Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

X’inhu l-iskop ta’ investigazzjoni kriminali?

Il-pulizija għandhom id-dmir li jibdew investigazzjoni kriminali jekk ikun hemm raġuni sabiex jissuspettaw li twettaq delitt. Il-pulizija jistgħu jisimgħu bis-suspett mingħand il-vittma tad-delitt. Il-pulizija jistgħu anki jiskopru xi delitti suspettati b’modi oħrajn, u mbagħad iridu jibdew investigazzjoni (pereżempju, il-pulizija stess jistgħu jinnotaw li qed jitwettaq delitt).

X’inhuma l-fażijiet ta’ investigazzjoni?

L-investigazzjoni kriminali tipprova tikseb informazzjoni dwar id-delitt li twettaq u dwar il-persuni li huma involuti fih, u tipprova tiġbor il-provi li jkunu meħtieġa waqt il-kunsiderazzjoni tal-kapi ta' akkuża u iktar tard waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. L-investigazzjoni kriminali titwettaq mill-pulizija jew, f’uħud mill-każijiet, mill-Gwardjani tal-Fruntiera Finlandiżi, mill-militar jew mid-Dwana Finlandiża. F’dawn l-iskedi informattivi kollha, it-terminu “pulizija” jirreferi għall-awtoritajiet kollha li jistgħu jwettqu l-investigazzjoni.

L-interrogazzjoni

Il-pulizija jistgħu jsejħulek biex tmur l-għassa ħalli jinterrogawk. Il-pulizija jistgħu anki jċemplulek u jagħmlulek mistoqsijiet minn fuq it-telefon. L-iskop tal-interrogazzjoni huwa li jiskopru jekk hemmx raġuni biex jissuspettaw li twettaq delitt u li kont inti li wettaqtu.

L-arrest

Inti trid tobdi jekk isejħulek biex jinterrogawk, u jekk ma tagħmilx dan, il-pulizija jistgħu jiġu għalik biex jeħduk għall-interrogazzjoni. Barra minn hekk, f’dak il-każ, il-pulizija tista’ tarrestak.

L-ewwel smigħ fil-qorti

Jekk il-pulizija jagħmlu talba għal ordni biex inti tinżamm taħt arrest, is-smigħ taż-żamma taħt arrest irid isir fi żmien erbat ijiem wara li tinqabad. Fil-qorti jsir smigħ għal żamma taħt arrest u l-qorti tiddeċiedi jekk inti għandekx tinżamm taħt arrest jew għandekx tiġi lliberat. Jekk inti tinżamm taħt arrest, il-qorti toħroġ ordni wkoll dwar l-aħħar data sa meta jistgħu jiġu ppreżentati l-kapi ta' akkuża.

Jekk il-pulizija ma tagħmilx talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest, l-ewwel smigħ fil-qorti fil-każ tiegħek jista’ jkun is-smigħ prinċipali effettiv fil-qorti.

Qabel is-smigħ prinċipali, il-kunsiderazzjoni tal-kapi ta' akkuża mill-prosekutur

Qabel is-smigħ prinċipali, il-pulizija se jwettqu l-investigazzjoni kriminali u jiġbru l-materjal kollu li jkunu akkumulaw f'fajl tal-investigazzjoni kriminali. il-fajl tal-investigazzjoni kriminali jmur għand il-prosekutur. Il-prosekutur imbagħad jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet probabbli biex ikun hemm is-suspett li twettaq delitt u li kont inti li wettaqtu.

Il-pulizija jridu jinformaw lilek u lill-avukat tiegħek bil-progress tal-investigazzjoni kriminali u bil-provi li jkunu sabu dwar il-ħtija tiegħek fir-rigward tad-delitt. Tista’ anki tiġbor il-provi li jeżonerawk inti stess jew bl-għajnuna tal-avukat tiegħek, u titlob li dawn jiġu inklużi fil-materjal tal-investigazzjoni kriminali.

Qabel is-smigħ prinċipali effettiv inti tista’ tiġi interrogat diversi drabi. Jista’ wkoll ikun hemm diversi seduti ta’ smigħ ta’ żamma taħt arrest.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek matul il-fażijiet tal-investigazzjoni.

L-interrogazzjoni (1)

Għaliex il-pulizija jistgħu jkunu jridu jinterrogawni?

Jekk il-pulizija jissuspettaw li inti taf xi ħaġa dwar allegat delitt, huma jistgħu jinterrogawk. L-iskop tal-interrogazzjoni huwa li jiġbru informazzjoni dwar l-allegat delitt u dwar il-persuna li wettqitu. Inti tista’ tiġi interrogat anki għaliex il-pulizija jkunu jridu jiskopru x’kien il-benefiċċju tad-delitt, anki jekk inti ma tkunx issuspettat li wettaqtu.

X’se jingħad lili dwar id-drittijiet tiegħi?

Il-pulizija jridu jinformawk bil-pożizzjoni tiegħek fl-interrogazzjoni (vittma/persuna suspettata/xhud) mill-iktar fis possibbli u mill-inqas qabel ma tibda l-interrogazzjoni. Ġeneralment, inti għandek id-dritt li jkollok avukat miegħek waqt l-interrogazzjoni jekk tkun vittma jew persuna suspettata. Jekk inti qed tiġi interrogat bħala persuna suspettata, il-pulizija jridu jgħidulek ukoll ta’ xiex inti suspettat.

Jekk il-pulizija qabduk għaliex jissuspettaw li inti wettaqt delitt jew arrestawk jew żammewk taħt arrest, il-pulizija jridu jgħidulek minnufih dwar id-dritt tiegħek li jkollok avukat. Ġeneralment, ma inti obbligat twieġeb l-ebda mistoqsija qabel mal-avukat tiegħek ikun preżenti, jekk inti titlob avukat. Madankollu, dejjem trid tagħti d-dettalji personali korretti tiegħek lil min ikun qed jinterrogak, anki jekk l-avukat tiegħek ma jkunx preżenti.

Il-pulizija għandhom id-dmir li jittrattawk bil-kalma u b’mod razzjonali waqt l-interrogazzjoni. Il-pulizija ma jistgħux jagħtu xjentement dikjarazzjonijiet foloz, jagħmlu wegħdiet jew jivvintaw xi benefiċċju speċjali, jew jgħajju, jheddu jew jisforzaw lill-persuna li qed tiġi interrogata jew jużaw kwalunkwe mezz jew metodu mhux xieraq ieħor sabiex jinfluwenzaw ir-rieda, il-memorja, il-ġudizzju jew il-libertà li tiddeċiedi tal-persuna ħalli jakkwistaw stqarrija ta’ ħtija jew jinfluwenzaw it-tip ta’ dikjarazzjoni mogħtija.

X’jiġri jekk jiena ma nitkellimx il-lingwa tal-post?

Jekk inti ma titkellimx bil-Finlandiż jew bl-Isvediż, il-pulizija se jagħmlu arranġamenti sabiex ikun hemm interpretu li jassistik waqt l-interrogazzjoni. Għal iktar informazzjoni dwar id-drittiijet lingwistiċi tiegħek ara Id-drittijiet lingwistiċi (6). Uħud mill-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jużaw l-Ingliż waqt l-interrogazzjoni. Ma intix se tintalab tħallas għall-interpretu. L-interpretu jrid jittraduċi l-mistoqsijiet tal-pulizija u t-tweġibiet tiegħek.

Barra minn hekk, fi tmiem l-interrogazzjoni, inti u l-interpretu tiegħek għandkom tiflu l-verbal tal-eżami flimkien, u inti tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-pulizija jekk dawn ikunu rreġistraw xi ħaġa b’mod inkorrett. Huwa ferm importanti li inti tifli l-verbal mal-interpretu għaliex il-kontenut tiegħu jista’ jintuża kontra tiegħek waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Jista' jkolli avukat?

Bħala regola, inti dejjem għandek id-dritt li jkollok avukat waqt l-interrogazzjoni, irrispettivament minn jekk ġejtx arrestat jew le. Ġeneralment, ma inti obbligat twieġeb l-ebda mistoqsija qabel ma jkun preżenti l-avukat tiegħek. Jekk inti teħtieġ interpretu, tista’ anki tuża wieħed meta tkun qed titkellem mal-avukat tiegħek.

Jekk inti taf b’avukat li tixtieq tuża, inti tista’ titlob lill-pulizija sabiex jikkuntattjawh. Jekk ma taf bl-ebda avukat, il-pulizija jistgħu jsibulek wieħed. Il-pulizija jistgħu anki jagħtuk lista ta’ avukati li ta’ spiss jittrattaw kawżi kriminali jew jistgħu jagħtuk lista ta’ avukati li jkunu membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża. B’hekk tkun tista’ tagħżel avukat inti stess, u l-pulizija jikkuntattjawh.

Bilfors irrid inwieġeb il-mistoqsijiet tal-pulizija?

Inti dejjem trid tagħti lill-pulizija d-dettalji personali korretti tiegħek. Imbagħad ma int obbligat twieġeb l-ebda mistoqsija oħra. Jekk inti taf xi ħaġa li tista’ tgħin biex jissolva d-delitt u li tneħħi s-suspetti fil-konfront tiegħek, jista’ jkun pass għaqli li inti twieġeb il-mistoqsijiet. Inti għandek titkellem mal-avukat tiegħek dwar jekk għandekx twieġeb il-mistoqsijiet jew le.

Il-pulizija jridu wkoll jimxu mal-liġi fir-rigward tal-ħinijiet meta tiġi permessa interrogazzjoni. Bħala regola, is-sessjonijiet tal-interrogazzjoni ma jistgħux isiru bejn l-għaxra ta’ bil-lejl u s-sebgħa ta’ filgħodu. Għal iktar informazzjoni dwar meta tiġi permessa l-interrogazzjoni, ara hawnhekk.

Il-pulizija jistgħu jagħmlu perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi (body search) u jeħduli l-marki tas-swaba’?

Jekk qed jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt, il-pulizija għandhom id-dritt li jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek. Il-pulizija għandhom id-dritt li jwettqu perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek – jiġifieri, li jikkontrollaw x’għandek fl-ilbies tiegħek jew b’xi mod ieħor fuqek – jekk qed jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt li s-sentenza massima għalih hija ta’ iktar minn sitt xhur priġunerija jew jekk l-allegat delitt huwa delitt li jissemma fl-Artikolu 10 tal-Kapitolu 5 tal-Att dwar il-Miżuri ta’ Impożizzjoni.

Il-pulizija għandhom id-dritt li jwettqu perkwiżizzjoni fuq il-persuna, inkluż li jieħdu kampjun tad-demm jew li jwettqu eżami ieħor tal-persuna tiegħek, jekk qed jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt li għalih is-sentenza massima hija ta’ iktar minn sitt xhur priġunerija jew jekk id-delitt huwa wieħed li jissemma fl-Artikolu 11 tal-Kapitolu 5 tal-Att dwar il-Miżuri ta’ Impożizzjoni. Fil-prattika, delitti ordinarji, bħal serqa, attakk aggravat u reati li jinvolvu drogi narkotiċi huma delitti fejn tista’ titwettaq perkwiżizzjoni fuq il-persuna; dan jista’ jfisser li jittieħed kampjun tad-DNA.

L-arrest (2)

Għaliex il-pulizija jistgħu jarrestawni?

L-iskop ta’ arrest huwa li tiġi salvagwardjata l-investigazzjoni kriminali. Il-pulizija jistgħu jarrestawk jekk jissuspettaw li inti wettaqt delitt serju, li s-sentenza minima għalih hija ta’ sentejn priġunerija. F’dan il-każ, ma jeħtieġu l-ebda raġuni oħra biex jarrestawk ħlief suspett suffiċjentement serju li inti wettaqt id-delitt.

Jekk il-pulizija jissuspettaw li inti wettaqt delitt inqas serju, bħal attakk aggravat jew serqa, huma jistgħu jarrestawk jekk, minbarra l-allegat delitt, għandhom raġuni biex jissuspettaw li inti tista’:

  • taħrab jew b’xi mod ieħor tevita l-investigazzjoni,
  • tagħmel iktar diffiċli l-investigazzjoni tal-kwistjoni, jew
  • tkompli twettaq iktar delitti.

Barra minn hekk, il-pulizija jistgħu jarrestawk jekk ma jkunux jafu l-identità tiegħek u inti tirrifjuta li tgħidilhom x’jismek jew fejn toqgħod, jew tagħtihom isem jew indirizz li huwa ovvju li jkunu foloz. Jekk inti ma jkollokx residenza permanenti fil-Finlandja u huwa probabbli li inti tista’ titlaq mill-pajjiż sabiex tevita l-investigazzjoni, il-proċess quddiem il-qorti kriminali jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza, il-pulizija jistgħu jarrestawk ukoll.

Impjegat taċ-Ċivil li għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar l-arresti jiddeċiedi dwar l-arrest tiegħek, mingħajr ma tkun meħtieġa ordni tal-qorti. L-impjegati taċ-Ċivil li jistgħu jiddeċiedu dwar l-arresti jinkludu uffiċjali tal-pulizija bi grad għoli, il-prosekutur pubbliku u Uffiċjali tad-Dwana u tal-Gwardjani tal-Fruntiera bi grad għoli. L-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 tal-Att dwar il-Miżuri ta’ Impożizzjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet legali dwar l-impjegati taċ-Ċivil li għandhom id-dritt li jagħmlu l-arresti.

X’se jingħad lili dwar l-arrest tiegħi?

Il-pulizja jridu jgħidulek għaliex ġejt arrestat malli tiġi ddikjarat arrestat jew maqbud fuq il-baż ta’ mandat ta’ arrest. Huma jridu wkoll jinformaw lil membru tal-familja tiegħek jew lil persuna oħra qrib tiegħek bl-arrest jekk inti titlobhom jagħmlu dan, sakemm dan ma jikkawżax diffikultajiet għall-investigazzjoni.

Jiena ma nitkellimx il-lingwa tal-post. Għandi dritt għal interpretu?

Jekk inti ma titkellimx bil-Finlandiż jew bl-Isvediż, il-pulizija se jagħmlu arranġamenti biex ikollok interpretu. Għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet lingwistiċi tiegħek, ara Id-drittijiet lingwistiċi (6). Xi drabi l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu anki jwettqu l-interrogazzjoni tagħhom bl-Ingliż, jekk kemm inti kif ukoll l-uffiċjal tal-pulizija li qed jinterrogak taħsbu li jirnexxilkom tiftiehmu bl-Ingliż. Ma inti obbligat twieġeb l-ebda mistoqsija qabel ma jkun preżenti l-interpretu.

Nista’ niltaqa’ mal-avukat tiegħi?

Inti dejjem għandek id-dritt li tiltaqa’ mal-avukat tiegħek meta tkun ġejt arrestat. Fuq talba tiegħek, jinħatarlek ukoll avukat difensur. L-Istat iħallas id-drittijiet tal-avukat difensur. Tista’ tagħżel l-avukat tiegħek inti stess, imma l-avukat li tagħżel irid ikollu lawrja fil-liġi.

Inti għandek id-dritt li titkellem mal-avukat tiegħek mingħajr mal-pulizija jkunu preżenti, u ma jistgħux joqogħdu jissemmgħu jew jirrekordjaw it-taħdita tagħkom. Jekk inti teħtieġ interpretu, dan jista’ jkun preżenti wkoll meta tkun qed titkellem mal-avukat tiegħek.

Bilfors irrid inwieġeb il-mistoqsijiet tal-pulizija?

Ma inti obbligat twieġeb l-ebda mistoqsija li jagħmlulek il-pulizija, ħlief biex tagħti d-dettalji personali tiegħek. Xi drabi jkun fl-interess tiegħek li inti twieġeb il-mistoqsijiet għaliex dan jista’ jgħin sabiex jiġi ċċarat dak li ġara u s-suspetti fil-konfront tiegħek jistgħu jonqsu. Meta l-qorti tirifletti fuq il-ħtija tiegħek, hija tista’ tikkunsidra li inti ma weġibtx il-mistoqsijiet. Madankollu, il-fatt waħdu li inti ma tweġibx il-mistoqsijiet qatt mhuwa raġuni suffiċjenti sabiex inti tiġi kkundannat.

X’jiġri jekk ngħid xi affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-każ tiegħi?

Huwa d-dritt fundamentali tiegħek li ma intix obbligat tagħti għajnuna sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tiegħek. Dan ifisser li inti ma għandek l-ebda dmir li tgħid affarijiet li jsostnu l-ħtija tiegħek.

Madankollu, jekk tiddeċiedi li titkellem biss fil-qorti, inti trid tkun ippreparat biex tispjega għaliex ma għidt xejn qabel. Il-qorti għandha d-dritt li żżomm quddiem għajnejha li inti għidt li kont xi imkien ieħor meta seħħ id-delitt biss fis-sede tal-proċess quddiemha. Dan jista’ jagħmel ħsara lill-kredibbiltà tal-istorja tiegħek.

Jekk inti ssemmi affarijiet waqt l-interrogazzjoni li iktar tard jirriżulta li jagħmlu ħsara lill-każ tiegħek, l-istorja tiegħek tista’ tintuża kontra tiegħek. Jekk inti, fis-sede tal-proċess quddiem il-qorti kriminali, tgħid storja differenti minn dik li tkun għidt waqt l-interrogazzjoni, inti trid tkun tista’ tispjega għaliex, inkella l-qorti tista’ taħseb li l-istorja tiegħek mhjiex kredibbli.

Nista’ nikkuntattja lill-membri tal-familja tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tkun f’kuntatt ma’ dawk li jiġu minnek, bħall-qraba ta’ ġewwa, sakemm il-pulizija ma jkollhomx raġuni serja biex jirrestrinġu l-kuntatti tiegħek. Il-pulizija jridu wkoll jinformaw minnufih lil dawk li jiġu minnek bl-arrest tiegħek, sakemm dan ma jikkawżax diffikultajiet għall-investigazzjoni.

Jiena ġej minn Stat Membru ieħor. Nista’ nikkuntattja lill-ambaxxata tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tikkuntattja lill-ambaxxata tiegħek, sakemm il-pulizija ma jkollhomx raġuni serja sabiex jirrestrinġu l-kuntatti tiegħek. B’mod ġenerali, l-ambaxxata tiġi informata mhux iktar tard minn meta l-pulizija jagħmlu talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest għalik.

Il-pulizija jistgħu jeħduli l-marki tas-swaba’? Il-kampjun tad-DNA tiegħi jista’ jiġi rreġistrat?

B’mod ġenerali, jekk inti ġejt arrestat, il-pulizija dejjem jistgħu jeħdulek il-marki tas-swaba’ u jirreġistraw id-DNA tiegħek.

Il-pulizija jistgħu jwettqu perkwiżizzjoni personali fuqi?

Il-pulizija jistgħu jordnaw li titwettaq perkwiżizzjoni fuqek. Il-perkwiżizzjoni tista’ tkun waħda personali sabiex isiru jafu x’għandek fl-ilbies tiegħek jew b’xi mod ieħor fuqek, jew perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek (body search), li tinkludi perkwiżizzjoni tal-persuna tiegħek, fejn jieħdu kampjun tad-demm jew jagħmlu xi eżamijiet oħrajn fuq il-persuna tiegħek.

Jekk il-perkwiżizzjoni fuq il-persuna teżiġi kompetenza medika, jista’ jagħmilha biss tabib; inkella, jagħmluha l-pulizija jew professjonista fil-qasam tas-saħħa.

Il-leġiżlazzjoni tinkludi kundizzjonijiet għal meta tkun permessa perkwiżizzjoni fuq il-persuna; pereżempju, kemm ikun serju s-suspett. Fil-prattika, id-delitti ordinarji kollha (serq, attakk aggravat u reati li jinvolvu drogi narkotiċi) jippermettu li l-pulizija jwettqu perkwiżizzjoni fuq il-persuna.

X’jiġri jekk niġi arrestat fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk Stat Membru ieħor ikun ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront tiegħek, inti tista’ tiġi arrestat u tinżamm taħt arrest biex tiġi estradit lejn l-Istat li jkun ħareġ il-Mandat ta’ Arrest. Waqt is-smigħ taż-żamma taħt arrest, inti għandek id-dritt li jkollok avukat difensur u interpretu. L-Istat iħallas id-drittijiet tagħhom u inti ma tridx tħallas dawn id-drittijiet lura lill-Istat. Tista’ tagħżel l-avukat tiegħek inti stess bl-istess mod kif tagħmel meta tkun b’xi mod ieħor issuspettat li wettaqt delitt.

L-ewwel smigħ fil-qorti (3)

Għaliex isiru arranġamenti għall-ewwel smigħ fil-qorti?

Jekk il-pulizija jagħmlu talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest fil-konfront tiegħek, il-qorti trid tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest. Jekk inti ma ġejtx arrestat u l-pulizija ma tagħmilx talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest, l-ewwel smigħ fil-qorti ġeneralment se jkun is-smigħ prinċipali effettiv tal-kawża.

Jekk inti ġejt arrestat, il-pulizija trid tagħmel talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest għalik mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard minn qabel nofsillejl tat-tielet jum wara li nqbadt. Jekk ma jagħmlux dan, inti trid tiġi lliberat. Il-qorti trid tittratta t-talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest minnufih.

Jekk inti taħt arrest, it-talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest trid tiġi ttrattata fi żmien erbat ijiem mill-jum meta nqbadt. Fil-qorti jsir smigħ ta’ żamma taħt arrest u l-qorti tiddeċiedi jekk inti għandekx tinżamm taħt arrest jew jekk għandekx tiġi lliberat. Minflok ma tordna li inti tinżamm taħt arrest, il-qorti tista’ tipprojbilek li tivvjaġġa.

Flimkien maż-żamma taħt arrest tiegħek, il-qorti tista’ tordna wkoll restrizzjonijiet fuq il-kuntatti tiegħek. Dan ifisser li matul il-bidu taż-żamma taħt arrest tiegħek inti ma tkun tista’ tikkuntattja lill-ħadd għajr lill-avukat tiegħek.

Ma hemm l-ebda sistema ta’ ħelsien mill-arrest taħt garanzija fil-Finlandja; fi kliem ieħor, inti ma tistax tiddepożita somma flus mal-qorti li tippermettilek li tiġi lliberat sabiex tistenna s-smigħ prinċipali.

Għandi dritt għal avukat?

Fis-smigħ taż-żamma taħt arrest, inti għandek id-dritt għal avukat. Fuq talba tiegħek, l-avukat irid jinħatar bħala avukat difensur tiegħek, li jfisser li l-Istat iħallas direttament id-drittijiet tiegħu. Inti għandek ukoll id-dritt li tmexxi d-difiża tiegħek waħdek, imma jekk il-pulizija jagħmlu talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest, huwa rakkomandat li inti tuża avukat. Tista’ tagħżel l-avukat tiegħek inti stess.

Għandi dritt għal interpretu jekk ma nifhimx il-lingwa?

Jekk ma tifhimx il-Finlandiż jew l-Isvediż, il-qorti ssiblek interpretu. L-Istat iħallas id-drittijiet tal-interpretu. Għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet lingwistiċi tiegħek, ara Id-drittijiet lingwistiċi (6). Waqt is-smigħ, l-interpretu jittraduċilek it-talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest, jekk ma tkunx eżaminajtha mal-avukat tiegħek u mal-interpretu qabel is-smigħ. Waqt is-smigħ, l-interpretu jittraduċilek id-diskorsi kollha, jekk dan ikun meħtieġ.

Bilfors irrid nitkellem fil-qorti?

Ma intix obbligat titkellem fil-qorti. Jekk inti għandek avukat, huwa jista’ jwieġeb għat-talba għal ordni ta’ żamma taħt arrest f’ismek. Madankollu, inti għandek id-dritt li tinstema’ personalment jekk inti tkun trid.

Irrid nagħti informazzjoni oħra fil-qorti?

Fil-qorti – l-istess kif jiġri waqt l-investigazzjoni kriminali – inti ma inti obbligat tagħti l-ebda informazzjoni dwar l-allegat delitt. Madankollu, ta’ spiss dan jista’ jkun ta’ għajnuna. L-avukat tiegħek se jgħinek tiddeċiedi jekk ikunx aħjar li titkellem u tagħti informazzjoni.

Wara s-smigħ ninżamm taħt arrest jew niġi lliberat?

Jekk il-qorti tiddeċiedi li hemm raġuni biex inti tinżamm taħt arrest u li projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhijiex suffiċjenti, inti se tinżamm taħt arrest. Jekk ma jkollokx indirizz permanenti fil-Finlandja, fil-prattika projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhijiex possibbli.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li ma hemm l-ebda raġuni biex inti tinżamm taħt arrest, hija se tordna li inti tiġi lliberat immedjatament. Fil-Finlandja, mhuwiex possibbli li tiġi ddepożitata somma flus bħala garanzija. Fi tmiem is-smigħ taż-żamma taħt arrest inti tinżamm taħt arrest jew tiġi stabbilita projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fil-konfront tiegħek jew tiġi lliberat. Anki jekk il-qorti tiddeċiedi li inti għandek tinżamm taħt arrest, inti ma tistax tinżamm taħt arrest jekk, pereżempju, dan ma jkunx raġonevoli minħabba l-istat tas-saħħa tiegħek.

Jekk inti tinżamm taħt arrest, il-qorti tiffissa skadenza biex il-prosekutur jippreżenta l-kapi ta' akkuża. Din id-data tista’ tiġi posposta fuq talba tal-prosekutur jitlob dan. Ma hemm l-ebda perjodu massimu biex jiġu ppreżentati l-kapi ta' akkuża, imma dan ma jistax ikun itwal minn dak li jkun meħtieġ sabiex titlesta l-investigazzjoni kriminali u sabiex jiġu ppreparati l-kapi ta' akkuża.

Jekk jirriżulta li l-perjodu ffissat biex jiġu ppreżentati l-kapi ta' akkuża huwa qasir wisq, il-qorti tista’ testendih fuq talba tal-prosekutur. Il-qorti trid tagħti lilek u lill-avukat tiegħek l-opportunità li tinstemgħu minħabba t-talba.

Is-smigħ taż-żamma taħt arrest ikun pubbliku?

Ġeneralment, is-sessjonijiet tal-qrati jkunu pubbliċi, u dan huwa wkoll minnu fir-rigward tas-smigħ taż-żamma taħt arrest. Madankollu, b’mod ġenerali, minħabba l-investigazzjoni, il-pulizija titlob li s-smigħ taż-żamma taħt arrest isir mingħajr il-pubbliku u li l-materjal tal-każ jinżamm sigriet sakemm jiġu kkunsidrati l-kapi ta' akkuża. Ir-riżultat aħħari tas-smigħ ikun dejjem pubbliku.

Nista’ nappella jekk il-qorti tordna li jiena ninżamm taħt arrest?

Inti tista’ tappella kontra l-ordni ta’ żamma taħt arrest quddiem il-Qorti tal-Appell u ma hemm l-ebda perjodu speċifikat għall-appell. Il-Qorti tal-Appell tikkunsidra l-appell tiegħek bħala kwistjoni urġenti. Ġeneralment, is-smigħ quddiem il-Qorti tal-Appell ikun bil-miktub.

Fuq talba tiegħek il-qorti trid ukoll tikkunsidra mill-ġdid iż-żamma taħt arrest tiegħek anki jekk inti ma tkunx appellajt kontra ż-żamma taħt arrest. Madankollu, il-kwistjoni ta’ żamma taħt arrest ma hemmx għalfejn tiġi kkunsidrata mill-ġdid qabel ma jgħaddu ġimgħtejn wara l-ewwel smigħ. L-avukat tiegħek jagħtik iktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssib li jkun aħjar jekk titlob kunsiderazzjoni mill-ġdid. Meta l-kwistjoni taż-żamma taħt arrest tiegħek tiġi kkunsidrata mill-ġdid, dan jista’ jsir anki permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo. F’dak iż-żmien inti tkun il-ħabs jew waħdek jew mal-avukat tiegħek u l-imħallef ikun fil-qorti jew waħdu jew fil-preżenza tal-avukat tiegħek, u jkun hemm konnessjoni permezz tal-konnessjoni bil-vidjo.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk waqt is-smigħ taż-żamma taħt arrest il-qorti tiddeċiedi li inti trid tiġi lliberat, inti tista’ titlaq mill-pajjiż bil-libertà kollha. Jekk il-qorti tipprojbilek l-ivvjaġġar, l-ordni tal-qorti għandu jispeċifika l-kontenut tal-projbizzjoni. Jekk l-investigazzjoni kontra tiegħek titkompla u inti tkun ħallejt il-pajjiż, inti tista’ tinżamm taħt arrest fl-assenza tiegħek, jekk dan ikun meħtieġ, u jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew jekk ma tkunx tista’ tiġi kkuntattjat.

Qabel is-smigħ prinċipali, il-kunsiderazzjoni tal-kapi ta' akkuża mill-prosekutur (4)

X’jiġri qabel is-smigħ prinċipali?

Il-pulizija jwettqu l-investigazzjoni kriminali, u meta tkun lesta huma jibagħtu l-fajl tal-investigazzjoni kriminali lill-prosekutur. Jekk ikun inħatarlek avukat difensur, il-fajl jintbagħat lilu wkoll.

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li titolbu li ssir investigazzjoni ulterjuri jekk taħsbu li l-investigazzjoni b’xi mod ma tkunx kompluta. Inti għandek id-dritt li tirċievi kopja tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali. Jekk ma jkunx inħatarlek avukat difensur, il-materjal tal-investigazzjoni mhux se jintbagħat lilek jew lill-avukat tiegħek b’mod awtomatiku.

Wara dan, il-prosekutur jiddeċiedi dwar il-preżentata tal-att ta' akkuża. Jekk l-att ta' akkuża jiġi ppreżentat, inti tirċievi kopja taċ-ċitazzjoni biex titla’ quddiem il-qorti, u tiġi mħarrek ukoll sabiex tattendi għas-smigħ prinċipali. Iċ-ċitazzjoni telenka l-kapi ta' akkuża kif ukoll il-provi u x-xhieda li se jsejjaħ il-prosekutur sabiex jipprova l-ħtija tiegħek b’mod li ma jħalli l-ebda dubju ddettat mir-raġuni.

Inti għandek id-dritt li tressaq ix-xhieda jew il-provi tiegħek. B’mod ġenerali, ikun aħjar jekk il-pulizija jinterrogaw lill-persuni waqt l-investigazzjoni kriminali qabel is-smigħ fil-qorti. Inti għandek tistaqsi lill-avukat tiegħek x’għandek tagħmel jekk trid issejjaħ lil persuna bħala xhud u l-prosekutur ma jkunx semmieha.

Dejjem ikun hemm smigħ prinċipali?

Jekk il-prosekutur isib li ma hemm l-ebda raġuni probabbli li ssostni l-ħtija tiegħek, huwa se jiddeċiedi li jirrinunzja għall-akkużi (ma jippreżentax il-kapi tal-akkuża), u l-kwistjoni normalment tieqaf hemmhekk. Jekk jiġri dan u inti tkun miżmum taħt arrest, inti tiġi lliberat immedjatament.

Il-prosekutur jista’ anki jiddeċiedi li jirrinunzja għall-kapi tal-akkużi għalkemm huwa jikkunsidra li inti ħati. F’dak il-każ, il-prosekutur ikun jaħseb li proċess quddiem il-qorti kriminali ma jkunux meħtieġ. Dan jista’ jkun minħabba li jkun reat minuri, jew minħabba l-età żgħira tiegħek. Jekk inti temmen li ma intix ħati tad-delitt, anki jekk il-prosekutur jemmen dan, inti għandek id-dritt li tressaq il-kwistjoni quddiem qorti għal deċiżjoni

Il-vittma wkoll għandha d-dritt li tippreżenta kapi ta' akkuża jekk il-prosekutur ikun iddeċieda li jirrinunzja għall-akkużi fil-konfront tiegħek.

Ċerti reati minuri jistgħu wkoll jiġu ttrattati fi proċedura bil-miktub, li jfisser li ma jkun hemm l-ebda smigħ prinċipali effettiv. Jistgħu jsiru arranaġmenti għal proċedura bil-miktub, pereżempju, jekk inti tkun ammettejt il-ħtija tiegħek u tagħti l-kunsens tiegħek għall-proċedura.

Nista’ nammetti l-ħtija tiegħi qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti tista’ tammetti mal-pulizija li inti ħati tad-delitt. Xorta jista' jkun hemm smigħ prinċipali fil-każ tiegħek jekk il-prosekutur jippreżenta l-kapi ta' akkuża u proċedura bil-miktub ma tkunx possibbli. Xi drabi, jekk inti tistqarr il-ħtija tiegħek u tgħin fl-investigazzjoni tad-delitt, dan jista’ jgħin biex titnaqqas is-sentenza tiegħek, imma dan jiddependi mid-deliberazzjoni tal-qorti.

Stqarrija ta’ ħtija ma taffettwax id-dritt ta’ appell tiegħek, u inti tista’ anki tirtira l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek fi kwalunkwe ħin. Madankollu, anki jekk inti tkun irtirajt l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek, il-qorti tista’ tikkunsidraha meta tkun qed twieżen jekk intix ħati.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jiddependi minn kif tipproċedi l-investigazzjoni, il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt l-investigazzjoni kriminali. Il-prosekutur jista’ wkoll jakkużak b’delitt li jkun differenti minn dak li kien issuspettat li wettaqt, sakemm l-elementi prinċipali tad-delitt ikunu ġew iddeterminati waqt l-investigazzjoni kriminali (pereżempju, il-pulizija jkunu ssuspettaw li inti wettaqt omiċidju imma l-prosekutur jakkużak b’omiċidju mhux volontarju). Il-prosekutur jista’ jżid iktar dettalji fl-att ta' akkuża anki wara l-preżentata.

Nista’ niġi akkużat b’delitt li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Ġeneralment, inti ma tistax tiġi akkużat b’delitt li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor. Madankollu, dan jeżiġi li d-deċiżjoni meħuda fl-Istat Membru l-ieħor tkun finali u li waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun vera:

  • il-kapi ta' akkuża ġew miċħuda,
  • inti ġejt misjub ħati imma ma ġejtx ikkundannat għal xi piena,
  • is-sentenza ġiet eżegwita jew qed tiġi eżegwita, jew
  • is-sentenza skadiet skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih inqatgħet is-sentenza.

Jekk inti taħseb li ġejt akkużat b’delitt li inti diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor, żgur li għandek tkellem lill-avukat tiegħek dwar dan.

Kif tilmenta dwar l-azzjonijiet tal-pulizija (5)

Inħoss li l-pulizija ma aġixxewx b’mod korrett miegħi. Ma’ min nista’ nilmenta?

Jekk tħoss li uffiċjal tal-pulizija, meta kien qed iwettaq dmirijietu ma aġixxiex b’mod korrett fil-konfront tiegħek, inti tista’ tressaq ilment amministrattiv. L-azzjonijiet tiegħu għandhom jiġu investigati.

Ilment amministrattiv jitressaq quddiem uffiċjal tal-pulizija bi grad ogħla jew quddiem l-iktar rappreżentant tal-liġi imlaħħaq. L-iktar rappreżentanti tal-liġi mlaħħqin huma l-Kanċillier tal-Ġustizzja u l-Ombudsman Parlamentari. L-ilment irid isir bil-miktub, imma mill-bqija jista’ jkollu kwalunkwe forma.

Jekk inti tissuspetta li uffiċjal tal-pulizija wettaq delitt, inti tista’ tagħmel rapport dwar id-delitt fil-konfront tiegħu. Il-pulizija għandhom id-dmir li dejjem jirreġistraw ir-rapport fuq il-bażi tal-informazzjoni tiegħek. Il-prosekutur dejjem imexxi investigazzjoni jekk ikun issuspettat li uffiċjal tal-pulizija wettaq delitt. F’dan il-każ, il-prosekutur biss ikollu d-dritt li jiddeċiedi jekk hemmx raġuni biex jiġi ssuspettat li twettaq delitt u jekk għandhiex titwettaq investigazzjoni kriminali. Il-pulizija trid tibgħat minnufih kopja tar-rapport dwar id-delitt lill-unità rilevanti tal-prosekutur, sabiex ikun jista’ jinħatar l-investigatur inkarigat mill-każ. Inti wkoll għandek id-dritt li tkun taf jekk hijiex se tinbeda investigazzjoni kriminali u kif qed tipproċedi l-investigazzjoni.

Jekk il-pulizija ttrattawk b’mod mhux xieraq, inti dejjem għandek titlob parir mingħand l-avukat tiegħek dwar dak li għandek tagħmel f’dan ir-rigward.

Id-drittijiet lingwistiċi (6)

Meta jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt, inti għandek id-dritt li tuża jew il-Finlandiż jew l-Isvediż fil-fażijiet kollha tal-proċedura kriminali. Jekk ma titkellimx bil-Finlandiż jew bl-Isvediż, isiru arranġamenti sabiex ikollok interpretu kemm għall-interrogazzjoni kif ukoll għall-proċess quddiem il-qorti kriminali. Inti għandek ukoll id-dritt li jkollok interpretu meta tkun qed titkellem mal-avukat tiegħek b’konnessjoni mas-sessjonijiet tal-interrogazzjoni. M'intix se tintalab tħallas għall-interpretu.

Uħud mill-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jużaw l-Ingliż waqt l-interrogazzjoni; f’każijiet eċċezzjonali, hemm il-possibbiltà li jkunu jistgħu jużaw lingwi oħrajn ukoll. Jekk inti tħoss li inti u l-uffiċjal tal-pulizija ma intomx qed tifhmu lil xulxin minħabba kwistjonijiet lingwistiċi, inti għandek id-dritt li titlob interpretu. Huwa ferm importanti li inti tifhem il-kontenut tal-interrogazzjoni sabiex tkun tista’ tiffirma l-verbal tal-eżami f’ismek.

L-awtoritajiet mhumiex obbligati jittraduċu l-materjal kollu li jkun inġabar waqt l-investigazzjoni kriminali f’lingwa li inti tifhimha. B’mod ġenerali, il-materjal tal-invetigazzjoni kriminali ma jiġix tradott. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li jkollok avukat li jifhem il-lingwa li ntużat fl-investigazzjoni kriminali. It-taħrika biex titla’ l-qorti tiġi tradotta bil-miktub jew b’mod orali.

Links relatati

Is-sistema ġudizzjarja

Il-Ministeru tal-Ġustizzja

L-Att dwar l-Investigazzjonijiet Kriminali bl-Isvediż

L-Att dwar il-Proċedura Kriminali

L-Att dwar il-Proċedura Kriminali bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

L-Att dwar il-Miżuri ta’ Impożizzjoni bl-Isvediż

Il-pulizijahttps://www.poliisi.fi/en

L-Att dwar iż-Żamma taħt Arrest bl-Isvediż

L-Att dwar l-Estradizzjoni fuq il-Bażi ta’ Reat bejn il-Finlandja u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

L-Att dwar l-Estradizzjoni bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Iktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ impożizzjoni

Iktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ impożizzjoni bl-Isvediż

Kif tilmenta dwar l-azzjonijiet tal-pulizija

Kif tilmenta dwar l-azzjonijiet tal-pulizija (bl-Isvediż)

Fuljett dwar l-Att dwar il-Lingwa bl-Isvediż

L-aħħar aġġornament: 15/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.