Imputati (proċeduri kriminali)

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Kif jiġu ttrattati r-reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Il-piena komuni għal reati minuri tat-traffiku fit-triq hija multa fissa. Din tista’ tiġi imposta għal reati fejn l-iktar piena iebsa tkun multa jew massimu ta' sitt xhur priġunerija. Id-daqs ta’ multa fissa jista’ tkun ta’ EUR 10-115. Multa fissa tista’ tiġi imposta minn uffiċjali tal-pulizija, minn Gwardjan tal-Fruntiera jew minn uffiċjal tad-Dwana.

Jekk inti ma taċċettax il-multa fissa imposta fuqek, inti għandek id-dritt li tieħu l-kwistjoni quddiem il-Qorti Distrettwali. Inti trid tinforma lir-Reġistru tal-Qorti Distrettwali bil-post fejn sar ir-reat u trid tagħmel dan fi żmien ġimgħa mid-data meta rċevejt in-notifika tal-multa fissa. Inti ma tistax tappella kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali dwar il-multa fissa.

Jekk ma tkunx tista’ tingħata multa fissa għar-reat tat-traffiku inkwistjoni, il-pulizija jistgħu wkoll joħorġu ordni penali sommarja u jibagħtuha lill-prosekutur biex jikkonfermaha. F’dan il-każ, il-multa ma tkunx fissa. Il-piena tiġi ddeterminata bħala unitajiet ta' multa. Inti għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ordni penali sommarja. Inti tagħmel dan billi tinnotifika l-oġġezzjoni tiegħek lill-prosekutur.

Jekk inti toġġezzjona għall-ordni penali sommarja u l-prosekutur jiddeċiedi li jipproċedi kontra tiegħek, il-Qorti Distrettwali se tittratta l-kwistjoni bħala kwistjoni kriminali normali. F’dan il-każ, inti wkoll għandek id-dritt li tappella bħal fi kwistjoni kriminali normali (ara l-Iskeda Informattiva 4).

Il-multi fissi u s-sentenzi penali sommarji li jinħarġu għar-reati tat-traffiku jistgħu jiġu infurzati fi Stat Membru ieħor ukoll.

Jekk inti tikser ir-regoli dwar il-waqfien u l-ipparkjar ta’ vettura, ikollok tħallas ċitazzjoni. Iċ-ċitazzjoni tista’ tinħareġ mill-pulizija jew minn gwardjan muniċipali tat-traffiku. Is-somma fuq iċ-ċitazzjoni tvarja bejn EUR 10 u EUR 50, jiddependi mil-lokalità. F’Ħelsinki, pereżempju, il-ħlas huwa ta’ EUR 50 fiċ-ċentru tal-belt u ta’ EUR 40 f’żoni oħrajn.

Inti għandek id-dritt li toġġezzjona għal ċitazzjoni. F’dak il-każ, inti trid tippreżenta l-oġġezzjoni tiegħek fl-uffiċċju tal-gwardjani tat-traffiku fi żmien ġimgħatejn mid-data meta tkun saret it-talba għall-ħlas. Jekk l-uffiċċju tal-gwardjani tat-traffiku jaċċetta l-oġġezzjoni tiegħek, huwa jirtira t-talba għall-ħlas. Jekk l-oġġezzjoni ma tiġix aċċettata, inti għandek id-dritt li tressaq ilment dwar il-ħlas quddiem il-Qorti Amministrattiva. Inti trid tagħmel dan fi żmien 30 jum mid-data meta tkun ġejt innotifikat bid-deċiżjoni negattiva. Id-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva hija finali.

Ċitazzjoni ma tistax tiġi infurzata fi Stat Membru ieħor għaliex hija kkunsidrata bħala sanzjoni amministrattiva.

Reati bħal dawn jitniżżlu fil-kondotta?

Il-multi ma jitniżżlux fil-kondotta. Għalhekk, jekk tingħata multa fissa jew sentenza penali sommarja, l-ebda waħda mhija se titniżżel fil-kondotta tiegħek. Ċitazzjoni mhix multa, hija sanzjoni amministrattiva, u b’hekk lanqas din ma titniżżel fil-kondotta.

Links relatati

Sorveljanza awtomatika tal-veloċità

L-aħħar aġġornament: 30/06/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna