Imputati (proċeduri kriminali)

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Liema huma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

Il-proċess ta’ tħejjija huwa maħsub biex jiġi eżaminat jekk sarx delitt u min x’aktarx li kien l-awtur (l-istadju tal-analiżi) u wara dan sabiex jinġabru l-provi u jitħejja l-każ għall-qorti (l-istadju tal-investigazzjoni).

Il-proċess ta’ tħejjija jitwettaq mill-Pulizija li huma ssorveljati fil-ħidma tagħhom mill-prosekutur pubbliku li jiddeċiedi jekk il-proċess ikunx sar kif suppost.

Ċerti azzjonijiet jistgħu jitwettqu biss mill-prosekutur pubbliku jew huma soġġetti għad-deċiżjoni tiegħu (bħat-tmiem tal-proċess ta’ tħejjija), filwaqt li l-imħallef għandu l-awtorità li jiddeċiedi dwar ċerti azzjonijiet oħra (bħat-teħid f’kustodja, l-arrest, it-tfittxija fid-dar, u s-smigħ tat-telefonati tal-persuna ssuspettata).

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex tikseb aktar informazzjoni dettaljata dwar l-istadji tal-investigazzjoni qabel il-proċess quddiem qorti kriminali.

Proċedura qabel il-bidu ta’ prosekuzzjoni kriminali – eżami (1)

X’inhu l-iskop tal-eżami?

Sabiex tiġi stabbilita n-natura ta’ delitt u min ikun l-awtur tiegħu, il-pulizija tista’:

  • tieħu stqarrijiet
  • tikseb opinjonijiet esperti
  • tikkunsidra dokumenti
  • tfittex oġġetti u tagħmel tiftix fuq il-post tad-delitt
  • toħloq rekords, tieħu marki tas-swaba’, kejl tal-ġisem, tfittex fuq il-persuna ssuspettata
  • twettaq atti urġenti
  • iżżomm lill-persuni ssuspettati taħt arrest
  • tuża proċeduri investigattivi oħra kif xieraq.

L-eżami jintemm b’deċiżjoni biex tinbeda prosekuzzjoni kriminali ta’ persuna speċifika jew b’modi varji oħra (aġġornament, aġġornament temporanju, sottomissjoni tal-każ għal deċiżjoni barra l-qorti).

X’inhuma l-limiti ta’ żmien għal dan l-istadju?

Il-limitu ta’ żmien huwa xahrejn, tliet xhur, jew sitt xhur skont kemm ikun serju l-każ. Jekk ma jkunx possibbli li jitlesta l-eżami, il-prosekutur pubbliku jista’ jibdel jew jestendi l-limitu ta’ żmien ibbażat fuq ġustifikazzjoni bil-miktub.

X’jingħad lili dwar x’ikun qed jiġri?

Inti ma tiġix infurmat dwar dak li jkun qed jiġri f’dan l-istadju qabel ma jkollok bżonn li tkun involut direttament fil-proċedura.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nkunx nitkellem il-lingwa?

F’każ li tintalab tagħti spjegazzjoni ta’ ċerti avvenimenti, il-pulizija tipprovdilek interpretu li jinterpreta l-mistoqsijiet, it-tweġibiet tiegħek u mbagħad jinterpreta r-rapport bil-miktub qabel ma tiġi mitlub biex tiffirmah.

F’liema stadju nkun nista’ nkellem avukat?

Inti tista’ titlob avukat biex ikun preżenti għall-ispjegazzjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ avukat f’dan l-istadju mhijiex obbligatorja u ma jinħatarx avukat għalik jekk inti stess ma tiddeċidix li tikkuntattja wieħed. Tista’ titlob il-parir ta’ avukat iżda mhux dwar kif titwieġeb mistoqsija li diġà tkun saritlek. Inti għandek iġġib l-interpretu tiegħek f’dan l-istadju sabiex jgħin lilek u lill-avukat tiegħek.

Nintalab informazzjoni? Għandi nipprovdi informazzjoni?

F’dan l-istadju il-pulizija tista’ titolbok spjegazzjoni tal-fatti li tkun qed tinvestiga. Huwa d-dmir tiegħek li tipprovdi spjegazzjoni vera. Inti tista’ tirrifjuta li tipprovdi spjegazzjoni jekk l-istqarrija tiegħek tista’ twassal biex jittieħdu passi kriminali kontrik (jew kontra persuna li tiġi minnek). Inti tista’ tirrifjuta wkoll jekk tkun qed tikser obbligu ta’ kunfidenzjalità.

X’jiġri jekk jien ngħid xi ħaġa li tista’ tippreġudika l-każ tiegħi?

L-istqarrija tiegħek tintuża biss sabiex jiġi deċiż jekk tinbediex prosekuzzjoni kriminali kontra persuna speċifika għal delitt speċifiku. Jekk jinbdew il-procedimenti kriminali, l-istqarrija tiegħek titqies bħala prova biss jekk tkun ingħatat kmieni u ma setgħetx tiġi ripetuta iktar tard. Barra minn hekk, għandha tkun ġiet mogħtija quddiem imħallef. Inkella, ix-xhieda tiegħek ikollha tingħata mill-ġdid, fi stadju iktar tard tal-proċeduri kriminali (bħala regola, quddiem qorti).

Nista’ nikkuntattja membru tal-familja jew ħabib?

Fuq talba tiegħek, i-pulizija għandha tinfurma lil wieħed mill-qraba tiegħek jew xi ħabib li inti tkun miżmum taħt arrest, sakemm dan ma jfixkilx l-investigazzjoni tal-pulizija, u ma jkunx wisq diffiċli.

Jista’ jinvistani tabib jekk ikolli bżonn wieħed?

Il-pulizija għandha torganizza eżami mediku u tikseb dikjarazzjoni ta’ tabib dwar il-kundizzjoni medika tiegħek meta tippreżenta ruħek għall-eżami jew tiġi arrestat. Inti għandek tinħeles minnufih jekk it-tabib jordna dan u l-pulizija, jekk ikun meħtieġ, għandha tieħdok f’faċilità medika.

Nista’ nikkuntattja lill-ambaxxata tiegħi jekk inkun ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Inti tista’ titlob li tuża d-dritt li tikkuntattja l-ambaxxata tiegħek u jkollok diskussjonijiet privati ma’ rappreżentant tal-Ambaxxata f’kull stadju tal-proċeduri kriminali.

Jiena ngħix f'pajjiż ieħor. Għandi għalfejn inkun preżenti matul l-investigazzjoni?

L-imħallef jista’ jordna li inti tiġi mismugħ qabel titlaq mill-pajjiż, jekk dan ikun essenzjali għall-każ u jista’ jimpedixxi li tintilef xi prova. Inti tista’ tiġi mismugħ ukoll wara li titlaq mill-pajjiż jekk issir talba lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż fejn inti tgħix.

Nista’ nintbagħat lura lejn pajjiżi?

Mhux f’dan l-istadju.

Ninżamm f’kustodja jew niġi meħlus?

Jekk il-preżenza tiegħek tkun meħtieġa, inti titressaq quddiem il-qorti jew tinżamm taħt arrest. Jekk, wara dan, ma tinħariġx akkuża kontra tiegħek jew ma titressaqx quddiem imħallef fi żmien 48 siegħa minn meta tkun ġejt arrestat, int għandek tiġi meħlus.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż matul l-investigazzjoni?

Iva.

Niġi mitlub nagħti marki tas-swaba’, kampjuni tad-DNA tiegħi (eż. xagħar, bżieq), jew fluwidi oħra tal-ġisem?

Jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi stabbilita l-identità tiegħek jew biex jiġi vverifikat jekk hemmx traċċi fuq il-ġisem tiegħek mid-delitt, jew jekk dan ikun meħtieġ għall-evidenza, jistgħu jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek, kampjun tad-DNA, demm, materjal bijoloġiku, jew il-kejl fuq barra ta’ ġismek, jew tfittxija fuq il-ġisem, jew jistgħu jsiru affarijiet simili.

Kwalunkwe reżistenza fiżika min-naħa tiegħek tista’ tiġi megħluba bil-kunsens tal-prosekutur pubbliku. Jekk int tirrifjuta, tista’ teħel multa sa CZK 50,000.

Jekk l-informazzjoni li tinkiseb b’dan il-mod ma tibqax meħtieġa għal proċeduri ulterjuri, jew għall-fini ta’ prevenzjoni, it-tiftix għal u l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet kriminali, din għandha tinqered.

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew għal uħud minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk l-ammissjoni tal-ħtija tiegħek tkun kredibbli, tista’ tikkostitwixxi raġuni għall-bidu ta’ prosekuzzjoni kriminali jew għal deċiżjoni dwar proċeduri sommarji.

Nirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda li xehdu kontra tiegħi u dwar provi oħra?

F’dan l-istadju tal-proċeduri ma tirċevix din l-informazzjoni.

Tista’ tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva, il-pulizija tikseb kopja tal-kondotta tiegħek.

Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2)

X’inhu l-iskop ta’ dan l-istadju?

Matul l-investigazzjoni l-pulizija tfittex u teżamina provi li jkunu importanti għall-każ. Il-pulizija tfittex evidenza li tkun favorevoli jew detrimentali għall-akkużat.

X’inhu l-limitu taż-żmien għal investigazzjoni?

Il-limitu ta’ żmien huwa ta’ xahrejn, tliet xhur jew sitt xhur skont kemm ikun serju l-każ. Il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-prosekutur pubbliku fuq il-bażi tar-raġunijiet bil-miktub ipprovduti mill-pulizija. Madankollu, il-prosekutur għandu jivverifika r-raġunijiet f'kull każ mill-inqas darba fix-xahar.

Il-pulizija għandha tipproċedi malajr kemm jista’ jkun. Jekk id-dewmien jaffettwak b’mod negattiv, inti tista’ titlob lill-prosekutur pubbliku biex isolvi l-problema. Jekk id-dewmien ikun ikkawżat mill-prosekutur pubbliku, tista’ titlob lis-superjur tiegħu biex isolvi l-problema.

Il-persuna akkużata tista’ wkoll titlob kumpens għal dannu mhux finanzjarju kkawżat minn dewmien fil-proċeduri jew kumpens għad-danni wkoll. Meta timponi piena, il-qorti għandha tqis kwalunkwe dewmien f’din il-fażi.

Niġi infurmat dwar x’inhu jiġri?

Inti tirċievi deċiżjoni dwar il-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali. Din ikun fiha deskrizzjoni tal-att li inti akkużat bih, il-bażi legali tiegħu u r-raġunijiet. Tista’ tagħmel oġġezzjoni għal din id-deċiżjoni f’limitu ta’ żmien ta’ tlett ijiem u l-prosekutur pubbliku mbagħad jieħu deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni tiegħek.

Inti jew l-avukat tad-difiża tiegħek tiġu infurmati bil-proċeduri ta’ investigazzjoni u jkollok id-dritt li tipparteċipa fihom, permezz tal-avukat tad-difiża tiegħek, biex tistaqsi lix-xhieda mistoqsijiet u tressaq provi. Inti u l-avukat tad-difiża tiegħek tistgħu tiġu mċaħħda mill-aċċess għall-fajl tiegħek matul l-investigazzjoni, jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi biex isir dan.

Jiġi pprovdut interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Waqt li tkun qed tiġi investigat, jekk inti ma titkellimx biċ-Ċek tiġi pprovdut b’interpretu għal lingwa li taf titkellem jew għal-lingwa tiegħek.

Inti tiġi pprovdut b’interpretu wkoll waqt il-proċeduri ta’ investigazzjoni. F’dan l-istadju, il-pulizija tħallik tipparteċipa u tistaqsi mistoqsijiet jekk trid.

Fuq talba tiegħek, tiġi pprovdut bi traduzzjoni bil-miktub tad-deċiżjoni tal-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali, id-deċiżjoni dwar detenzjoni jew id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni kundizzjonali ta’ prosekuzzjoni kriminali.

F’liema stadju nkun nista’ nkellem avukat?

Dan jista’ jsir fi kwalunkwe ħin u l-kunfidenzjalità tal-konversazzjoni għandha tkun żgurata. Għandu jiġi pprovdut interpretu jekk l-avukat jitlob hekk. Tista’ tagħżel avukat int stess (ara l-Iskeda informattiva 1).

Nintalab informazzjoni? Għandi nipprovdi informazzjoni?

Int intitolat li tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar il-każ u għandek id-dritt ukoll li ma tgħid xejn.

Nista’ nagħmel oġġezzjoni kontra l-uffiċjal tal-pulizija eżaminatur, il-prosekutur pubbliku, jew l-imħallef?

Inti tista’ tagħmel oġġezzjoni kontra l-uffiċjal tal-pulizija jew il-prosekutur pubbliku kif ukoll kontra l-iskrivan tal-minuti, l-uffiċjal tal-probation, l-iskrivan tal-qorti, l-espert tal-qorti, u l-interpretu, u kontra l-imħallef jekk inti temmen li hemm preġudizzju min-naħa tagħhom – jiġifieri, jekk inti temmen li għandhom kunflitt ta’ interess personali fil-każ tiegħek jew fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom, u għaldaqstant ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet imparzjali.

F’termini ġenerali, persuna titqies li hija ppreġudikata wkoll jekk tkun diġà kkontribwiet għall-proċeduri fi rwol proċedurali differenti.Pereżempju, imħallef ma jistax jgħaddi ġudizzju fuq il-ħtija u jiddeċiedi fuq il-piena jekk dak imħallef ikun ta deċiżjoni fil-proċess ta’ tħejjija dwar il-kustodja, dwar is-smigħ tat-telefonati tal-persuna ssuspettata, eċċ.

Il-persuna li tiddeċiedi l-ewwel dwar l-oġġezzjoni tiegħek hi l-persuna li fil-konfront tagħha inti tkun

oġġezzjonat li hija ppreġudikata. Jekk inti ma tkunx sodisfatt b’dik id-deċiżjoni, jista’ jiġi ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni ta’ dik il-persuna fi żmien tlett ijiem u awtorità superjuri mbagħad tieħu deċiżjoni. Id-deċiżjonijiet proċedurali mogħtija minn persuna ppreġudikata ma jistgħux jiġu applikati fil-proċeduri kriminali.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tista’ tikkawża dannu għall-każ tiegħi?

Kull ma tgħid jista’ jintuża favurik jew kontrik. Ix-xhieda tiegħek f’dan l-istadju tal-proċeduri tista’ tintuża bħala evidenza.

Nista’ nikkuntattja membru tal-familja jew ħabib?

Il-pulizija għandhom jiddeċiedu jekk inti tistax tikkuntattja l-familja jew ħbieb tiegħek matul l-eżami, detenzjoni u arrest. Jekk inti tinżamm f’kustodja, inti għandek id-dritt li tikteb ittri (l-ittri jinqraw mis-Servizz tal-Ħabs tar-Repubblika Ċeka jekk inti tinżamm f’kustodja minħabba l-periklu li tista’ tinfluwenza lix-xhieda; u wkoll mill-prosekutur pubbliku li huwa awtorizzat li jiċċensura l-ittri tiegħek).

Int intitolat li tirċievi viżitaturi darba kull ġimagħtejn waqt li tkun il-ħabs iżda jekk tinżamm f’kustodja minħabba l-periklu li tista’ tinfluwenza lix-xhieda, xi ħadd ieħor għandu jkun preżenti matul iż-żjarat tiegħek.

Jista’ jarani tabib jekk ikolli bżonn wieħed?

Jekk inti tinżamm f’kustodja, inti tiġi invistat mit-tabib tal-ħabs li huwa obbligat li jipprovdilek il-kura medika xierqa. Jekk inti tiġi ppreżentat għal investigazzjoni jew tinżamm taħt arrest, ara hawnhekk

Nista’ nikkuntattja l-ambaxxata tiegħi jekk jien ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Iva, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri. Kull laqgħa ma’ uffiċjal konsulari hija kunfidenzjali. Il-qorti, bil-kunsens tiegħek, għandha tinforma lill-konsulat tiegħek li int qiegħed tinżamm f’kustodja.

Jiena noqgħod f’pajjiż ieħor. Għandi għalfejn inkun preżenti matul l-investigazzjoni?

Il-preżenza tiegħek mhix essenzjali jekk l-eżami tiegħek seħħ u ma tixtiqx li tkun preżenti waqt l-investigazzjoni. Jekk ikun hemm periklu li inti taħrab, inti se tinżamm taħt arrest jew titħalla liberu biss wara li tkun għamilt wegħda bil-miktub li se terġa’ lura meta tiġi mħarrek.

Nista’ nintbagħat lura lejn pajjiżi?

Iva, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-estradizzjoni tiegħek jew għall-kunsinna tal-prosekuzzjoni kriminali jew biex isservi s-sentenza tiegħek f’pajjiż differenti u tali proċedura ma tkunx eskluża mil-liġi.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż matul l-investigazzjoni?

Iva, imma inti obbligat li jkollok indirizz postali validu jew inkella tkun f’kuntatt mal-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali. Inkella int tista’ tiġi arrestat u miżmum taħt arrest.

Nitalaq nagħti marki tas-swaba’, kampjuni tad-DNA tiegħi (pereżempju, xagħar jew saliva), jew fluwidi oħra tal-ġisem? Nista’ nkun suġġett għal tfittxija fuq il-ġisem?

Jekk dan ikun meħtieġ, iva. Inti obbligat li tobdi tali taħrika.

Tista’ ssir tfittxija fid-dar, post tan-negozju, karozza, jew affarijiet oħra tiegħi?

Iva, tfittxija fid-dar tista’ sseħħ permezz ta’ ordni maħruġa minn imħallef. Għal bini ieħor, dan jista’ jsir permezz ta’ ordni maħruġa mill-prosekutur pubbliku jew mill-pulizija.

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew ftit minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Iva, matul l-eżami mill-pulizija.

L-akkuża tista’ tiġi mibdula qabel il-bidu tal-proċeduri legali?

Le, id-deskrizzjoni legali tal-akkuża biss tista’ tiġi mibdula. Jekk tiġi akkużat b’att differenti, dan għandu jibda b’riżoluzzjoni ġdida fil-bidu ta’ prosekuzzjoni kriminali.

Nista’ nkun akkużat b’reat li diġà nkun ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Iva. Madankollu dan ma japplikax jekk il-prosekuzzjoni kriminali fl-Istat Membru l-ieħor fil-każ tiegħek spiċċat b’verdett, ġiet sospiża, spiċċat b’approvazzjoni jew arranġament jew ġiet ippreżentata għal reviżjoni bħala kontravenzjoni aktar milli bħala delitt.

Nirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda kontra tiegħi?

Tista’ ssir taf l-identità tagħhom u l-kontenut tax-xhieda tagħhom billi teżamina l-atti tal-proċess jew jekk inti jew l-avukat tad-difiża tiegħek tkunu preżenti matul l-eżami tagħhom. L-identità tax-xhieda sigrieti ma tiġix żvelata lilek.

Nirċievi informazzjoni dwar provi oħra kontra tiegħi?

Iva, malli int u l-avukat tad-difiża tiegħek tiġu awtorizzati teżaminaw l-atti tal-proċess.

Jintalab tagħrif dwar il-kondotta tiegħi?

Iva.

Kustodja (3)

Għandi ninżamm f’kustodja jew niġi rilaxxat?

Persuna li ġiet akkużata biss tista’ tinżamm f’kustodja.

Jekk inti titressaq quddiem il-qorti b’petizzjoni biex tinżamm f’kustodja fi żmien 48 siegħa wara d-detenzjoni tiegħek jew 24 siegħa wara l-arrest tiegħek, il-qorti għandha tiddeċiedi jekk inti għandekx tinżamm f’kustodja jew le.

Ir-raġunijiet għall-kustodja jistgħu jkunu:

  • possibbiltà li inti tista’ tevadi l-prosekuzzjoni kriminali jew sentenza (kustodja kontra ħarba),
  • possibbiltà li inti se tostakola l-investigazzjoni, pereżempju billi tinfluwenza lix-xhieda (kustodja kollużiva),
  • jew il-possibbiltà li inti se tlesti d-delitt li tkun bdejt jew twettaq wieħed ġdid (kustodja minn qabel).

Jekk ir-raġunijiet għall-kustodja ma jkunux preżenti jew m’għadhomx jeżistu, inti tiġi rilaxxat fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-prosekutur pubbliku.

Inti għandek tiġi rilaxxat ukoll wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien legali. Għall-kustodja kollużiva, il-limitu ta’ żmien huwa 3 xhur. Għall-kustodja kontra ħarba u ta’ antiċipazzjoni, il-limitu huwa ta’ sena f’każijiet ta’ sentenza eventwali sa 5 snin, sentejn fil-każijiet bil-possibilità ta’ sentenza ogħla, tliet snin għal delitti partikolarment serji, u erba’ snin jekk sentenza eċċezzjonali tista’ tkun imposta għall-kriminalità.

Madankollu, minn dawn il-limiti ta’ żmien japplika biss terz matul il-proċess ta’ tħejjija u żewġ terzi huwa rriżervat għall-proċeduri quddiem qorti.

Ir-raġunijiet għala tinżamm f’kustodja huma eżaminati kontinwament. Madankollu jeħtieġ li tkun saret deċiżjoni ġdida mill-prosekutur wara li tkun għaddejt tlett xhur f’kustodja kif ukoll 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ akkuża u dejjem kull tliet xhur wara li d-deċiżjoni preċedenti tkun saret effettiva.

Kif nista’ ninħeles mill-kustodja?

Inti dejjem intitolat li titlob ħelsien mill-kustodja erbatax-il jum wara li l-aħħar deċiżjoni ta’ kustodja tkun daħlet fis-seħħ. Madankollu, jekk tista’ tiddikjara raġunijiet oħra fit-talba tiegħek tista’ titlob li tiġi rilaxxat fi kwalunkwe ħin.

Inti għandek id-dritt li tipproponi li l-kustodja kontra ħarba jew ta’ antiċipazzjoni tiġi ssostitwita billi:

  • tagħmel wegħda tiegħek bil-miktub li se tgħix ħajja skont il-liġi u li se tmur il-qorti kull meta tintalab tagħmel dan.
  • tipprovdi garanzija fi flus (garanzija) stabbilita mill-qorti,
  • tkun taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjal tal-probation
  • issir garanzija minn assoċjazzjoni interessata taċ-ċittadini jew persuna affidabbli oħra.

Fil-każ ta’ kustodja minn qabel f’ċerti delitti speċifikati bil-liġi, garanzija fi flus ma tistax tiġi aċċettata. Il-garanzija fi flus tista’ tiġi pprovduta minn terza persuna.

Deċiżjoni fil-proċess ta’ tħejjija - akkuża (4)

X’inhu l-iskop ta’ dan l-istadju?

Dan l-istadju jtemm l-investigazzjoni tal-każ kriminali u l-prosekutur pubbliku jiddeċiedi dwar il-proċedura li jmiss:

  • jekk jibgħatx il-każ lil awtorità oħra;
  • iwaqqafx il-prosekuzzjoni kriminali;
  • iwaqqafx b’mod kundizzjonali l-prosekuzzjoni kriminali;
  • japprovax arranġament; jew
  • iressaqx akkuża kontrik fil-qorti.

Niġi infurmat dwar x’inhu jiġri?

Id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku jew l-akkuża jiġu ppreżentati lilek. Inti intitolat li tagħmel oġġezzjoni kontra:

  • il-preżentazzjoni tal-każ kontrik
  • is-sospensjoni tal-prosekuzzjoni kriminali,
  • is-sospensjoni kundizzjonali tal-prosekuzzjoni kriminali u
  • arranġament.

Deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni tiegħek tittieħed mill-prosekutur pubbliku superjuri.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nitkellimx biċ-Ċek?

Ara Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

F’liema stadju nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?

Ara http://158.167.220.151:8180/ejusticeportal/beta/169/MT/defendants_criminal_proceedings?CZECH_REPUBLIC&action=maximizeMS&clang=mt&idSubpage=2#No2Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

Għandi ninżamm f’kustodja jew niġi meħlus?

Jekk ir-raġunijiet għall-kustodja jkomplu jeżistu u jekk il-limiti taż-żmien legali għall-kustodja ma jkunux ġew eżawriti, il-preżentazzjoni tal-akkuża ma taffettwax it-tul tal-kustodja.

L-akkuża tista’ tinbidel qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

L-akkuża kif ukoll id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku f’dan l-istadju għandha tkun ibbażata fuq il-fatti li taw lok għall-akkuża. Madankollu, id-deskrizzjoni legali tista’ tinbidel jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li dan huwa xieraq.

Nista’ niġi kkundannat u l-piena tista’ tiġi deċiża mingħajr proċess quddiem qorti kriminali?

F’każijiet inqas serji l-imħallef jista’ joħroġ digriet kriminali kontrik li jistabbilixxi deċiżjoni dwar il-ħtija u l-piena tiegħek, mingħajr ma jisma’ l-każ.

Din l-ordni kriminali tista’ timponi:

  • sentenza ta’ priġunerija kundizzjonali jew arrest fid-dar ta’ sena,
  • servizz komunitarju,
  • projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet għal 5 snin,
  • penali finanzjarja,
  • projbizzjoni residenzjali sa 5 snin,
  • deportazzjoni sa 5 snin,
  • jew piena simili.

Jekk ma toġġezzjonax għad-digriet wara 8 ijiem li tirċevih, dan jidħol fis-seħħ u jkun infurzabbli. Jekk l-oġġezzjoni tiegħek issir fil-limitu ta’ żmien jew id-digriet kriminali ma jkun jista’ jiġi nnotifikat, isir proċess quddiem qorti kriminali. Ara l-Iskeda informattiva 3.

Nirċievi informazzjoni dwar l-evidenza kontrija?

L-akkuża tinkludi l-provi li l-prosekutur pubbliku se jippreżenta fil-proċess quddiem il-qorti kriminali. Aktar provi jistgħu jinsabu fl-atti tar-rikors jew jistgħu joħorġu matul is-smigħ tal-kawża.

Jintalab tagħrif dwar il-kondotta tiegħi?

Din diġà tkun tagħmel parti mill-fajl.

Proċess ta’ tħejjija fil-qosor (5)

L-għan ta’ dan l-istadju

Jekk persuna ssuspettata tinqabad fuq il-post tikkommetti delitt li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn 3 snin, jew meta jkun probabbli li tista’ jsir il-proċess fi żmien ġimagħtejn, isiru proċeduri sommarji.

F’dawn il-proċeduri, il-pulizija għandha tinforma lill-persuna ssuspettata bid-delitt li tkun issuspettata li wettqet, mingħajr ma tibda prosekuzzjoni kriminali. Jekk il-proċess ta’ tħejjija fil-qosor jintemm fi żmien ġimagħtejn, il-prosekutur pubbliku jista’ jippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti sabiex jiġi ppenalizzat l-awtur.

Niġi infurmat dwar x’inhu jiġri?

Inti tiġi infurmat bid-dettalji tad-delitt issuspettat sa mhux aktar tard mill-bidu tal-investigazzjoni tiegħek. Għandek tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Iva, għandu jkun preżenti interpretu li jitkellem lingwa mitkellma minnek jew il-lingwa nattiva tiegħek. Il-petizzjoni bil-miktub għall-piena għandha tiġi tradotta.

F’liema stadju nkun nista’ nkellem avukat?

Fi kwalunkwe ħin, jekk inti tagħżel avukat. Jekk ma tiġix rilaxxat mid-detenzjoni wara l-investigazzjoni tiegħek, jinħatar avukat mill-qorti jekk inti ma jkollokx wieħed

Jintalab tagħrif minn għandi? Għandi nipprovdi informazzjoni?

Ara Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tista’ tikkawża dannu għall-każ tiegħi?

Tista’ tippreġudika l-pożizzjoni tiegħek, li jirriżulta f’verdett ta’ ħtija.

Nista’ nikkuntattja membru tal-familja jew ħabib? Jista’ jarani tabib jekk ikolli bżonn wieħed?

Ara Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata tiegħi jekk jien ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Ara Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

Jiena minn pajjiż ieħor. Għandi għalfejn inkun preżenti matul l-investigazzjoni?

Jekk inti tiġi meħlus, mhuwiex meħtieġ li tkun preżenti. Madankollu, huwa tajjeb li żżomm kuntatt mal-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali u tipprovdi indirizz postali validu sabiex l-assenza tiegħek ma tiġix meqjusa bħala ħarba li tista’ tiġi penalizzata.

Nista’ nintbagħat lura lejn pajjiżi?

Iva, jekk il-qorti tiddeċiedi li l-piena ta’ deportazzjoni.

Għandi ninżamm f’kustodja jew niġi rilaxxat?

Jekk ikun hemm raġunijiet biex tinżamm f’kustodja, inti għandek tinżamm f’kustodja. Ara Kustodja (3).

Nintalab nagħti marki tas-swaba’, kampjuni tad-DNA tiegħi (pereżempju xagħar jew saliva), jew fluwidi oħra tal-ġisem? Jista’ jkun hemm tfittxija fuq il-ġisem? Jista’ jkun hemm tfittxija fid-dar, post tan-negozju, karozza, u affarijiet oħra tiegħi?

Ara http://158.167.220.151:8180/ejusticeportal/beta/169/MT/defendants_criminal_proceedings?CZECH_REPUBLIC&action=maximizeMS&clang=mt&idSubpage=2#Podstránka_2Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew xi wħud minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Iva, matul l-ewwel eżami jew meta l-qorti tisma’ l-każ tiegħek fil-proċeduri sommarji.

L-akkuża tista’ tiġi mibdula qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Fatti ġodda ma jistgħux jiġu miżjuda mal-akkuża. Madankollu, il-bażi legali tista’ tiġi mibdula.

Nista’ niġi akkużat b’reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Ara Bidu tal-prosekuzzjoni kriminali – investigazzjoni (2).http://158.167.220.151:8180/ejusticeportal/beta/169/MT/defendants_criminal_proceedings?CZECH_REPUBLIC&action=maximizeMS&clang=mt&idSubpage=2#Podstránka_2

Nirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda ta’ kontrija? Nirċievi informazzjoni dwar provi oħra kontra tiegħi?

Iva, meta inti tingħata aċċess għall-atti tal-proċess tiegħek (normalment fil-bidu tal-proċeduri legali fil-qosor) jew matul il-proċeduri ta’ eżami jekk tkun preżenti

Jista’ jintalab tagħrif dwar il-kondotta tiegħi?

Iva.

Links relatati

Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

Ministeru tal-Ġustizzja

Informazzjoni legali għal kulħadd

Kodiċi Kriminali

Att Nru. 273/2008 dwar il-Pulizija tar-Repubblika Ċeka

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24.4.1963

Att Nru. 101/2000 Koll. dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali

L-aħħar aġġornament: 03/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna