Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Imputati (proċeduri kriminali)

L-Ingilterra u Wales

Din l-iskeda informattiva u l-iskedi informattivi sekondarji tagħha jispjegaw il-proċedura użata matul l-investigazzjonijiet kriminali u x’jiġri wara l-investigazzjoni u qabel ma jseħħ il-proċess kriminali.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

Investigazzjoni kriminali tibda meta l-pulizija tissuspetta li seta’ sar xi reat. Il-pulizija tmexxi l-investigazzjoni u tiġbor l-evidenza. F’każijiet serji hekk kif il-pulizija temmen li jkollha biżżejjed evidenza biex tħarrek lis-suspettat, hija tikkoordina mal-Crown Prosecution Service (CPS), li ġeneralment jiddeċiedi liema akkużi huma adattati, u jekk ikunux meħtieġa. Dan is-servizz jista’ jirrikjedi li ssir investigazzjoni ulterjuri.

Jekk il-pulizija tidentifikak bħala suspettat, l-ewwel stadju prinċipali huwa li tieħu d-deċiżjoni li tarrestak.

Wara perjodu ta' żamma f’kustodja għall-interrogazzjoni, l-istadju prinċipali li jmiss huwa d-deċiżjoni ta' akkuża. Jekk il-pulizija tkun teħtieġ twettaq aktar investigazzjonijiet u ma jkunx hemm għalfejn li inti tinżamm f’kustodja l-pulizija għandha tilliberak jew mingħajr akkuża jew fuq garanzija u titolbok li terġa’ lura l-għassa tal-pulizija f’data aktar tard.

Jekk madankollu, għandek tiġi akkużat b'reat u l-pulizija tiddeċiedi li għandek xorta tinżamm f'kustodja, inti tittieħed f'qorti biex jiġi deċiż jekk għandekx tiġi lliberat fuq garanzija qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Jekk qiegħed tiġi investigat għal allegati reati terroristiċi, id-drittijiet tiegħek u s-setgħat tal-pulizija, huma differenti minn dawk diskussi hawn taħt (ara l-Att tas-sena 2000 dwar it-Terroriżmu li jaqa’ barra mill-ambitu ta’ dawn l-iskedi informattivi).

Jekk inti taħt it-18-il sena japplikaw salvagwardji addizzjonali. Staqsi lill-avukat tiegħek biex jispjegahomlok.

Ikklikkja fuq il-links ta' hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek qabel ma l-każ jitressaq quddiem il-qorti:

L-investigazzjoni u l-arrest (1)

Il-pulizija tagħmilli xi mistoqsijiet?

Jekk il-pulizija tissuspetta li wettaqt xi reat jew li għandek informazzjoni dwar xi reat, tista’ tagħmillek xi mistoqsijiet.

Għandi mmur f’għassa tal-pulizija?

Il-pulizija tista’ twaqqfek, tfittixlek, u tagħmillek mistoqsijiet limitati fit-triq jew f’post pubbliku ieħor. Jekk mitlub, għandek tagħti ismek u l-indirizz tiegħek lill-pulizija. Jekk il-pulizija jissuspettaw fik għal xi reat, jistgħu jitolbuk tmur f’għassa tal-pulizija volontarjament. Għandhom ukoll is-setgħa jarrestawk u jieħduk f’għassa tal-pulizija kontra r-rieda tiegħek. Għandhom jgħarrfuk bir-raġuni għaliex ikunu qegħdin jagħmlu dan.

Jiena liberu nitlaq mill-għassa tal-pulizija?

Jekk inti qiegħed f’għassa tal-pulizija, jew bħala suspettat jew bħala xhud potenzjali, iżda ma ġejtx arrestat, inti liberu li titlaq fi kwalunkwe ħin.

X’jiġri ladarba niġi arrestat?

Jekk il-pulizija tixtieq iżżommok fl-għassa tal-pulizija, din għandha tarrestak. Għandha tagħtik raġuni u l-arrest għandu jkun neċessarju. Il-pulizija tista’ tfittixlek, tieħu l-marki tas-swaba’ tiegħek u l-kampjun tad-DNA u twettaq tiftix fiżiċi oħrajn spjegati hawnhekk.

