Imputati (proċeduri kriminali)

Danimarka

Huwa importanti ħafna li tieħu parir legali jekk b’xi mod jew ieħor tkun involut fi proċess kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkostanzi inti intitolat li tkun irrappreżentat minn avukat. Jgħidulek ukoll x’jagħmel għalik tali avukat Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif jitħallsu l-ispejjeż tal-avukat jekk inti ma tkunx tiflaħ tħallas għas-servizzi tal-avukat.

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

Kif issib avukat

Inti għandek id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat tal-għażla tiegħek. L-avukat għandu jkun intitolat li jidher quddiem il-qrati Daniżi. Tista’ ssib lista tal-avukati Daniżi kollha hawnhekk. Fuq dan is-sit elettroniku tista’ tara wkoll jekk avukat jispeċjalizzax fil-liġi kriminali, fil-liġi fiskali jew kwalunkwe fergħa oħra tal-liġi li tkun rilevanti għall-każ tiegħek.

Għal kull qorti fid-Danimarka, il-Ministeru tal-Ġustizzja Daniż ħatar grupp ta’ avukati lokali b’esperjenza speċjali f’każijiet kriminali. Dawn l-avukati huma avukati indipendenti li jmexxu l-uffiċċji legali privati tagħhom stess. Il-qorti tista’ tagħtik lista ta’ dawn l-avukati. Jekk ma titlobx avukat speċifiku, wieħed mill-avukati fuq din il-lista jintgħażel għall-każ tiegħek jekk inti tkun obbligat li tqabbad rappreżentant legali, pereżempju f’każ li l-pulizija jarrestawk.

Il-ħlas tal-avukat

Jekk il-qorti qabbdet avukat għalik, il-kont tiegħu jew tagħha normalment jitħallas mill-fondi pubbliċi. B’rabta mad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tistabbilixxi wkoll il-ħlas tal-avukat. Il-ħlas ikun iddeterminat fuq il-bażi ta’ rati użati mill-qrati fil-każijiet kriminali kollha li fihom ikun inħatar rappreżentant legali, irrispettivament minn jekk ikunx avukat li għażilt inti jew le.

Il-qorti tiddeċiedi wkoll min finalment ser iħallas il-kont tal-avukat. Jekk tinstab ħati, normalment inti jkollok tħallas l-ammont tal-ħlas lill-awtoritajiet pubbliċi (l-Istat tad-Danimarka). L-Istat ifittex li jirkupra kemm jista’ jkun mill-ammont li inti tkun tiflaħ tħallas.

Jekk tiġi lliberat, jew jekk is-sentenza tal-qorti tkun sostanzjalment aktar klementi minn dik mistennija mill-prosekutur, il-qorti normalment tordna lill-awtoritajiet iħallsu l-kont u l-ispejjeż tal-avukat. Il-qorti tista’ tagħżel ukoll li tħalli lill-awtoritajiet iħallsu parti mill-kont u l-ispejjeż tal-avukat. Dan jista’ jkun il-każ jekk is-smigħ tal-qorti ikun sar għalxejn minħabba ċirkostanzi li inti ma jkollokx kontroll fuqhom.

Inti tista’ tappella d-deċiżjoni dwar l-ammont tal-ħlas tal-avukat u r-responsabbiltà aħħarija għall-ħlas tiegħu quddiem il-qorti suprema fi żmien ġimagħtejn mid-deċiżjoni.

Mhuwiex possibbli li tapplika għal għajnuna legali bla ħlas fil-proċeduri kriminali, u għajnuna legali bħal din normalment ma tkunx koperta mill-poloz tal-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

Links relatati

Parti 66 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Daniża tal-Ġustizzja

Lista ta’ avukati fid-Danimarka

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna