Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Nista’ nappella?

Inti għandek id-dritt li tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali. B’mod ġenerali, jekk inti trid tappella kontra d-deċiżjonijiet li tkun ħadet il-Qorti Distrettwali waqt is-smigħ (bħal li ma tismax xi xhud), inti tista’ tagħmel dan biss meta tappella kontra s-sentenza.

Jekk inti tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Appell kontra deċiżjoni ta’ Qorti Distrettwali, il-perjodu tal-appell huwa ta’ 30 jum. Inti għandek sebat ijiem sabiex tinforma lill-Qorti Distrettwali li inti ma intix sodisfatt bid-deċiżjoni u li biħsiebek tappella. L-appell irid isir bil-miktub; irid ikun indirizzat lill-Qorti tal-Appell u jrid jitressaq quddiem il-Qorti Distrettwali li tkun ddeċidiet il-kwistjoni.

Inti tista’ tappella kontra d-deċiżjoni għaliex tħoss li l-qorti ma evalwatx il-provi b’mod korrett u/jew għaliex taħseb li l-qorti interpretat il-liġi ħażin. Il-kontropartijiet, jiġifieri, il-prosekutur u l-partijiet leżi (jekk ikun hemm) għandhom l-istess dritt li jappellaw bħalek.

X’jiġri jekk nappella?

Jekk inti tappella, is-sentenza tiegħek ma tiġix eżegwita, sakemm il-qorti ma tordnax li tiġi eżegwita. Jekk il-qorti tordna li inti għandek tinżamm taħt arrest jew li trid tkompli tinżamm taħt arrest, inti tista’ tagħmel appell straordinarju kontra din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Appell tikkunsidra l-kwistjoni taż-żamma taħt arrest bħala każ urġenti u separat mill-kwistjoni prinċipali.

Jekk inti tkun il-ħabs meta tressaq l-appell u jekk titlob li tiġi lliberat, il-Qorti tal-Appell tista’ tordna li inti tiġi lliberat biex tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell dwar il-kwistjoni prinċipali.

Iż-żmien li tieħu l-Qorti tal-Appell biex tipproċessa l-appell tiegħek ivarja. Jekk inti qed tinżamm taħt arrest, l-appell tiegħek ġeneralment jiġi pproċessat iktar malajr. Jekk inti ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-provi, il-Qorti tal-Appell ġeneralment trid tagħmel arranġamenti għal smigħ prinċipali u l-provi jerġgħu jinstemgħu. Minħabba f’hekk il-proċedura tieħu iktar fit-tul. Ikun xi jkun il-każ, il-Qrati tal-Appell jieħdu diversi xhur sabiex jipproċessaw l-appelli.

Jekk il-kontropartijiet ma jkunux ħabbru li huma mhumiex sodisfatti bid-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali u inti tiddeċiedi li tappella, ma hemmx għalfejn li huma jħabbru n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħhom, imma xorta jistgħu jagħmlu kontroappell fi żmien 14-il jum mid-data meta ntemm il-perjodu oriġinali tal-appell. Fil-kontroappell, huma jistgħu, pereżempju, jitolbu li jiżdiedu s-sentenza jew il-kumpens. Jekk inti tirrevoka l-appell tiegħek, kwalunkwe kontroappell jaqa’.

Inti tista’ tippreżenta provi ġodda jew issemmi xhieda ġodda sabiex issostni l-appell tiegħek. Huwa permess li tippreżenta provi ġodda waqt proċedura kirminali, anki waqt is-smigħ prinċipali quddiem il-Qorti tal-Appell.

X’jiġri waqt il-proċedura tal-appell?

Wara li tkun ippreżentajt l-appell, dan jintbagħat lill-kontropartijiet – jiġifieri lill-prosekutur u lill-partijiet leżi – għal finjiet ta’ informazzjoni. Il-kontropartiijet jintalbu iwieġbu għall-appell sa data partikolari. Jekk il-kontropartijiet ikunu appellaw, l-appelli tagħhom ukoll jintbagħtu lilek għal finijiet ta’ informazzjoni.

Wara l-fażi tal-appell bil-miktub, il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi jekk huwiex se jkun hemm smigħ prinċipali, Irid ikun hemm smigħ prinċipali jekk waħda mill-partijiet titolbu, u jekk id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tkun tiddependi fuq jekk il-Qorti Distrettwali evalwatx il-kredibbiltà tax-xhieda orali b’mod korrett.

Il-qorti tista’ wkoll teżamina bir-reqqa l-appell tiegħek jekk ma jkunx meħtieġ smigħ prinċipali u tliet membri tal-Qorti tal-Appell ikunu konvinti li d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali kienet korretta. F’dak il-każ, l-appell tiegħek ma jiġix eżaminat ulterjorment u d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali tkun finali.

X’jiġri jekk l-appell jirnexxi jew ma jirnexxix?

Il-Qorti tal-Appell teżamina l-korrettezza tad-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali sa fejn dan ikun intalab. Jekk inti tħoss li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell hija kompletament żbaljata, ir-riżultat tal-appell tiegħek jista’ jkun li l-Qorti tal-Appell tiċħad il-kapi ta' akkuża kollha u t-talbiet kollha għal kumpens. Il-Qorti tal-Appell tista’ anki tilqa’ parti mill-appell tiegħek. Pereżempju, il-Qorti tal-Appell tista’ anki tikkunsidra li inti ħati imma tista’ tnaqqas is-sentenza tiegħek.

Jekk l-appell tiegħek jiġi miċħud, ġeneralment ikollok tħallas l-ispejjeż sabiex jiġu ppreżentati l-provi li kellu jħallas l-Istat, kif ukoll l-ispejjeż legali tal-partijiet leżi. Jekk jintlaqa’ biss parti mill-appell tiegħek, huwa possibbli li inti ma jkollokx tħallas dawn l-ispejjeż. Jekk l-appell tiegħek jirnexxi, inti tista’ anki tirċievi kumpens għall-ispejjeż legali tiegħek, sakemm ma jħallashomx l-Istat.

Jekk il-kapi ta' akkuża jiġu miċħuda minħabba l-appell tiegħek u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tibqa’ finali, kwalunkwe entrata rilevanti se titneħħa mill-kondotta tiegħek.

Il-partijiet kollha fil-kawża fil-qorti għandhom id-dritt li jappellaw kontra deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell billi jagħmlu talba għal permess għal appell lill-Qorti Suprema. Huwa ferm rari li jingħata permess għal appell f’kawżi kriminali. Fil-prattika, biex jingħata permess għal appell, il-kawża tiegħek irid ikollha valur biex isservi ta' preċedent. Dan ifisser li jrid ikollha importanza iktar ġenerali. Permess għal appell kważi qatt ma jingħata sempliċement għaliex min iressqu jħoss li l-Qorti tal-Appell tkun evalwat il-provi b’mod mhux korrett.

Jekk jingħata permess għal appell, il-Qorti Suprema terġa’ tirrivedi l-kawża tiegħek b’mod sħiħ jew sa fejn jippermetti l-permess għal appell (bħad-determinazzjoni tas-sentenza). Ġeneralment, is-smigħ tal-Qorti Suprema jkun bil-miktub. Is-sentenza tkun finali meta l-Qorti Suprema tiddeċiedi li ma tagħtix permess għal appell jew meta tagħti l-permess u toħroġ sentenza. Jekk ħadd ma jappella kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali jew tal-Qorti tal-Appell, id-deċiżjoni ssir finali mhux iktar tard minn meta jintemm il-perjodu tal-appell. Meta d-deċiżjoni ssir finali, dak ikun il-mument aħħari meta tiġi eżegwita.

Jiena ġej minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura hemmhekk wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk inti tiġi kkundannat, l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw li jħalluk tidħol il-Finlandja jew tista’ titkeċċa lejn Stat Membru ieħor. Dan jista’ jsir jekk l-awtoritajiet iħossu li inti periklu għall-ordni ġenerali jew għas-sigurtà ġenerali. Fil-prattika, inti ma intix se titkeċċa mill-pajjiż sakemm ma tkunx ġejt ikkundannat għal delitt pjuttost serju. Is-sempliċi fatt li inti ħati ta’ delitt ma jistax jintuża bħala raġuni sabiex titkeċċa.

Is-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż se jieħu d-deċiżjoni jekk titkeċċiex mill-pajjiż. Fl-istess ħin, huwa jista’ jipprojbixxi li inti tidħol fil-pajjiż għal perjodu massimu ta' 15-il sena. Inti tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva.

Il-kapi ta' akkuża ma jitniżżlux fil-kondotta. Jekk inti tiġi kkundannat, is-sentenzi li ġejjin jitniżżlu fil-kondotta tiegħek:

  • prinġunerija bla kundizzjonijiet jew sospiża,
  • priġunerija sospiża flimkien ma’ multa, servizz fil-komunità jew superviżjoni,
  • servizz fil-komunità minflok priġunerija bla kundizzjonijiet,
  • piena għal minorenni jew multa minflok piena għal minorenni,
  • tkeċċija minn pożizzjoni bħala impjegat taċ-Ċivil, jew
  • rinunzja għas-sentenza minħabba irresponsabbiltà kriminali.

 

Il-kondotti jinżammu miċ-Ċentru tar-Reġistru Legali. L-informazzjoni mhijiex pubblika imma l-awtoritajiet jistgħu jikkonsultawha skont il-kundizzjonijiet speċifikati mil-liġi. Barra minn hekk, l-informazzjoni tista’ tintbagħat ukoll barra miż-żona tal-UE/tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ fuq il-bażi tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali.

Entrata fil-Kondotta titneħħa wara perjodu fiss mid-data oriġinali ta’ deċiżjoni li tkun saret finali. L-entrati li ma jikkonċernawx priġunerija bla kundizzjonijiet jitneħħew wara ħames snin. L-entrati li jikkonċernaw priġunerija bla kundizzjonjiet ta’ mhux iktar minn sentejn u servizz fil-komunità jitneħħew wara għaxar snin. L-entrati li jikkonċernaw priġunerija bla kundizzjonjiet ta’ sentejn sa għaxar snin jitneħħew wara 20 sena. L-entrati li jikkonċernaw priġunerija ta’ iktar minn ħames snin jtneħħew meta l-persuna tmut jew meta tagħlaq id-90 sena.

Inti ma tistax toġġezzjona għaż-żamma ta' informazzjoni fil-kondotta. Madankollu, b’ċerti restrizzjonijiet, inti għandek id-dritt li tikkontrolla liema informazzjoni titniżżel fil-kondotta tiegħek.

Links relatati

L-Att dwar il-Proċedura Kriminali, u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Il-Kodiċi Kriminali u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Il-Kondotta u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

L-Aġenzija tas-Sanzjonijiet Kriminali u bl-Isvediż

Il-kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet f'Qorti tal-Appell and bl-Isvediż

L-aħħar aġġornament: 15/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.