiliti meta tingħata l-libertà kundizzjonata, ma tistax toħroġ mit-territorju Franċiż matul il-proċedura tal-investigazzjoni.

L-istat ta’ persuna interrogata u ta’ xhud assistit (3)

Meta jitlesta l-eżami tal-ewwel dehra, l-imħallef inkwerenti,  jinnotifikak bl-akkużi miġjuba kontrik, jew jagħtik l-istatus ta’ xhud assistit.

L-akkuża tfisser li kontrik hemm indizji gravi jew konsistenti li jimplikaw li inti kont kompliċi fit-twettiq ta’ reat. Inti tkun parti mill-proċess kriminali, li mhuwiex il-każ meta wieħed ikun xhud assistit.

Min-naħa l-oħra, l-istat ta’ xhud assistit ifisser li hemm xi provi iżda mhumiex biżżejjed biex ikunu ġustifikati l-akkużi miġjuba kontrik. Għalhekk, għalkemm ma tkunx parti mill-proċess kriminali, ix-xhud assistit xorta waħda jkollu aċċess għall-fajl, jibbenefika mid-drittijiet tad-difiża u jista’ jitlob it-twettiq ta’ ċertu numru ta’ atti lill-imħallef inkwerenti.

Dawn iż-żewġ stati jirriżultaw f'konsegwenzi differenti. Il-persuna interrogata biss tista’ tiġi rilaxxata, fuq deċiżjoni motivata tal-imħallef, bil-libertà kundizzjonata (u għaldaqstant, ma tkunx tista’ toħroġ mit-territorju) jew tinżamm taħt arrest preventiv u hi biss tkun tista’ titressaq quddiem qorti.

Imbagħad tkun tista’ titlob li tiġi liberata.

Jekk tibbenefika mill-istat ta’ xhud assistit, tista’ titlob, fi kwalunkwe mument tal-proċedura, li tingħata l-istat ta’ persuna interrogata.

X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-libertà kundizzjonata (contrôle judiciaire)?

Tista’ tingħata l-libertà kkundizjonata meta l-piena maħsuba tkun piena ta’ priġunerija jew piena aktar ħarxa.

Dan hu meħtieġ minħabba n-neċessitajiet tal-investigazzjoni (pereżempju biex jiġi evitat li  taħrab lejn pajjiż barrani) jew bħala miżura ta’ sigurtà (biex pereżempju jiġi evitat li tiltaqa’ mal-vittma). Il-parti l-kbira tal-miżuri meħuda meta tingħata l-libertà kundizzjonata għandhom l-għan li jipprevjenu li l-awtur tar-reat jaħrab.

Din il-miżura tista’ tintemm fi kwalunkwe mument, wara deċiżjoni tal-imħallef inkwerenti, fuq talba tal-prokuratur tar-Repubblika jew fuq talba tiegħek.

Jekk tagħmel din it-talba, l-imħallef inkwerenti jrid jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ħamest ijiem.

Jekk tiddeċiedi li tonqos mill-obbligi tal-libertà kundizzjonata, ikun hemm ir-riskju li titpoġġa taħt arrest preventiv.

Finalment, tista’ tikkontesta d-deċiżjoni li tingħatalek il-libertà kondizzjonata permezz ta’ appell quddiem ix-chambre de l’instruction.

X’inhuma l-kundizzjonijiet biex tinżamm taħt arrest preventiv?

Biex tinżamm taħt arrest preventiv, trid tkun prevista piena ta’ ċerta gravità: piena kriminali jew piena korrettiva ta’ tliet snin priġunerija jew iktar.

Trid tkun tikkostitwixxi l-uniku mod biex ikunu ppreservati l-prova jew l-indizji materjali neċessarji biex tinkixef il-verità, tiġi evitata pressjoni fuq ix-xhieda jew il-vittmi kif ukoll fuq il-familji tagħhom, jiġi evitat ftehim minn taħt kontra l-liġi bejn il-persuna investigata u l-koawturi jew il-kompliċi, tiġi protetta l-persuna investigata, int tiggarantixxi d-disponibbiltà tiegħek għall-ġustizzja, jintemm ir-reat jew jiġi evitat li jerġa’ jitwettaq, u f’każijiet kriminali, biex jintemm il-periklu eċċezzjonali u persistenti għall-ordni pubbliku li jirriżulta mill-gravità tar-reat.

Tista’ tikkontesta l-ordni ta’ arrest preventiv fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta tiġi notifikata, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula lill-kap gwardjan tal-ħabs li fih tkun qed tinżamm jew fir-reġistru tal-qorti li tkun tat din id-deċiżjoni.

L-għeluq tal-investigazzjoni (4)

L-investigazzjoni tingħalaq permezz ta’ ordni. Dawn l-ordnijiet jistgħu jkunu differenti.

Digriet li mhux ser jittieħdu passi ulterjuri

L-imħallef jista’ jagħti digriet li mhux ser jittieħdu passi ulterjuri għaliex ma hemmx biżżejjed provi miġjuba kontrik. Jista’ jkun totali jew parzjali.

Jekk jingħata digriet li mhux ser jittieħdu passi ulterjuri, l-imħallef inkwerenti jagħti digriet ta’ rinviju jew joħroġ att ta’ akkuża għall-parti l-oħra tal-fatti.

Jekk int tkun soġġett/a għal digriet li mhux ser jittieħdu passi ulterjuri totali u jekk taħt arrest preventiv, tinħeles u tingħata lura l-oġġetti sekwestrati.

Għandek il-possibbiltà li tiftaħ proċedura biex tingħata kumpens.

Madakollu oqgħod attent/a għax il-parte civile tista’ tappella kontra dan id-digriet fi żmien għaxart (10) ijiem minn mindu tkun innotifikata fir-reġistru tal-qorti li tkun tat id-deċiżjoni.

Id-digriet ta’ rinviju

Jekk l-imħallef jidhirlu li għandu akkużi suffiċjenti kontrik, jista’ jiddeċiedi li jressqek quddiem il-qorti.

Jekk  tkun ingħatajt il-libertà kundizzjonata jew tkun taħt arrest preventiv, dawn jintemmu permezz tad-digriet.

Madanakollu, permezz ta’ diġriet ġdid, b'motivazzjoni speċifika, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li jżomm dawn il-miżuri, iżda mhux għal iktar minn xahrejn. Jekk wara dan il-perjodu ma tkunx għadek dehert quddiem qorti kompetenti, int tiġi lliberat/a.

Permezz ta’ digriet immotivat li jistabbilixxi li hu impossibbli li tkun ġudikat/a fi żmien xahrejn, l-imħallef jista’, “f’każ eċċezzjonali” biss, jordna żewġ estensjonijiet ta’ xahrejn kull waħda. Jekk fi tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur, tkun għadek ma ġejtx iġġudikat/a, int tiġi lliberat/a.

M'hemmx appell minn dan id-digriet minbarra f’każ fejn int taħseb li l-fatti li ser jitressqu quddiem il-qorti kriminali jikkostitwixxu reat li għandu jkun soġġett għal ordni tal-att ta' akkuża quddiem il-Cour d’Assise. Dan il-mezz ta’ rikors huwa miftuħ ukoll għall-parte civile.

Id-diriet tal-akkuża

Dan jingħata mill-imħallef inkwerenti f’każijiet kriminali.

Jekk inti tkun ingħatajt il-libertà kkundizzjonata meta l-imħallef jagħti dan id-digriet, inti żżomm l-istat tiegħek.

Bħala persuna akkużata, għandek id-dritt li tappella minndan id-digriet.

Il-mandat ta’ arrest Ewropew (5)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa proċedura intiża li tieħu post il-proċedura ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri.

Hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-persuna mfittxija li kontriha trid tinfetaħ proċedura kriminali tiġi arrestata u tkun sottomessa minn Stat Membru ieħor jew inkella sabiex din il-persuna tiskonta piena jew miżura ta’ sigurtà li tirrestrinġi l-libertà.

Kull Stat Membru jista’ jadotta l-miżuri ta’ żamma neċessarji u proporzjonati kontra persuna mfittxija.

Meta l-persuna mfittxija tiġi arrestata, għandha d-dritt li tiġi infurmata dwar il-kontenut tal-mandat kif ukoll li tibbenefika mis-servizzi ta’ avukat u ta’ interpretu.

Fi kwalunkwe każ, l-awtorità ġudizzjarja eżekuttiva għandha d-dritt li tiddeċiedi li żżomm il-persuna f’detenzjoni jew li tħalliha fil-libertà taħt ċerti kundizzjonijiet.

Sakemm tittieħed deċiżjoni, l-awtorità ġudizzjarja eżekuttiva tipproċedi għas-smigħ tal-persuna kkonċernata. Aktar tard matul is-sittin ġurnata ta’ wara l-arrest, l-awtorità ġudizzjarja eżekuttiva trid tieħu deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Imbagħad, immedjatament tinnotifika lill-awtorità emittenti bid-deċiżjoni meħuda. Madanakollu, meta l-informazzjoni kkomunikata ma tkun biżżejjed, l-awtorità ġudizzjarja eżekuttiva tista’ titlob lill-awtorità emittenti biex tagħti xi informazzjoni addizzjonali.

Il-perjodu kollu ta’ detenzjoni relatat mal-mandat ta’ arrest Ewropew irid jitnaqqas miż-żmien totali impost li fih tkun miċħuda l-libertà li eventwalment.

It-tħejjija tal-proċess mid-difiża (6)

Ir-relazzjoni mal-avukat tiegħek hi bbażata fuq relazzjoni ta’ kunfidenzjalità reċiproka – din hija l-persuna li inti tista’ tafda. Għaldaqstant, huwa marbut bis-sigriet professjonali.

Għalhekk, staqsih il-mistoqsijiet kollha li jkunu qed iħassbuk u staqsih biex jispjegalek id-dettalji kollha sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ fehim.

Matul l-ewwel laqgħa miegħu, agħtih id-dokumenti u l-informazzjoni kollha marbuta mal-każ tiegħek sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħek fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli.

Iddiskuti l-mistoqsijiet li jiġuk f’rasek, l-aktar dawk li jikkonċernaw l-andament tal-proċedura, l-istrateġija li għandha tiġi adottata rigward l-għażla tal-proċedura jew anki t-tip ta’ mistoqsijiet li aktarx li se tkun mistoqsi mill-maġistrati responsabbli mill-fajl tiegħek.

Taħsibhiex darbtejn biex tistaqsih dwar l-eżitu tal-proċedura, il-pieni li tista’ tingħata u dwar kif dawn jistgħu jingħataw.

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.