Imputati (proċeduri kriminali)

Repubblika Ċeka

Din l-Iskeda informattiva tiddeskrivi d-drittijiet tiegħek waqt il-proċess quddiem qorti kriminali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Drittijiet Fundamentali

Waqt il-proċeduri kriminali inti intitolat li

  • tistenna li l-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali jaħdmu malajr kemm jista’ jkun u li jikkonformaw kompletament mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħek;
  • titlob lill-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali biex jipproċedu sabiex b’hekk ma jista’ jkun hemm ebda dubju raġonevoli dwar il-fatti essenzjali biex tittieħed deċiżjoni tajba. Dawn għandhom jagħtu attenzjoni ugwali fl-evalwazzjoni tal-provi favurik u kontrik;
  • tingħata struzzjonijiet mill-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali dwar id-drittijiet tiegħek u jkollok l-opportunità li tinforza dawk id-drittijiet bis-sħiħ;
  • tesprimi opinjoni dwar l-akkużi kollha kontrik u l-evidenza tagħhom;
  • tirrifjuta li tixhed;
  • teżamina fajls, tikseb estratti u tieħu noti, u tagħmel kopji bi spejjeż tiegħek;
  • tipparteċipa fid-diskussjoni tal-każ waqt il-proċess u s-sessjonijiet pubbliċi li saru matul l-appell;
  • tagħmel dikjarazzjoni ta’ għeluq matul il-proċess u f’sessjoni pubblika matul l-appell kif ukoll id-dritt li tippreżenta petizzjoni finali;
  • tippreżenta ċirkostanzi u evidenza għad-difiża tiegħek;
  • tagħmel petizzjonijiet (wara li teżamina l-evidenza u l-metodi tad-deċiżjoni) u tibgħat applikazzjonijiet;
  • tippreżenta rimedji (ordinarji, jiġifieri lment; appell, protesta, u petizzjoni straordinarja għat-tiġdid ta’ proċeduri; tibda lment kontra ksur tal-liġi; u appell
  • tagħżel avukat tad-difiża (jekk ma tagħżilx wieħed int, jista’ jintgħażel wieħed minn membru tal-familja jew persuna oħra li tipparteċipa) u titlob il-parir tiegħu jew tagħha anki matul azzjonijiet li twettaq biss l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali;
  • titkellem mal-avukat tad-difiża tiegħek fil-privat jekk tkun qed tinżamm f’kustodja jew qed tiskonta sentenza fil-ħabs;
  • titlob li tiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek u li dan jipparteċipa f’partijiet oħra tal-proċess ta’ tħejjija;
  • tuża l-lingwa tiegħek jew lingwa oħra li titkellem quddiem l-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali, jekk inti tiddikjara li ma titkellimx biċ-Ċek.

Proċess quddiem il-qorti

Diskussjoni preliminari tal-akkuża

Jekk akkuża tiġi ppreżentata, din għandha tiġi eżaminata mill-imħallef li jippresjedi li għandu jikkunsidra jekk tkunx meħtieġa diskussjoni preliminari, jew jekk jistax jiġi ordnat li jsir proċess quddiem qorti kriminali.

Ir-riżultat tad-diskuzzjoni preliminari tal-akkuża jista’ jkun deċiżjoni tal-qorti dwar:

  • is-sottomissjoni tal-każ għal deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni;
  • is-sottomissjoni tal-każ lil awtorità oħra (jekk dan ma jkunx delitt iżda jista' jkun reat, eċċ.);
  • it-twaqqif tal-prosekuzzjoni kriminali;
  • is-sospensjoni tal-prosekuzzjoni kriminali;
  • ir-ritorn tal-każ lill-prosekutur pubbliku għal investigazzjoni ulterjuri;
  • is-sospensjoni kundizzjonali tal-prosekuzzjoni kriminali jew l-approvazzjoni ta’ arranġament

Fejn isir il-proċess?

Skont kemm ikun serju d-delitt, il-proċess tal-ewwel istanza ssir quddiem il-qorti distrettwali jew reġjonali li jkollha ġurisdizzjoni fil-post fejn twettaq id-delitt, jew fid-domiċilju tal-persuna akkużata, jew fil-post fejn ġie identifikat id-delitt.

Il-proċess jista’ jkun wieħed pubbliku?

Iva, il-proċess jista’ jsir fil-pubbliku. Madankollu l-pubbliku jista’ jiġi eskluż f’ċerti każijiet.

Min jiddeċiedi l-kawża?

Il-kawża tiġi deċiża minn grupp ta’ imħallfin jew imħallef wieħed.

Nista’ nqajjem oġġezzjonijiet kontra l-imħallef?

Iva, ara l-Iskeda informattiva 2.

Jistgħu jinbidlu l-akkużi waqt il-proċess?

Il-proċess isir biss biex jiġi deċiż l-att deskritt fl-akkuża. Madankollu, jekk isir evidenti li inti wettaqt atti oħra, waqt id-diskussjoni preliminari tal-akkuża jew fi tmiem il-proċess, jista’ jiġi deċiż li l-każ jiġi rritornat lill-prosekutur pubbliku għal investigazzjoni ulterjuri.

L-akkuża riveduta jkun fiha l-allegazzjonijiet il-ġodda. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-att li bih inti akkużat għandu jiġi impost b’mod iktar moderat jew sever milli l-prosekutur pubbliku.

X’jiġri jekk jien inwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew uħud minnhom matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk inti twieġeb ħati, il-qorti xorta teżamina u tevalwa x-xiehda ta’ dawk il-persuni li xehdu favurik.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess?

Ara Drittijiet Fundamentali fil-bidu ta’ din l-iskeda. Jeżistu drittijiet speċifiċi ulterjuri li japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi proċedurali.

Għandi għalfejn inkun preżenti fil-proċess?  Tista’ tinstema’ mingħajr il-preżenza tiegħi?

Il-proċess jista’ jsir fin-nuqqas tiegħek, iżda mhux jekk:

  • tkun qed tinżamm f’kustodja;
  • tkun qed tiskonta sentenza fil-ħabs;
  • il-każ jinvolvi delitt li għalih inti tista’ tiġi kkundannat għal priġunerija ta’ iktar minn 5 snin. Madankollu inti m’għandekx għalfejn tkun preżenti waqt il-proċess anki għal dan it-tip ta’ każ jekk inti titlob lill-qorti biex tmexxi l-proċess fin-nuqqas tiegħek.

F’każijiet fejn tkun meħtieġa difiża, (ara l-Iskeda informattiva 1) il-proċess ma jistax jinstema’ mingħajr il-preżenza ta’ avukat tad-difiża.

Jekk jien ngħix fi Stat Membru ieħor, nista’ nipparteċipa permezz ta’ konferenza bil-vidjo?

Mhuwiex possibbli li tipparteċipa fi proċess b'dan il-mod.

Għandi nkun preżenti matul il-proċess kollu?

Għandek tkun preżenti matul il-proċess kollu. Inti m’għandekx għalfejn tkun preżenti għal proċeduri li jsiru barra mill-proċess, madankollu, inti jew l-avukat tad-difiża tiegħek għandkom id-dritt li tipparteċipaw fihom jekk tixtiequ.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nifhimx x’inhu jiġri?

Iva, ara Drittijiet Fundamentali fil-bidu ta’ din l-iskeda informattiva.

Bilfors irid ikolli avukat? Niġi pprovdut b’avukat? Nista’ nibdel l-avukat tiegħi?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jispeċifika l-każijiet li jeħtieġu difiża. Ara l-Iskeda Informattiva 1.

Nista’ jew għandi nitkellem fil-proċess?

Matul il-proċess inti intitolat għal difiża, jiġifieri li tiddefendi ruħek jew li tagħmel dan permezz tal-avukat tad-difiża tiegħek. Matul il-proċess kollu l-qorti tippermetti lilek jew lill-avukat tad-difiża tiegħek biex tesprimu opinjoni dwar l-istadji proċedurali kollha li jseħħu. Inti m’għandekx għalfejn tuża d-dritt tiegħek li tiddefendi ruħek u tista’ tirrifjuta li tixhed.

X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma ngħidx il-verità waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Bħala l-persuna akkużata, inti mintix obbligat li tgħid il-verità fil-qorti. Madankollu, jekk inti intenzjonalment tiddikjara fatti inkorretti sabiex titfa’ prosekuzzjoni kriminali fuq  xi ħadd ieħor, inti tista' aktar tard tiġi akkużat b’libell.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi rigward l-evidenza kontra tiegħi?

Inti intitolat li tesprimi opinjoni dwar il-provi u tipproponi provi addizzjonali jew li tipproponi provi ta’ sostenn għad-difiża tiegħek.

Tingħatalek opportunità matul dikjarazzjoni ta’ għeluq biex tesprimi l-opinjoni tiegħek fuq il-provi wara li jiġi eżaminat kull element individwali tal-provi.

X’tip ta’ provi nista’ nressaq f’ismi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Minbarra x-xhieda tiegħek, inti tista’ tressaq provi li jirribattu jew inaqqsu l-ħtija tiegħek, inklużi pereżempju s-smigħ ta’ xhieda, kontestazzjoni tal-provi, identifikazzjoni ta’ xhieda, rikostruzzjoni tal-post tad-delitt, is-smigħ ta’ esperti, evidenza dokumentarja, tfittxija, u oħrajn.

Inti intitolat li tipproponi lill-qorti li din l-evidenza għandha tiġi eżaminata. Il-qorti tiddeċiedi jekk tagħmilx dan jew le. Hekk kif l-imħallef li jippresjedi jiddikjara li l-provi huma kompluti, ebda prova oħra ma tista’ tiġi ppreżentata fil-proċess.

Nista’ nuża investigatur privat biex nikseb provi?

Huwa possibbli li tuża s-servizzi ta’ investigatur privat.Madankollu, dan għandu jaġixxi skont il-liġi sabiex il-provi li jikseb ikunu jistgħu jintużaw fil-proċess. L-investigatur privat ma jistax jinfluwenza lix-xhieda.

Nista’ nitlob lix-xhieda biex jitkellmu għalija?

Inti tista’ tipproponi li ċertu persuna tiġi eżaminata jekk taħseb li l-evidenza tal-persuna se tkun ta’ benefiċċju għall-każ tiegħek. Iżda ma tistax tinfluwenza lix-xhieda.

L-informazzjoni dwar il-fedina penali tiġi kkunsidrata?

Il-fedina penali tiegħek tista’ tiġi kkunsidrata waqt l-għoti tas-sentenza, kemm-il darba l-kundanna ma tkunx skadiet.

X’jiġri fi tmiem il-proċess?

Il-proċess jista’ jintemm bil-modi li ġejjin:

  • il-każ jista’ jiġi rritornat lill-prosekutur pubbliku għal iktar investigazzjoni;
  • jekk l-att ma jkunx delitt iżda jista’ jkun reat, il-każ jista’ jiġi ttrasferit. Il-prosekuzzjoni kriminali tista’ tiġi mwaqqfa;
  • il-prosekuzzjoni kriminali tista’ tiġi mwaqqfa kundizzjonalment, jew jista’ jiġi approvat arranġament;
  • il-qorti tista’ tagħti verdett ta' ħtija jew tilliberak.

Sentenzi, drittijiet tal-vittma

X’sentenza għandi ningħata?

Skont il-Kodiċi Kriminali jekk twettaq delitt, tista’ tiġi kkundannat kif ġej:

  • priġunerija, li, sakemm il-liġi ma tiddikjarax speċifikament mod ieħor, tista’ tkun mhux kundizzjonali, kundizzjonali jew kundizzjonali b’sorveljanza. Sentenza eċċezzjonali hija possibbli wkoll. Din hija sentenza ta’ priġunerija ta’ iktar minn għoxrin sena sa tletin sena, jew sentenza ta’ priġunerija għall-għomor;
  • arrest fid-dar,
  • servizz komunitarju,
  • konfiska tal-proprjetà,
  • penali finanzjarja,
  • konfiska ta’ oġġett jew assi oħra,
  • projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet,
  • projbizzjoni residenzjali,
  • projbizzjoni fuq dħul għal avvenimenti sportivi, kulturali jew soċjali oħra,
  • telf ta’ titli onorarji jew premji,
  • telf ta' grad militari,
  • deportazzjoni.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-vittma, jiġifieri, il-persuna li saritilha l-ħsara, li sofriet danni fil-proprjetà, fuq persuntha jew dannu ieħor minħabba delitt, hija intitolata:

  • li tiġi rrappreżentata bi prokura; jekk il-vittma turi li m’għandhiex fondi, tista’ tingħatalha għajnuna legali minn avukat;
  • tagħmel petizzjonijiet għal evidenza ulterjuri;
  • teżamina l-fajls;
  • tipparteċipa fil-proċess u f’sessjoni pubblika waqt appell;
  • tesprimi opinjoni dwar il-każ qabel it-tmiem tal-proċess;
  • jekk il-vittma tkun intitolata skont il-liġi għal kumpens għad-danni, u l-verdett ikun ta’ ħtija, il-vittma tista’ titlob lill-qorti biex tordna lill-persuna akkużata biex tħallas kumpens. Il-petizzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn qabel il-bidu tal-preżentazzjoni tal-provi fil-proċess;
  • jekk il-vittma tkun f’periklu potenzjali minħabba l-liberazzjoni tal-akkużat jew tal-persuna kkundannata, il-vittma hija intitolata li titlob informazzjoni minn qabel meta l-akkużat jiġi lliberat, ikun ħarab jew ċirkostanzi simili oħra.

Links relatati

Ministeru tal-Ġustizzja

Liġi Kriminali għall-Pubbliku Ġenerali

Għajnuna lill-vittmi ta’ delitt

L-aħħar aġġornament: 03/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna