Imputati (proċeduri kriminali)

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Nista’ nappella?

Iva, tista’ tappella l-verdett fil-kawża tiegħek jekk kien hemm żbalji fil-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw direttament lilek. Inti tista’ tappella verdett ta’ ħtija, is-sentenza u/jew il-kumpens mogħti, jew tista’ tappella l-konstatazzjonijiet kollha tal-qorti tal-prim' istanza. Int għandek tippreżenta appell:

  • bil-miktub;
  • fil-qorti li tat il-verdett;
  • fi żmien tmint ijiem min-notifika tal-kopja tal-verdett (jekk il-kopja tintbagħat kemm lilek kif ukoll lill-avukat tad-difiża tiegħek, il-limitu ta’ żmien huwa kkalkulat mill-aħħar data taż-żewġ notifiki).

L-appell tiegħek għandu juri biċ-ċar liema aspetti tal-verdett qiegħed tappella, kif ukoll id-difetti speċifiċi fil-verdett u/jew proċeduri ta’ qabel. Tista’ tappella wkoll mingħajr raġunijiet speċifiċi billi tissottometti applikazzjoni lill-imħallef li jippresjedi l-qorti tal-prim' istanza, fejn titolbu jestendi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tar-raġunijiet speċifiċi.

X’inhuma r-raġunijiet għal appell?

Inti tista’ tagħmel appell ibbażat fuq żbalji fi kwalunkwe konstatazzjoni fil-verdett li għandhom x’jaqsmu direttament miegħek jew minħabba li konstatazzjoni partikolari ma kinitx inkluża fil-verdett. Tista’ wkoll tibbaża l-appell tiegħek fuq fatti u provi ġodda.

X’jiġri jekk nappella?

Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti tal-appell, il-verdett ma jidħolx fis-seħħ u/jew ma jsirx eżegwibbli. Jekk inti tkun qed tinżamm f’kustodja, inti ma tiġix rilaxxat awtomatikament sempliċement għax ippreżentajt appell.

X’jiġri fis-seduta tal-appell?

Il-qorti tal-prim' istanza teżamina jekk l-appell tiegħek ikunx fih l-informazzjoni kollha meħtieġa. Jekk le, il-qorti tgħid lilek u lill-avukat tad-difiża tiegħek sabiex tirrimedjaw dawn in-nuqqasijiet fil-limitu ta’ żmien ta’ ħamest ijiem (tmint ijiem jekk inti m’għandekx avukat tad-difiża, u l-imħallef li jippresjedi jipprovdi istruzzjonijiet direttament lilek).

Kopja tal-appell u r-raġunijiet tiegħu tingħata lill-partijiet l-oħra involuti fil-kawża u l-proċess kollu jiġi ppreżentat lill-qorti tal-appell.

Il-qorti reġjonali superjuri tiddeċiedi appell kontra l-verdett ta’ qorti distrettwali u l-Qorti Suprema tiddeċiedi appell kontra l-verdett ta’ qorti reġjonali.

Wara l-bidu tal-proċeduri quddiem il-qorti tal-appell, tiġi ppreżentata s-sentenza kkontestata u jiġi sottomess rapport dwar il-kawża.

Imbagħad inti tippreżenta l-appell u tiġġustifika dan. Jekk la int u lanqas l-avukat tad-difiża tiegħek ma jkun preżenti, dan se jsir mill-imħallef li jippresjedi.

Sussegwentement, il-prosekutur pubbliku u kull min jista’ jkun affettwat direttament bid-deċiżjoni tal-qorti tal-appell għandhom jippreżentaw l-argumenti tagħhom.

Ladarba l-petizzjonijiet jiġu ppreżentati, il-qorti tal-appell teżamina l-provi meħtieġa biex issir deċiżjoni dwar l-appell, ħlief jekk reviżjoni tal-evidenza tkun tant estensiva, li dan ikun ifisser li l-ħidma preċedenti tal-qorti tal-ewwel istanza tiġi rduppjata.

Il-qorti tal-appell tista’:

  • tirrifjuta l-appell (jekk l-appell ma jkunx raġonevoli, jekk kien hemm dewmien, ġie ppreżentat minn persuna mhux awtorizzata, jew raġunijiet simili), iżda dan dejjem isir f’seduta pubblika;
  • tirrifjuta l-appell (jekk il-kontenut tagħha ma jissodisfax il-ħtiġiet għal appell);
  • tinterrompi l-prosekuzzjoni kriminali;
  • tannulla l-verdett kkontestat jew parti minnu u:
  • tiddeċiedi li tippreżenta l-kawża għal deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti;
  • tittrasferixxi l-kawża lil awtorità differenti;
  • twaqqaf il-prosekuzzjoni kriminali (jekk il-qorti tal-prim’istanza jmissha diġà tkun għamlet hekk);
  • tinterrompi l-prosekuzzjoni kriminali (jekk il-qorti tal-prim’istanza jmissha diġà tkun għamlet hekk);

Din tista’ tannulla l-verdett kkontestat ukoll minħabba difetti fundamentali fil-proċedura;

  • difetti  fil-verdett (ambigwità, konstatazzjonijiet mhux kompluti fil-kawża);
  • dubji dwar l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet fil-kawża jew il-provi għandhom ikunu replikati;
  • ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali;
  • inadegwatezza tas-sentenza;
  • deċiżjoni żbaljata dwar l-intitolament tal-vittma.

Wara li tiġi annullata, il-qorti tal-appell:

  • tirritorna l-kawża lill-qorti tal-prim’istanza;
  • tiddeċiedi dwar il-verdett fil-kawża dejjem f’seduta pubblika; jew
  • twaqqaf il-prosekuzzjoni kriminali

X’jiġri jekk l-appell ma jintlaqax?

Sakemm il-prosekutur appella kontra l-verdett, il-qorti tal-appell ma tistax tieħu deċiżjoni li tista’ tagħmel is-sitwazzjoni tiegħek agħar.

Meta tkun finali l-kundanna?

Jekk il-qorti tal-appelli ma tirritornax  il-kawża lill-qorti tal-prim’istanza, bid-deċiżjoni tagħha tintemm il-kawża u ssir finali malli d-deċiżjoni tiġi ddikjarata. Il-verdett tal-qorti tal-prim’istanza jsir finali wkoll sakemm ma jiġix ippreżentat appell kontra minnufih.

Ladarba l-verdett ikun fis-seħħ tista’ tiprpeżenta:

  • appell straordinarju;
  • mozzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex tibgħat ilment għall-ksur tal-liċi lill-Qorti Suprema;
  • applikazzjoni għall-permess ta’ tiġdid tal-proċedimenti;

Jekk l-ewwel deċiżjoni tiġi mħassra, se nirċievi xi kumpens?

Tista’ tagħmel talba lill-Ministeru tal-Ġustizzja għal kumpens skont l-Att dwar id-dannu kkawżat minn awtorità pubblika.

Jekk l-appell tiegħi jirnexxi, se jinżamm rekord tal-kundanna?

Ir-rekords tal-kundanna jsiru biss wara li l-verdett ikun sar finali. Ladarba l-verdett ta’ ħati jsir finali, jitniżżel rekord fir-reġistru kriminali. Jekk rimedju straordinarju jirnexxi, dan ir-rekord mbagħad jitħassar.

Jiena minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura lejn l-istat tiegħi wara l-proċess?

Iva, tista’ tiġi estradit biex tiskonta s-sentenza jekk il-ħin li jifdal ikun ta’ mill-inqas 4 xhur.

L-awtorità rilevanti tal-pajjiż ikkonċernat għandha titlob l-estradizzjoni u din għandha tkun konsistenti mar-regoli u l-obbligi kostituzzjonali, u mat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali.

Il-qorti tista’ tordna wkoll l-estradizzjoni tiegħek bħala parti minn verdett ta’ ħtija.

Nista’ nappella d-deċiżjoni biex nintbagħat lura lejn pajjiżi?

Inti tista’ tappella d-deċiżjoni meta tasal in-notifika biex tiskonta s-sentenza. Tista’ tappella kontra s-sentenza tal-estradizzjoni.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ niġi akkużat bl-istess delitt?

Le, lanqas fi Stati Membri oħra, sakemm ma jingħatax il-permess biex jerġgħu jinfetħu l-proċeduri.

L-informazzjoni dwar l-akkuża u/jew il-kundanna titniżżel fil-fedina penali tiegħi?

Iva, ir-Reġistru Kriminali jżomm rekords tal-kundanni legali. Il-qrati jipprovduh b’dik l-informazzjoni. L-informazzjoni tinżamm għal mitt sena mid-data tat-twelid tiegħek.

Jekk il-kundanna titneħħa, l-informazzjoni ma tidhirx fir-Reġistru Kriminali. Inti tista’ tikseb kopja tar-Reġistru billi tagħmel talba. Skont kemm tkun serja l-kundanna, tista’ titneħħa fil-limiti taż-żmien stabbiliti fil-liġi. Dawn ivarjaw minn sena wara li tingħata s-sentenza, sa ħmistax-il sena.

L-informazzjoni tinżamm bil-kunsens tiegħek jew mingħajru.

Nista’ noġġezzjona għaż-żamma tal-informazzjoni?

Tista’ tippreżenta kawża amministrattiva fil-Qorti Muniċipali ta’ Praga.

Links relatati

Liġi Kriminali għall-Pubbliku Ġenerali

Ministeru tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 03/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna