Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Imputati (proċeduri kriminali)

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Nista’ nappella?

Jekk inti ġejt ikkundannat jew ingħatajt sentenza f’Qorti tal-Maġistrati tista’ tappella lill-Crown Court lokali. Tista’ wkoll tappella lill-Qorti Amministrattiva f’Londra jekk temmen li l-maġistrati interpretaw il-liġi ħażin.

Jekk inti ġejt ikkundannat jew mogħti sentenza fil-Crown Court, tista’ tappella biss jekk tingħata permess li tagħmel dan minħabba eż. li l-imħallef ikun għamel żball. Tista’ mbagħad tappella lill-Qorti tal-Appell f'Londra.

Kif nappella?

Jekk il-proċess kien sar fil-Qorti tal-Maġistrati għandek tappella fi żmien 21 jum. Jekk il-proċess kien sar fil-Crown Court għandek tappella fi żmien 28 jum. L-avukat tiegħek għandu jagħtik parir dwar jekk għandekx tappella u kif għandek tagħmel dan.

Fuq xiex jiġi bbażat l-appell?

Għandek dritt li tappella kull deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati iżda għandek timla u tirritorna formola li tkun disponibbli mill-qorti.

Appelli mill-Crown Court jeħtieġu proċess iżjed formali. Meta tiġi biex tappella, int għandek tagħmel stqarrija dettaljata tar-raġunijiet tiegħek. Ir-raġunijiet ta’ appell jinkludu li:

  • L-imħallef ta istruzzjonijiet ħżiena lill-ġurija;
  • Kien hemm żball jew irregolarità fil-proċedura tal-proċess quddiem qorti kriminali;
  • L-evidenza li mhux suppost kellha tintuża jew li mhux suppost ma kellhiex tintuża.

Ir-raġunijiet għal appelli kontra s-sentenza jinkludu li:

  • L-imħallef ikun għamel żball ta’ liġi;
  • It-tul tas-sentenza jkun eċċessiv.

X’jiġri tul is-seduta tal-appell?

Appell minn Qorti tal-Maġistrati normalment jinstema’ minn imħallef li jkun qiegħed jippresjedi ma’ żewġ maġistrati (differenti minn dawk li oriġinarjament ipproċessaw il-kawża). Huwa smigħ ġdid u jistgħu jissejħu evidenzi u fatti ġodda jew differenti. Jekk l-appell huwa sempliċiment kontra s-sentenza, il-Crown Court tista’ tnaqqas is-sentenza, tikkonfermaha jew iżżidha.

Jekk inti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-liġi mill-maġistrati fil-Qorti Amministrattiva, u dik il-qorti tiddeċiedi li l-maġistrati kellhom żball, il-verdett jiġi rinversat. F’xi ċirkostanzi, il-każ jista’ jerġa' jmur lura fil-Qorti tal-Maġistrati għal seduta oħra.

Appell kontra kundanna fil-Crown Court għandu jinstama' fil-Qorti tal-Appell. L-avukat u l-prosekutur tiegħek għandhom jippreżentaw argumenti dwar il-merti tal-appell tiegħek. Il-qorti tista’ titlob għal iżjed evidenza. Ġeneralment, ma tistax issejjaħ evidenza li kienet disponibbli fil-ħin tal-proċess u li inti ddeċidejt li ma tużax matul il-proċess quddiem qorti kriminali. L-appelli jsiru fil-pubbliku.

Jekk m'intix fil-ħabs għandek dritt li tattendi għall-appell. Jekk inti tinsab il-ħabs għandek id-dritt li tattendi, sakemm l-appell ma jkunx jirrigwarda biss kwistjonijiet ta’ liġi. Il-qorti tista’ tippermetti li inti tipparteċipa permezz ta' kollegament bil-vidjow.

X’jiġri jekk jiena nkun fil-ħabs meta nappella?

Ladarba tkun applikajt għal appell tista’ tapplika biex tiġi lliberat mill-ħabs sakemm issir is-seduta tal-appell, għalkemm li tiġi lliberat f’dawn iċ-ċirkostanzi huwa rari. Jekk tingħata garanzija, din tista’ tkun soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet.

Kemm jgħaddi żmien qabel ma jinstema' l-appell?

Appelli mill-Qorti tal-Maġistrati kontra sentenza ġeneralment jinstemgħu malajr jekk inti tkun f’kustodja iżda f’każijiet oħrajn dawn jinstemgħu fi żmien 3 sa 6 xhur. Għandek bżonn il-permess minn imħallef superjuri biex tappella deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Crown Court lill-Qorti tal-Appell. Fuq medja, l-appelli kontra kundanna jinstemgħu fi żmien 8 xhur u l-appelli kontra sentenza fi żmien 5 xhur. F’kull ħin tista' twaqqa' l-appell billi tikteb lill-Uffiċċju tal-Appelli Kriminali.

X’jiġri jekk l-appell kontra l-kundanna jirnexxi/ma jirnexxiex?

Jekk l-appell jirnexxi, il-qorti twaqqa’ l-kundanna tiegħek u din titneħħa mir-rekord uffiċjali. F’xi ċirkostanzi l-qorti tista’ twarrab il-kundanna iżda tippermetti lill-prosekutur jibda proċess ġdid quddiem qorti kriminali kontrik.

Jekk l-appell ma jirnexxiex, normalment ma ssir l-ebda bidla fil-verdett tal-proċess, iżda f’xi każijiet il-qorti tal-appell għandha mnejn tissostitwixxi l-kundanna għal delitti inqas serji (dan ma jistax isir normalment fuq appell mill-Qorti tal-Maġistrati).

X’jiġri jekk l-appell kontra s-sentenza jirnexxi/ ma jirnexxiex?

Jekk l-appell jirnexxi, il-qorti timponi sentenza ġdida. Jekk l-appell ma jirnexxiex, il-qorti tista' tikkonferma s-sentenza oriġinali, u tista' wkoll iżżidha.

Hemm id-dritt għal appell ieħor lil qorti ogħla/differenti?

Jekk inti appellajt mill-Qorti tal-Maġistrati u l-appell ġie rrifjutat mill-Crown Court, int tista’ titlob lill-Kummissjoni għar-Reviżjoni ta’ Kawżi Kriminali (CCRC) tirreferi l-każ tiegħek lura lill-Qorti tal-Appell. Dan rari jiġri.

Jekk inti appellajt lill-Qorti Amministrattiva, jew lill-Qorti tal-Appell jista’ jkollok id-dritt għal appell ulterjuri lill-Qorti Suprema tar-Renju Unit jekk l-appell iqajjem kwistjoni ta’ importanza legali ġenerali.

Jekk l-appell tiegħi jirnexxi nieħu xi kumpens?

Tista’ tapplika għal kumpens fi żmien sentejn (2) billi timla din il-formola. Id-deċiżjoni tinsab f'idejn il-Gvern. L-avukat tiegħek ikun jista’ jispjegalek kif taħdem din l-iskema

Huwa possibbli li tagħmel appell ulterjuri jekk l-ewwel appell ma jirnexxiex?

F’eċċezzjoni, tkun tista' tagħmel appell ulterjuri jekk jirriżultaw raġunijiet ġodda biex isir appell.  Jekk inti tixtieq tippreżenta xhieda ġdida għandek tispjega għaliex din ma nstemgħetx fil-proċess.

Hemm mezzi oħra biex jiena nagħmel appell?

Tista’ titlob lis-CCRC tinvestiga jekk kienx hemm amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja. Il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-każ tiegħek lill-qorti tal-appell rilevanti. Jekk tagħmel dan, il-kawża tiegħek tinstema’ bħala appell normali.

Jiena niġi minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura hemmhekk wara l-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk inti kkundannat u mogħti sentenza ta’ ħabs x’aktarx tkun iddeportat meta tiġi lliberat. Jekk m’intix ċittadin Brittaniku u s-sentenza hija ta’ 12-il xahar jew iżjed jew jekk tingħata sentenza għal ċerti reati serji, il-Gvern normalment jordna deportazzjoni lejn l-aħħar taż-żmien tiegħek fil-ħabs.

Fi kwalunkwe każ ieħor fejn il-priġunerija tkun tikkostitwixxi piena possibbli, jekk għandek iżjed minn 17-il sena, l-imħallef jista' jirrikkmanda li għandek tiġi deportat wara li tingħata s-sentenza. Dan huwa possibbli kemm jekk inti tintbagħat il-ħabs u kemm jekk le. Il-Gvern jiddeċiedi fuq il-bażi tar-rakkmandazzjoni tal-imħallef. Ir-rakkmandazzjoni tal-imħallef tagħmel parti mis-sentenza u tista’ tiġi appellata, kif deskritt hawn fuq. Il-Gvern jista’ jfittex li jiddeportak, anke mingħajr rakkmandazzjoni tal-qorti jekk dan ikun “iwassal għall-ġid pubbliku”.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiġi ddeportat biss fuq il-bażi ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.  Li tkun ikkundannat b’delitt ma jiġġustifikax fih innifsu deportazzjoni.  Għandek id-dritt li tappella fi tribunal speċjali kontra deċiżjoni li tiġi ddeportat.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess delitt?

Jekk ġejt ikkundannat jew xolt minn delitt wara li jkun sar proċess quddiem qorti kriminali fi kwalunkwe parti tar-Renju Unit, ma tistax terġa’ tiġi pproċessat fl-Ingilterra għall-istess delitt ħlief f’ċirkostanzi speċjali.  L-istess regola tapplika meta jkun ingħata verdett wara li jkun sar proċess quddiem qorti kriminali jekk il-proċess quddiem qorti kriminali jkun twettaq fi Stat Membru ieħor.

Informazzjoni dwar il-kundanni

Il-kundanni u t-twissijiet huma rreġistrati fil-Kompjuter Nazzjonali tal-Pulizija (PNC) sakemm tagħlaq il-100 sena tiegħek. Jekk inti temmen li l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek mhijiex preċiża, tista’ tikkontestaha. L-avukat tiegħek jista’ jgħidlek kif tagħmel dan. Tista’ wkoll tistaqsi lill-Kummissarju Ġenerali tal-pulizija fiż-żona fejn ikun seħħ ir-reat biex jemenda jew iħassar l-informazzjoni.

It-twissijiet, it-twiddib u l-avviżi finali huma ttrattati bħala kundanni.

Anke wara li tkun skontajt sentenza, għandek turi l-kundanna jew it-twissija meta meħtieġ (eż. meta tapplika għal impjiegi) sakemm il-kundanna tiġi eżawrita. Kemm dan idum jiddependi fuq it-tip ta’ delitt u s-sentenza mogħtija.

F’każ li nħarġulek Avviż ta’ Penali Fissa jew Avviż ta’ Penali għal Diżordni, dawn ma jkunux jagħmlu parti mill-kondotta tiegħek.

Links relatati

Qorti tal-Appell

Gwida għall-Bidu tal-Proċeduri fil-Qorti tal-Appell

Qorti Suprema tar-Renju Unit

Kummissjoni għar-Reviżjoni ta' Kawżi Kriminali

Uffiċċju tar-Rekords Kriminali

Rijabilitazzjoni tal-atturi ta' ksur

Att tal-1968 dwar l-Appell Kriminali (kif emendat)

Att tal-1974 dwar ir-Rijabilitazzjoni tal-Atturi ta' Ksur (kif emendat)

Att tal-1976 dwar il-Garanziji (kif emendat)

Att tal-1980 dwar il-Qorti tal-Maġistrati (kif emendat)

Att tal-1981 dwar il-Qrati Prinċipali (kif emendat)

Att tal-1995 dwar l-Appell Kriminali (kif emendat)

Att tal-1997 dwar il-Pulizija (kif emendat)

Att tal-1998 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (kif emendat)

Att tal-2006 dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja (kif emendat)

Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

L-aħħar aġġornament: 01/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.