Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Kif inhuma ttrattati reati ta’ parkeġġ eċċ. ?

Jekk inti tipparkja fejn mhux suppost f’toroq pubbliċi, tista’ teħel multa. Organizzazzjonijiet differenti jinfurzaw regoli tat-traffiku u jagħtu l-multi f’postijiet differenti. Dawn jinkludu l-kunsilli lokali, il-pulizija, kumpaniji privati jew it-Transport for London. Il-parti l-kbira tal-parkeġġ fit-toroq huwa infurzat minn gwardjani tal-parkeġġ impjegati mill-kunsill, li joħorġu Avviżi għall-Ħlas ta’ Piena (PCNs) permezz tas-sistema tal-ġustizzja ċivili. Il-gwardjani tat-traffiku huma impjegati mill-pulizija u għalhekk joperaw f'żoni fejn l-infurzar tal-parkeġġi ma ġiex dekriminalizzat. Dawn joħorġu Avviżi ta' Piena Fissa (FPNs) permezz tas-sistema tal-ġustizzja kriminali.

Il-PCNs ġeneralment jitħallew fuq il-ħġieġa ta' quddiem tal-vettura jew jingħataw lil min jidher li jkun inkarigat mill-vettura. Jistgħu wkoll jintbagħtu bil-posta. Ġeneralment ikollok 28 jum biex tħallas jew tikkontesta l-PCN u l-multa tista’ titnaqqas jekk tħallas malajr. Appelli informali jistgħu jsiru bil-miktub: jekk tixtieq tappella, tħallasx il-multa tat-traffiku f'dan l-istadju, minħabba li ladarba tħallasha huwa kważi impossibbli li tingħata l-flus lura.

L-ikklampjar

Il-Kunsilli fl-Ingilterra u f’Wales jistgħu jirmonkaw jew jikklampjaw vettura f’ ċerti ċirkostanzi.  Għandek tiġi kklampjat biss 30 minuta wara li jkun inħareġ PCN. Jekk temmen li l-karrozza tiegħek ġiet ikklampjata b’mod inġust, tista’ tappella. Trid tħallas biex tieħu lura l-karrozza tiegħek, u tappella aktar tard. Jekk l-appell tiegħek tagħmlu bil-mikub u l-kunsill ma jweġibx fi żmien 56 jum minn meta jirċevih, dan għandu jikkanċella l-multa tal-PCN u jrodd lura l-flus li tkun ħallast biex ħadt il-karrozza tiegħek lura.

Pariri dwar x’għandek tagħmel jekk tiġi kklampjat fuq art privata jinsabu hawnhekk.

Nista’ nappella?

Jekk il-kunsill jiċħad l-appell informali tal-multa tat-traffiku tiegħek, tista’ tagħmel appell formali. Il-kunsill imbagħad jgħidlek kif għandek tagħmel dan. Jekk il-kunsill jiċħad l-appell tiegħek, tirċievi Avviż lis-Sid (NTO) li jordnalek tħallas il-multa oriġinali. Dan jgħidlek ukoll kif tippreżenta appell ulterjuri lil aġġudikaturi indipendenti. Jeżistu servizzi differenti ta’ aġġudikazzjoni ta’ parkeġġ: PATAS iservi f’Londra, it-Tribunal tal-Pieni tat-Traffiku iservi fil-bqija tal-Ingilterra u Wales.

Għandek 28 jum minn meta tingħata l-NTO biex jew tħallas il-multa tat-traffiku jew tippreżenta appell formali kontra l-multa. Jekk ma tagħmel l-ebda waħda minn dawn, il-kunsill għandu d-dritt li jżid il-multa b’50%. Jekk xorta ma tħallasx, il-kunsill jista’ jiftaħ proċedimenti ċivili iżjed formali biex jirkupraha.

Il-multi FPN jinħarġu minn uffiċjali tal-pulizija jew minn gwardjani tat-traffiku tal-pulizija u jiġu ttrattati permezz tas-sistema tal-ġustizzja kriminali. L-unika sistema uffiċjali ta’ appell kontra multa FPN hija li tagħżel li l-kawża tiegħek tinstema’ fil-qorti u li tiddikjara ruħek bħala mhux ħati. Madankollu, xi korpi tal-pulizija jippermettu li jsiru appelli informali għall-multi, fejn inti tista' tikteb u tispjega għaliex ma taħsibx li għandek tħallas il-multa. Jekk dan huwa possibbli fiż-żona tiegħek, il-multa FPN tkun tinkludi d-dettalji.

Kif inhuma ttrattati r-reati ta’ veloċità eċċessiva eċċ.?

Jekk inti taqbeż il-limitu ta’ veloċità u tinqabad mill-pulizija jew minn kamera tas-sigurtà, il-pulizija tista’:

  • Tagħtik twissija verbali
  • Toffrilek kors biex trabbi kuxjenza dwar il-veloċità eċċessiva (li jkollok tħallas għalih)
  • Toħroġ Avviż ta’ Penali Fissa (FPN) b’multa ta’ £60 u tliet punti penali. Din hija l-iżjed għażla probabbli.
  • Tfittxek għal veloċità eċċessiva. Dan ikun ifisser li jkollok tidħol il-qorti, u li tista’ tingħata sa £1,000 (£2,500 jekk tkun qbiżt il-veloċità fuq l-awtostrada) multa, bejn tliet u sitt punti penali fuq il-liċenzja tas-sewqan tiegħek, u possibilment skwalifika mis-sewqan.

X’jiġri jekk iwaqqfuk?

Il-pulizija għandha s-setgħa li twaqqaf lil kwalunkwe xufier u jekk wieħed ma jieqafx ikun qed jikkommetti reat ukoll. Meta l-pulizija twaqqfek, tista’ tiġi mitlub tipproduċi liċenzja tas-sewqan, assigurazzjoni u d-dokument tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħek. Jekk dawn ma jkunux miegħek, għandek 7 ijiem biex tippreżentahom f’għassa tal-pulizija.

Jekk titwaqqaf u tkun wettaqt reat tat-traffiku, il-pulizija tista’ toħroġlok Avviż ta’ Penali Fissa (FPN) jew avviż ta’ rettifika ta’ difett fil-vettura.

F’każ li wettaqt reat tat-traffiku minuri, bħal jekk ma tkunx lbist iċ-ċinturin tas-sigurtà jew jekk tkun soqt b’fanal miksur, il-pulizija tista' toħroġlok FPN. Il-pulizija m’għandhiex is-setgħa li ġġiegħlek tħallas multi fuq il-post. Għandek 28 jum biex tħallas il-penali fissa jew biex titlob għal smigħ inkella l-multa tiżdied b’50%. Inti tiġi rrappurtat għal prosekuzzjoni jekk tonqos milli tħallas penali fissa għal reat rintraċċat b’kamera awtomatika fi żmien 28 jum.

L-avviż ta’ rettifika ta’ difett fil-vettura jista' jinħareġ jekk il-vettura tiegħek ikollha difett, pereżempju, wieħed mill-indikaturi jkun miksur. 

Il-pulizija tista’ tagħmillek it-test tan-nifs għall-alkoħol jekk ikollha s-suspett li tkun xurban. F’każ li ma tgħaddix mit-test tan-nifs, il-pulizija tieħdok fl-għassa tal-pulizija fejn tiġi mixli b’reat u tinżamm l-evidenza tiegħu (it-test tan-nifs). Għandek tħalli l-karrozza tiegħek sakemm tkun f'kondizzjoni li ssuqha, inkella sewwieq ieħor jista' jċaqlaqha bil-kunsens tiegħek. F'każ li tkun kemm kemm qbiżt il-limitu, tista' tagħmel test tad-demm. Li tonqos milli tagħmel test tan-nifs huwa reat. Ir-reati tas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jirriżultaw fi skwalifika obbligatorja mis-sewqan.

  • F’każ li jkollok 12-il punt fuq il-liċenzja tiegħek f’perjodu ta’ 3 snin, ġeneralment titlef il-liċenzja tiegħek għal mhux inqas minn 6 xhur.
  • Il-pulizija għandhom is-setgħa jikkonfiskaw vettura jekk din tkun qiegħda tintuża b’mod antisoċjali (u tikkawża biżgħa, abbuż jew periklu).
  • Il-pulizija tista’ tikkonfiska vetturi jekk is-sewwieqa ma jkollhomx liċenzja jew assigurazzjoni xierqa.
  • Ir-reati serji tat-traffiku (eż. li jikkawżaw mewt minħabba sewqan perikoluż) jistgħu jirriżultaw fi priġunerija.

Dawn ir-reati jiġu jidhru fuq il-kondotta tiegħi?

Il-kondotti jinżammu mill-Uffiċċju tar-Rekords Kriminali (CRB). Kull kundanna fil-qorti titniżżel fuq il-kondotta. Jekk ma tkunx ikkundannat fil-qorti ma jkollokx rekord kriminali: għaldaqstant avviżi ta’ penali fissa jiffurmaw parti mill-kondotta tiegħek jekk inti tkun ġejt ikkundannat fil-qorti biss.

Links relatati

Ċitazzjonijiet u d-drittijiet tiegħek

Aktar informazzjoni dwar il-parkeġġ

Is-setgħat tal-pulizija tat-traffiku fit-triq

Multi ta’ veloċità eċċessiva u d-drittijiet tiegħek

L-aħħar aġġornament: 01/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.