X’jiġri jekk ma nitkellimx bil-lingwa?

Jekk ma tifhimx bl-Ingliż, il-pulizija għandha ġġiblek interpretu, mingħajr ħlas. Ma tistax tiġi interrogat jekk ma jkunx hemm interpretu.

Jista’ jkolli avukat?

Jekk inti arrestat, għandek id-dritt li tikkonsulta avukat. Jekk ma tafx avukat il-pulizija għandha tikkuntattja lill-konsulent legali li jkun qiegħed xogħol. Ara l-Iskeda informattiva 1.

X’jiġri jekk jiena taħt is-17-il sena jew jiena adult vulnerabbli?

Jekk inti taħt l-età ta’ 17-il sena jew inti adult vulnerabbli m’għandekx tiġi interrogat mingħajr ma tkun akkumpanjat minn "Adult Xieraq". Il-pulizija għandhom jagħmlu arranġamenti għal dan.

Din il-persuna tappoġġjak u tagħtik parir dwar il-komunikazzjoni mal-pulizija. Din il-persuna mhijiex avukat u ma tagħtix parir legali. Adult Xieraq jista’ jkun membru tal-familja, ħabib jew voluntier jew professjonist fil-kura tas-saħħa/f'dik soċjali.

Il-pulizija tista’ tfittixli?

Anke jekk m'intix taħt arrest, il-pulizija tista’ twaqqfek u tfittixlek jew tagħmel tfittxija fil-vettura tiegħek iżda dan jista' jiġri biss jekk ikollha raġunijiet raġonevoli biex tissuspetta li inti sraqt jew li għandek fil-pussess tiegħek oġġetti pprojbiti jew li wettaqt xi reat kriminali.

Il-pulizija tista’ tieħu l-marki tas-swaba’ jew id-DNA tiegħi?

Jekk ma ġejtx arrestat, m’għandekx tipprovdi marki tas-swaba’ jew kampjuni oħra, u l-pulizija ma tistax teħodhom mingħajr kunsens. Madankollu, jekk ġejt arrestat il-pulizija għandha s-setgħa li tieħu kampjuni bħad-demm, il-bżieq jew tessut ieħor tal-ġisem mingħajr kunsens.

Għandi nieħu sehem fir-rikonoxximent tal-persuni?

Jekk inti ġejt arrestat il-pulizija tista’ titolbok tieħu sehem fir-rikonoxximent tal-persuni. Jekk inti tirrifjuta dan jista’ jintuża kontrik fi proċess quddiem il-qorti kriminali. Normalment dan jikkonsisti biss f’ritratti vidjow li jintwerew lill-vittma jew lix-xhud/xhieda. Il-konsulent legali li jkun qiegħed xogħol jista' jtik parir dwar dan.

Il-pulizija tista’ tfittixli fil-karrozza jew fil-post tiegħi?

Jekk inti ġejt arrestat il-pulizija tista’, b’awtorità ta’ uffiċjal superjuri, tfittixlek fil-karrozza u fil-post tiegħek u tneħħi kwalunkwe proprjetà li tista' tkun rilevanti għall-investigazzjoni.

Nista’ nikkuntattja lil xi ħabib/ħabiba jew lil xi membru tal-familja?

Iva, biex tgħidilhom fejn qiegħed.

Nista’ nara tabib jekk ikolli bżonn?

Jekk teħtieġ assistenza medika, int għandek id-dritt li tara tabib.

Jiena niġi minn Stat Membru ieħor. Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata tiegħi?

Iva. Rappreżentant mill-Ambaxxata jiġi fl-għassa tal-pulizija jew jikkuntattjak biex jara jekk teħtieġx xi għajnuna. Il-Pulizija hija obbligata li tikkuntattja lill-Konsulat mill-pajjiżi li ġejjin fl-UE jekk inti ġejt arrestat u miżmum - l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja jew l-Isvezja.

X’jiġri jekk niġi arrestat fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew?

F'każ li joħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew minn Stat Membru wieħed, tista’ tiġi arrestat fi Stat Membru ieħor u mibgħut lura lejn il-pajjiż ikkonċernat wara li tidher quddiem imħallef. Inti intitolat għal avukat u interpretu f’każ li tkun tenħtieġ. Ara l-Iskeda informattiva 1.

Meta niġi mħarrek mill-pulizija?

Jekk il-pulizija tiddeċiedi li hemm biżżejjed evidenza kontrik, tista’ tħarrkek għal xi reat. L-akkuża tgħidlek liema reat il-pulizija taħseb li inti wettaqt. Ladarba tiġi akkużat, il-pulizija ma tistax tinterrogak aktar dwar dak ir-reat.

Għal kemm nista’ ninżamm mill-pulizija wara l-arrest?

Ladarba tiġi arrestat il-pulizija tista’ żżommok f’għassa tal-pulizija għal mhux iżjed minn 24 siegħa. Uffiċjal superjuri jista’ jestendi dan il-perjodu għal 36 siegħa jekk ikollu raġunijiet raġonevoli biex jemmen li dan huwa neċessarju sabiex tinġabar l-evidenza, ir-reat huwa wieħed serju u l-investigazzjoni qiegħda titwettaq kif suppost. Wara dak iż-żmien għandek tiġi akkużat b’reat jew tiġi lliberat mill-kustodja tal-pulizija. F'każ li l-pulizija tkun tixtieq iżżommok iżjed għandha tieħu permess minn Qorti tal-Maġistrati. Il-qorti tista' testendi l-perjodu ta’ detenzjoni għal mhux iżjed minn 96 siegħa.

Lmenti kontra l-pulizija

F’każ li inti taħseb li l-pulizija ma ttrattawkx tajjeb, tista’ tilmenta jew lill-pulizija jew lill-Kummissjoni Indipendenti għal Ilmenti dwar il-Pulizija.

L-interrogazzjoni u l-akkuża (2)

Meta nista’ niġi interrogat?

Jekk inti arrestat u miżmum f’għassa tal-pulizija, l-uffiċjal tal-kustodja għandu jiżgura li inti tinsab fi stat mentali u fiżiku tajjeb biex tiġi interrogat. Fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa, għandu jkollok perjodu kontinwu ta’ mhux inqas minn 8 sigħat biex tistrieħ mingħajr ma ssir l-ebda interrogazzjoni. Matul l-interrogazzjoni, għandek tingħata pawża ta' 15-il minuta għal rinfreskar kull sagħtejn (2). Inti normalment intitolat li jkollok avukat preżenti matul l-interrogazzjoni.

Għandi nwieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija?

M’għandekx twieġeb bilfors għall-mistoqsijiet. Jekk jissuspettawk b’reat, il-pulizija għandhom javżawk formalment (twissija) qabel ma jagħmlulek il-mistoqsijiet. Iwissuk li m’għandekx twieġeb bilfors għall-mistoqsijiet iżda li jekk tgħid xi ħaġa, dak li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza fil-qorti. Għandhom jgħidulek ukoll li f’każ li tonqos milli tgħid xi ħaġa li iżjed tard tkun tixtieq tirreferi għaliha fil-qorti, il-fatt li ma tkunx semmejtha lill-pulizija jista' jintuża kontrik waqt proċess quddiem il-qorti kriminali.

Kif jitmexxew l-interrogazzjonijiet mill-pulizija?

L-interrogazzjonijiet fl-għassa tal-pulizija iseħħu fi kmamar għall-interrogazzjoni u dejjem issir reġistrazzjoni tagħhom bl-awdjo. Il-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi spjegat lilek qabel l-interrogazzjoni.

Il-pulizija meta takkużani?

Jekk il-pulizija taħseb li jkollha biżżejjed evidenza kontrik, tista’ takkużak għal reat. Il-pulizija ma tistax imbagħad tinterrogak iżjed dwar dak ir-reat. L-akkużi jistgħu jinbidlu fi stadju aktar tard fil-proċess.

Dehriet fil-qorti qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali (3)

Meta għandi nidher għall-ewwel darba fil-qorti?

Jekk tinżamm fil-kustodja tal-pulizija għandek tittieħed il-qorti għall-ewwel seduta li jkun imiss. Normalment, l-ewwel seduta tkun fil-Qorti tal-Maġistrati.

Għandi dritt għal avukat?

Għandek id-dritt għal avukat fil-qorti. F'każ li m’għandekx l-avukat tiegħek, il-konsulent legali tal-għassa jkun jista’ jaġixxi għalik. Ara l-Iskeda informattiva 1.

Ikun hemm interpretu jekk ma nitkellimx bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma titkellimx bl-Ingliż, jiġi pprovdut interpretu, mingħajr ħlas, biex jittraduċi l-proċeduri kollha tal-qorti.

Nista’ niġi lliberat mill-kustodja?

Jekk tinżamm f’kustodja, tista’ tapplika lill-qorti biex tiġi lliberat fuq garanzija. Jekk tingħatalek il-garanzija jista’ jkun il-każ li ma jkollokx għalfejn tiddepożita flus.

Ġeneralment tingħata garanzija jekk ma jirriżulta xejn mill-kondotta kriminali tal-akkużat u l-qorti taħseb li inti ma tkunx tikkostitwixxi riskju għas-soċjetà, li mhux ser ittellef fejn jidħlu x-xhieda u li ser tattendi l-qorti meta meħtieġ. Il-garanzija tista’ tkun soġġett għal kondizzjonijiet, bħal fatt li tkun tgħix f’ċertu indirizz, li tagħti l-passaport tiegħek lill-pulizija jew li tilbes tag elettroniku.

Jekk il-qorti tirrifjuta li tiġi lliberat fuq garanzija, inti tinżamm il-ħabs sal-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Nista’ nappella d-deċiżjoni li ninżamm fil-ħabs sal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. Staqsi lill-avukat tiegħek għal parir.

Nista’ nidher quddiem il-qorti għal darb’oħra qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. L-avukat tiegħek jista’ jtik parir dwar dan.

Kemm nista’ ndum miżmum fil-ħabs qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk tinżamm il-ħabs, il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali għandu jseħħ f’ċerti limiti ta’ żmien.

Ġeneralment, proċess fil-Crown Court għandu jinbeda fi żmien 182 jum minn meta tmur il-ħabs. Jekk ma jkunx il-każ, tista' titlob li tiġi lliberat fuq garanzija. F’każijiet inqas serji, il-proċess quddiem il-qorti kriminali jista’ jseħħ fi żmien 56 jum.  Jekk ma jkunx il-każ, int tiġi lliberat fuq garanzija.

It-tħejjija tal-każ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali (4)

X’jiġri qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-perjodu ta’ qabel il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali, il-Crown Prosecution Service (CPS) ikompli jirrevedi jekk il-każ huwiex b’saħħtu biżżejjed biex jiġġustifika prosekuzzjoni. Il-prosekutur jikkondividi mal-avukat tiegħek l-evidenza li tkun ser tintuża kontrik fil-proċess quddiem il-qorti kriminali. Pereżempju, jekk ix-xiehda jkunu se jagħtu evidenza, inti tingħata l-istqarrijiet tagħhom bil-miktub. Il-prosekuzzjoni għandha wkoll tiżvelalek kull materjal li jista' jdgħajjef il-kawża tagħha jew jgħinek fil-kawża tiegħek. Il-prosekutur għandu jirrevedi l-evidenza kontinwament u jiżvelalek kull materjal li jaqa' fi ħdan dak it-test.

Jiena niġi minn Stat Membru ieħor. Għandi nkun preżenti fl-Ingilterra/f’Wales qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk inti ma tkunx ġejt miżmum f‘kustodja jew ġejt illiberat fuq garanzija, inti liberu tmur lura f’pajjiżek. Madankollu tista’ ma tingħatax garanzija jekk il-prosekutur ikun talab li inti tibqa' fl-Ingilterra jew f’Wales sakemm titkompla l-investigazzjoni. Il-qorti tista' tagħtik garanzija bil-kondizzjoni li inti tibqa' fl-Ingilterra. Huwa reat jekk inti tikser din il-kondizzjoni. Jekk tiġi lliberat fuq garanzija għandek tagħti indirizz fir-Renju Unit fejn tkun tista' tiġi kkuntattjat. Dan jista’ jkun l-indirizz tal-avukat tiegħek.

Jekk jiena mort lura fl-Istat Membru tiegħi, għandi mmur lura l-Ingilterra/Wales qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Probabbilment. Għal ċerti seduti preliminari, jista’ jkun li l-avukat tiegħek jitlob biex inti ma tattendix, jew jista’ jkun possibbli li inti tipparteċipa permezz ta’ kollegament bil-vidjow.

Il-kawża tiegħi dejjem tasal għal proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kawża tiegħek mhux neċessarjament tinġieb quddiem qorti. Is-CPS jista’ jiddeċiedi li jwaqqa’ l-kawża jew jista’ jissuġġerixxi twissija kondizzjonali, li tista' tinkludi multa. Jekk inti taqbel ma' dan, inti tkun qiegħed taċċetta li wettaqt reat. Dan jitniżżel fil-kondotta tiegħek u inti ma tkunx tista' tappella.

X’tip ta’ evidenza tiġbor il-prosekuzzjoni?

Il-pulizija jinterrogaw lil xhieda u jistgħu wkoll jiġbru evidenza fiżika u forensika. Pereżempju, jistgħu jiġbru dokumenti mid-dar jew mill-post tax-xogħol tiegħek, jistgħu ifittxulek fil-karrozza jew jiġbru kampjuni tad-DNA tiegħek (eż. xagħar, bżieq eċċ.)

Nista’ nwaqqaf lill-prosekuzzjoni milli tiġbor ċertu evidenza?

Xi drabi l-pulizija jkollhom jottjenu mandat ta’ tfittxija, li jista’ jiġi kkontestat. Ġeneralment il-mandati għandhom ikunu speċifiċi dwar dak li wieħed jista’ jfittex għalih u għaliex. Jekk il-pulizija ma tikkonformax mal-mandat, hemmhekk l-evidenza miġbura tista' ma tkunx ammessa fil-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Tista’ tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-prosekuzzjoni tiġbor informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek, inklużi kundanni barra r-Renju Unit.

L-akkużi kontrija jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Iva. Dan jiddependi fuq il-valutazzjoni tal-evidenza min-naħa tal-prosekuzzjoni. L-avukat tiegħek jista' jitlob biex jinbidlu l-akkużi kontrik.

X’jiġri jekk jiena ġejt ipproċessat quddiem il-qorti kriminali għall-istess reat fi Stat Membru ieħor?

Jekk ittieħdet deċiżjoni finali minn qorti fi Stat Membru wieħed inti ma tistax terġa’ tiġi pproċessat għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor.

Nista’ niddikjara ruħi ħati qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, jekk inti trid tiddikjara ruħek ħati għall-akkuża/akkużi qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali tista’ tagħmel dan. Jekk tiddikjara ruħek ħati normalment is-sentenza tkun ħafna inqas severa milli kieku tkun ikkontestajt għall-proċess quddiem il-qorti kriminali. F’każ li tiddeċiedi li tiddikjara ruħek ħati, ġeneralment ma tkunx tista’ tappella kontra l-kundanna u dan jidher fil-kondotta tiegħek.

Links relatati

Att tal-1996 dwar il-Proċedura u l-Investigazzjonijiet Kriminali (kif emendat)

Att tal-2003 dwar il-Ġustizzja Kriminali (kif emendat)

Att tal-1984 dwar il-Pulizija u l-Evidenza Kriminali

Kodiċi tal-Prattika

Att tal-1976 dwar il-Garanzija (kif emendat)

Att tal-1985 dwar il-Prosekuzzjoni tar-Reati, taqsima 22 (kif emendat)

Att tal-2005 dwar il-Kriminalità Organizzata Serja u l-Pulizija

Att tas-sena 2000 dwar it-Terroriżmu

L-aħħar aġġornament: 01/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.