Imputati (proċeduri kriminali)

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

L-Att dwar ir-Reati, jiddefinixxi “reat” bħala mġieba li tikser jew thedded l-interessi tas-soċjetà u li hija deskritta b’mod espliċitu bħala reat fl-Att jew liġi oħra.

Id-definizzjonijiet mogħtija hawn fuq jinsabu lkoll fl-Att dwar ir-Reati u l-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva u jintużaw fi proċedimenti għal reati.

Kif huma ttrattati l-vjolazzjonijiet tar-regoli tal-veloċità u tal-ipparkjar u reati oħra bħal dawn?

Ir-reati tat-traffiku huma ttrattati mill-awtorità muniċipali (tal-belt).

Ċerti reati u s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-awtorità muniċipali huma:

  • reati tar-regoli tal-veloċità huma normalment trattati permezz tal-impożizzjoni ta’ multa li tvarja bejn CZK 1000 sa CZK 10 000, skont kemm ikun gravi r-reat. Tista’ tiġi imposta wkoll projbizzjoni tas-sewqan li tvarja bejn xahar u sena.
  • reati oħra tat-traffiku huma ppenalizzati b’multi fuq skala li tiddependi mis-serjetà tagħhom minn CZK 1,500 sa 10,000 u projbizzjoni possibbli fuq is-sewqan sa massimu ta’ sena;
  • ksur tal-Att dwar it-Traffiku fit-Toroq billi jiġi kkawżat inċident li jirriżulta fil-mewt jew korriment ta’ persuna, jista’ jwassal għal multa minn CZK 25,000 sa CZK 50,000 u projbizzjoni tas-sewqan għal perjodu ta’ bejn sena u sentejn.

X’inhi l-proċedura ta’ trattament ta’ reat?

Proċedimenti b’ċitazzjonijiet (kupuni)
Dan huwa reat inqas gravi li jkun ġie muri b’mod affidabbli u li għalih ma tkunx biżżejjed twissija. Jekk inti lest li tħallas multa inqas, dan jista’ jiġi ttrattat minn awtorità li tispezzjona t-traffiku (jew anki l-pulizija) billi timponi multa ta’ ċitazzjoni (kupun) fuq il-post.

Proċedimenti ta’ reati standard
Ir-reati huma aġġudikati fuq il-bażi ta' proċedimenti uffiċjali. Il-bidu ta' proċedimenti bħal dawn huwa rapport ta' reat minn awtorità statali, il-pulizija, awtorità muniċipali, jew minn entità legali jew ċittadin.

L-awtorità muniċipali tista' tissottometti l-każ lil awtorità oħra qabel il-bidu tal-proċeduri. Jekk il-fatti jindikaw li dan jikkonċerna delitt, il-każ jiġi sottomess lill-prosekutur pubbliku.

Inti tkun parti fil-proċedimenti fil-kapaċità tiegħek bħala l-persuna akkużata. Il-vittma tkun parti wkoll, jekk ikun hemm bżonn li jiġi diskuss il-kumpens għad-danni kkawżati mir-reat. Fl-aħħar nett, is-sid ta’ oġġett jew oġġett li kien jew jista’ jiġi kkonfiskat (pereżempju, is-sid ta’ vettura) ukoll ikun parti.

Inti tiġi akkużat bir-reat hekk kif l-ewwel att proċedurali jinħareġ kontrik.

Inti intitolat li:

  • tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar l-atti kollha li int akkużat bihom u l-provi li jsostnu dawn l-akkużi;
  • tirrifjuta li tixhed;
  • tikkontesta l-fatti u tipproponi evidenza għad-difiża tiegħek;
  • tissottometti petizzjonijiet;
  • tissottometti rimedji.

Isiru seduti orali u l-awtorità muniċipali tħejji rapport. Tiġi mistoqsi domandi waqt is-seduta u inti tista’ tinforza d-drittijiet tiegħek (kif stabbilit hawn fuq). Ir-rapport isir parti mill-atti tal-proċess. L-awtorità muniċipali tgħidlek biex teżamina d-dokumenti li jinsabu fil-fajl qabel ma toħroġ id-deċiżjoni tagħha. Int intitolat li tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar dawn id-dokumenti.

Tmiem tal-proċeduri għal reat:

  • meta l-proċedimenti jitwaqqfu għar-raġunijiet stipulati fl-Att dwar ir-Reati (pereżempju, l-att ma jkunx reat, int ma tkunx wettaqt ir-reat, sanzjoni tkun insinifikanti ħdejn il-piena li ser tiġi imposta fuqek għal att differenti fi proċeduri kriminali, u raġunijiet simili); jew
  • meta tingħata deċiżjoni fejn inti tinstab ħati ta’ reat u timponi sanzjoni kontrik.

Jistgħu ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jiġu mħarrka għal dawn ir-reati?

Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jistgħu jiġu pproċessati bl-istess mod bħaċ-ċittadini Ċeki.

Nista’ nappella?

Inti għandek id-dritt għal appell sħiħ. Madankollu, ma jistax isir appell kontra multa imposta fi proċedimenti b’ċitazzjonijiet (kupuni).

Deċiżjoni kkontestata permezz ta’ appell ma tistax tiġi eżiġwita qabel ma awtorità superjuri tkun iddeċidiet l-appell.

L-appell tiegħek għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità amministrattiva (ġeneralment l-awtorità muniċipali) fi żmien ħmistax-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.

Dawn ir-reati jistgħu jitniżżlu fil-kondotta tiegħi?

Le.

Links relatati

Reati tat-Traffiku

L-aħħar aġġornament: 03/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna