Imputati (proċeduri kriminali)

Repubblika Ċeka

Din l-iskeda informattiva tgħidlek f’liema ċirkustanzi inti għandek jedd li tkun rappreżentat minn avukat, kif issib avukat, u kif jitħallsu l-ispejjeż tal-avukat jekk ma jkollokx il-mezzi finanzjarji. Tgħidlek ukoll x’jista’ jagħmel l-avukat għalik.

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Kif issib avukat

Avukat imniżżel fir-reġistru tal-avukati miżmum mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ċeki (CBA) biss jista’ jiddefendi persuna f’każ kriminali.

Jekk għandek bżonn avukat tad-difiża, ikkuntattja lill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ċeki (jew ikkuntattja lil wieħed mill-avukati fir-reġistru direttamenthttp://www.cak.cz/).

X’jiġri jekk ma nagħżilx avukat?

Jekk ma tagħżilx avukat trid tiddefendi lilek innifsek.

F’ċerti każijiet, inti obbligat li jkollok avukat tad-difiża u l-qorti taħtar avukat tad-difiża għalik jekk inti ma tagħżilx wieħed f’limitu ta’ żmien speċifiku. Dawn li ġejjin huma sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ avukat tad-difiża:

  • jekk inti tinżamm f’kustodja jew taħt osservazzjoni f’faċilità medika,
  • jekk il-kompetenza tiegħek biex twettaq atti legali hija limitata,
  • jekk tinsab maħrub,
  • jekk għandek inqas minn 18-il sena,
  • jekk għandek diżabilità fiżika jew mentali u hemm dubji dwar il-kompetenza tiegħek biex tiddefendi ruħek sew,
  • jekk tista’ tiġi kkundannat għal iktar minn 5 snin fil-ħabs,
  • jekk ikunu ser jinbdew proċeduri ssimplifikati kontrik bħala l-persuna detenuta,
  • fi proċedimenti fejn jista’ jkun meħtieġ li jsirlek trattament mediku preventiv (ħlief trattament għall-alkoħoliżmu),
  • f’ċerti proċeduri b’element barrani .

Min iħallas lill-avukat?

L-imputat għandu jħallas is-servizzi tal-avukat. Jekk il-qorti taħtar avukat għalik, l-Istat iħallas għad-difiża. L-Istat iħallas ukoll jekk inti tkun intitolat għal difiża mingħajr ħlas.

Kemm hu d-dritt tal-avukat?

Il-ħlas għas-servizzi tal-avukat tad-difiża huwa speċifikat permezz ta’ kuntratt bejnek u l-avukat tad-difiża jew mill-Att dwar id-Drittijiet tal-Avukati (jekk ma jkollokx kuntratt).

Meta tkun intitolat għal difiża mingħajr ħlas?

Jekk ma jkollokx biżżejjed flus biex tħallas l-ispejjeż tad-difiża tiegħek, inti intitolat għal tnaqqis fid-dritt jew difiża mingħajr ħlas (it-tnejn imsemmija “difiża mingħajr ħlas”). L-imħallef, jew il-president tal-qorti jiddeċiedi dwar ir-rikors tiegħek, fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat minnek matul il-proċess ta’ tħejjija permezz tal-prosekutur pubbliku jew waqt il-proċeduri tal-qorti.

Inti tista’ tingħata difiża mingħajr ħlas saħansitra mingħajr tali rikors jekk l-evidenza tissuġġerixxi li dan huwa xieraq.

Links relatati

Att dwar id-Drittijiet tal-Avukati

L-aħħar aġġornament: 03/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna