Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Imputati (proċeduri kriminali)

L-Ingilterra u Wales

Li tieħu parir legali indipendenti huwa importanti jekk tkun issuspettat jew akkużat b'delitt. Din l-iskeda informattiva tgħidlek kif issib avukat u min ikollu jħallas għalih.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Fl-għassa tal-pulizija

Jekk tiġi interrogat fl-għassa tal-pulizija għandek id-dritt li titlob għal parir legali, mingħajr ħlas, anke jekk ma tkunx ġejt arrestat. Tista' titlob lill-pulizija jikkuntattjaw ditta tal-għajnuna legali tal-għażla tiegħek jew inkella tista' titlobhom jikkuntattjaw lill-avukat tal-għassa - konsulent legali, indipendenti mill-pulizija, li jkun disponibbli 24 siegħa kuljum.  Għal ċerti reati, il-pariri jistgħu jingħataw minn fuq it-telefon mingħand konsulenti indipendenti. Għal reati aktar serji, il-konsulent legali jkun jista' jiġi miegħek l-għassa tal-pulizija.

Jekk tixtieq li jkollok avukat differenti, tista’ ssib wieħed permezz tal-Law Society, il-Kamra tal-Avukati, l-Uffiċċju tal-Konsulenza għaċ-Ċittadini jew is-Servizz tal-Konsulenza Legali Ċivili. Jekk tagħżel li ma tużax il-konsulent legali tal-għassa għandu mnejn ikollok tħallas xi spejjeż inti.

Jekk titlob li jingħatalek parir legali, il-pulizija ma tistax tinterrogak qabel ma tkun tkellimt mal-avukat. Jekk ma tixtieqx li jkollok avukat iżda mbagħad tbiddel fehmtek, tista’ titlob li jkollok wieħed, mingħajr ħlas, f’kull ħin.

Jekk mintiex miżmum fil-kustodja tal-pulizija

Jekk ma tkunx miżmum fil-kustodja tal-pulizija iżda tkun akkużat b’delitt, għandek tikkuntattja lil xi avukat malajr kemm jista’ jkun.  Jekk ma tafx avukat, tista’ ssib wieħed permezz tal-Law Society, il-Kamra tal-Avukati, l-Uffiċċju tal-Konsulenza għaċ-Ċittadini jew is-Servizz tal-Konsulenza Legali Ċivili. Għandek mnejn tkun tikkwalifika għal parir legali mingħajr ħlas skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek. Avukat ikun jista’ jgħidlek jekk tikkwalifikax jew le, iżda jkollok tipprovdi informazzjoni dwar il-finanzi tiegħek (pereż. ir-rendikont tas-salarju).

Is-servizzi mingħajr ħlas huma disponibbli biss mill-avukati li jagħmlu parti mill-iskema tal-Aġenzija tal-Konsulenza Legali jew, fl-ibliet fejn jeżisti, mis-Servizz tad-Difensur Pubbliku. Tista’ tiċċekkja liema avukati jagħmlu parti minn dawn l-iskemi billi tikkuntattja lill-Konsulenza Legali Ċivili..

Fil-Qorti

Jekk il-każ tiegħek jitressaq quddiem il-Qorti, għandek id-dritt li jkollok rappreżentanza legali. L-Għajnuna Legali għal Kawżi Kriminali tiggarantixxi pariri u rappreżentanza legali għal dawk li jkunu fi proċess quddiem il-Qorti Kriminali. Jekk ikunx bil-ħlas jew mingħajr jiddependi minn kemm tkun serja l-kawża u miċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek.  Jekk ma għandekx avukat, staqsi biex tiltaqa' mal-konsulent legali tal-għassa immedjatament malli tasal il-qorti.

Fil-Qorti tal-Maġistrati, jekk il-kawża tkun waħda serja, jingħataw pariri u rappreżentanza legali mingħajr ħlas; jekk ma tkunx serja, jista’ jkollok tħallas kontribuzzjoni għall-ispiża skont xi jkun il-każ tiegħek u skont l-età u l-introjtu tiegħek. Jista' jkollok rappreżentanza legali mingħajr ħlas jekk inti taħt it-18-il sena jew jekk tirċievi ċerti benefiċċji mill-istat. L-avukat tal-għassa fil-qorti jew xi membru tal-persunal tal-qorti jista' jispjegalek dan.

Jekk il-kawża tiegħek titressaq quddiem il-Crown Court int tkun intitolat għal parir u rappreżentanza legali. Jekk l-introjtu annwali disponibbli tal-unità domestika tiegħek ikun ta' £37 500 jew aktar, ma tkunx intitolat għal għajnuna legali.  Skont xi jkunu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek, taf tkun obbligat tħallas il-kontribuzzjonijiet għar-rappreżentanza legali tiegħek, ikkalkolati abbażi tal-introjtu u l-kapital tiegħek.

Jekk il-Crown Court ssib li m’intix ħati, jistgħu jingħatawlek lura l-ispejjeż. Jekk tinstab ħati, jista’ jkollok tikkontribwixxi għall-ispejjeż.

Links relatati

Aġenzija tal-Konsulenza Legali

Gwida dwar il-Law Society

Gwidi dwar l-Uffiċċju tal-Konsulenza għaċ-Ċittadini (ir-Renju Unit)

Għajnuna Legali għal Kawżi Kriminali

Kunsill Ġenerali għall-Ordni tal-Avukati

L-aħħar aġġornament: 01/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.