Imputati (proċeduri kriminali)

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Fejn isir il-proċess?

Il-kawża tinstema’ mill-qorti tad-distrett fejn ikun sar ir-reat.

Il-proċess tiegħek isir fil-pubbliku sakemm il-qorti ma tordnax li għandu jsir fil-privat. Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi ir-raġunijiet biex il-proċess isir fil-privat.

F'Ċipru ma jsir l-ebda proċess b’ġurija. Il-qorti, magħmula minn imħallfin professjonali, tiġġudika l-liġi u l-fatti.

L-akkużi jistgħu jiġu emendati matul il-proċess?

L-akkużi jistgħu jiġu emendati matul il-proċess jekk il-qorti tkun taqbel. Dan jista’ jseħħ jekk l-informazzjoni fl-akkuża ma tkunx adegwata jew biex l-akkużi jimxu skont l-evidenza.

Akkużi ġodda jistgħu jiżdiedu matul il-proċess jekk dawn ikunu jirriżultaw mill-evidenza, u l-qorti tkun taqbel. Jekk dan iseħħ il-proċeduri jistgħu jiġu differiti biex iħalluk tipprepara d-difiża tiegħek.

Jekk fl-aħħar tal-proċess tiġi ppruvata biss parti mill-akkuża u jkun reat awtonomu tista’ tiġi kkundannat b’dak ir-reat mingħar ma tiġi emendata l-akkuża. Bl-istess mod tista’ tiġi kkundannat li ppruvajt tikkommetti r-reat li bih inti akkużat mingħajr ma tiġi emendata l-akkuża. Fl-aħħar tal-proċeduri l-qorti tista’ tordna li jsiru akkużi addizzjonali li jirriżultaw mill-evidenza, u tista’ tikkundannak mingħajr ma temenda l-att tal-akkuża. Dan m’għandux iwassal għal amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja.

Tista’ tbiddel l-istqarrija tiegħek matul il-proċess fir-rigward tal-akkużi kollha jew ta’ xi akkużi, jekk il-qorti taqbel li tħallik tagħmel dan. Jekk inti tiddikjara ruħek ħati għal xi akkużi l-qorti tisma’ l-kawża fir-rigward tal-akkużi li jkun fadal. Jekk inti tiddikjara li inti ħati għall-akkużi kollha l-qorti tipproċedi direttament għall-proċess tal-għoti tas-sentenza.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess?

Inti intitolat għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti, imparzjali u kompetenti, stabbilita skont il-liġi.

Is-sentenza tal-qorti għandha tkun motivata u ġeneralment tingħata fil-pubbliku, sakemm il-pubbliċità tagħha ma tkunx tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja.

Jekk inti tiġi akkużat b’reat kriminali għandek id-drittijiet minimi kostituzzjonali li ġejjin:-

  • li tiġi infurmat malajr u b’lingwa li inti tifhem u fid-dettall dwar in-natura u l-bażi tal-akkużi kontrik;
  • li jkollok żmien u faċilitajiet adegwati għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħek;
  • li tiddefendi ruħek personalment jew permezz ta’ avukat tal-għażla tiegħek, jew, jekk ma tistax tħallas għall-assistenza legali, li tingħata assistenza legali mingħajr ħlas jekk ikun fl-interess tal-ġustizzja;
  • li tagħmel mistoqsijiet lil xhieda kontrik u li l-istess kondizzjonijiet ikunu japplikaw kemm għax-xhieda f'ismek kif ukoll għal dawk kontrik.
  • li jkollok l-assistenza legali ta' interpretu, mingħajr ħlas jekk ma tistax tifhem jew titkellem il-lingwa użata fil-qorti.

Għandi nattendi għall-proċess?

Hekk kif tiġi notifikat b’ċitazzjoni li tordnalek tidher fil-qorti, għandek tattendi. Jekk ma tattendix, jinħareġ mandat ta’ arrest kontrik.

Nista’ ninżamm f’kustodja, jew niġi meħlus matul il-proċess?

Bħala regola, għandek tinħareġ fuq garanzija matul il-proċess ħlief f’każijiet serji. Id-detenzjoni tista’ tiġi ordnata jekk ikun hemm riskju serju li ma tkunx ser tidher għall-proċess jekk tiġi meħlus. Il-garanzija tista’ wkoll tiġi rrifjutata jekk ikun hemm riskju li tikkommetti aktar reati ladarba tiġi meħlus.

Jekk il-garanzija tiġi rrifjutata u l-kawża tipproċedi quddiem qorti distrettwali, ma tistax tinżamm għal iżjed minn tmint ijiem sakemm ikun imissek terġa' tidher fil-qorti. Ma hemm l-ebda limitu fuq il-perjodu ta’ detenzjoni jekk il-kawża tipproċedi quddiem il-Qorti ta’ Assize.

Għandek id-dritt li tappella kontra deċiżjoni li tirrifjuta libertà fuq garanzija. L-appell għandu jsir fi żmien għaxart (10)  ijiem mid-deċiżjoni.

Ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien fiss għaż-żamma taħt arrest. Madankollu, il-proċess għandu jsir fi żmien raġonevoli.

Jiena ngħix fi Stat Membru ieħor. Nista’ nipparteċipa fil-proċess permezz ta’ kollegament bil-vidjow?

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal parteċipazzjoni fi proċeduri kriminali permezz ta’ kollegament bil-vidjow.

Ikolli avukat biex jirrappreżentani matul il-proċess?

M’għandekx għalfejn tiġi rrappreżentat minn avukat fil-proċeduri tal-qorti. Għandek id-dritt li tiddefendi ruħek personalment. Jekk inti rrappreżentat minn avukat għandek id-dritt li tbiddel l-avukat tiegħek fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri.

Jekk ma tiflaħx għall-ispejjeż ta’ avukat, tista’ tkun intitolat għal għajnuna legali jekk dan ikun fl-interess tal-ġustizzja.

Jekk inti rrappreżentat minn avukat fil-proċess, hu jew hi jippreżentaw id-difiża tiegħek. Jekk inti tiddefendi ruħek personalment għandek l-istess drittijiet inkluż id-dritt għas-silenzju u d-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni.

X’inhu r-rwol tiegħi fil-proċess?

Wara li l-prosekuzzjoni tkun ippreżentat il-każ tagħha, inti għandek id-dritt li tippreżenta lill-qorti li ma hemm l-ebda kawża li għandek twieġeb għaliha għar-raġunijiet li gejjin:

  • ma kienx hemm evidenza li tipprova xi element essenzjali tar-reat,
  • l-evidenza tal-prosekuzzjoni dehret li mhijiex affidabbli u suffiċjenti għal kundanna sigura.

Jekk il-qorti taqbel mal-argument tiegħek, inti tiġi meħlus mingħajr ma tissejjaħ biex tagħmel id-difiża tiegħek.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li hemm kawża li jeħtieġ li int twieġeb għaliha, hi għandha tinfurmak bid-drittijiet li ġejjin:

  • li tagħti l-evidenza tiegħek taħt ġurament. Jekk tagħmel dan, inti tiġi kontroeżaminat mill-prosekuzzjoni.
  • li tagħmel stqarrija li ma tkunx taħt ġurament mill-iżbarra. F’dan il-każ inti ma tiġix kontroeżaminat;
  • li tibqa’ sieket. Ma jistgħu jiġu konklużi l-ebda inferenzi negattivi mill-eżerċizzju tad-dritt għas-silenzju.

Nista’ nsejjaħ xhieda għad-difiża tiegħi?

Kemm jekk tagħżel li tagħti x-xhieda tiegħek u kemm jekk le, għandek id-dritt li ssejjaħ xhieda għad-difiża tiegħek.

Jekk tagħżel li tixhed taħt ġurament u tiġi ffaċċjat b’mistoqsija inkriminanti għandek tkun avżat mill-qorti bid-dritt tiegħek li ma tweġibx.

X’jiġri jekk nigdeb fil-qorti?

Jekk tagħmel stqarrija falza fil-proċess inti tikkommetti delitt ta’ xhieda falza li huwa kastigabbli bi priġunerija.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-akkużi kontrija?

Għandek id-dritt li tikkontesta l-evidenza tal-prosekuzzjoni bil-kontroeżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni. Tista’ wkoll toġġezzjona għall-evidenza.

Nista’ nippreżenta evidenza biex insostni l-każ tiegħi?

Tista’ tipproduċi kull evidenza b'sostenn għad-difiża tiegħek li hija rilevanti għall-kwistjonijiet tal-proċess u li tkun ammissibbli bil-liġi. Jekk tkun trid tinvoka  l-personalità tiegħek tista’ ssejjaħ xhud morali għad-difiża tiegħek.

Nista’ nuża detektiv privat biex jiġbor evidenza għan-nom tiegħi?

Iva tista’. L-evidenza miġbura tista’ tiġi ppreżentata fil-qorti soġġett għall-istess regoli ta’ kwalunkwe evidenza oħra.

Tista’ titqies informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-kondotta tiegħek ma tistax tiġi żvelata matul il-proċess sakemm inti ma tiddeċidiex li tagħti evidenza u tinvoka l-personalità tiegħek billi tagħmel allegazzjoni kontra l-personalità ta’ xi xhud tal-prosekuzzjoni matul il-kontroeżami.

L-evidenza tar-reati preċedenti tiegħek tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti, sakemm id-delitt li inti tkun qed tiġi pproċessat għalih huwa simili għal delitti oħra li tkun ikkommettejt.

Il-kundanni preċedenti tiegħek fi Stat Membru ieħor jistgħu jitqiesu ħlief meta l-kundanni jkunu skadew.

X’jiġri fi tmiem il-proċess?

Fi tmiem il-proċess il-partijiet jagħmlu l-indirizzi finali tagħhom u l-qorti tagħti s-sentenza tagħha.

Tista’ tiġi kkundannat jew meħlus mill-qorti.

Jekk tiġi kkundannat, għandek id-dritt li tindirizza lill-qorti qabel tagħti s-sentenza tagħha, bl-iskop li tnaqqas is-sentenza tiegħek.

Għal informazzjoni dwar il-pieni previsti, ara hawnhekk.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess?

Il-vittma ma għandha l-ebda rwol speċifiku fil-proċess, iżda tista’ tissejjaħ biex tagħti evidenza dwar l-avvenimenti li jirrigwardaw ir-reat u l-ħsara, id-dannu u n-nuqqas mġarrba bħala riżultat ta’ dan.

Fil-proċess tal-għoti tas-sentenza l-prosekuzzjoni tista’ titlob lill-vittma tiddeskrivi l-konsegwenzi tad-delitt. Jekk tkun taqbel li tagħti kumpens lill-vittma, jew jekk il-vittma tkun lesta li taħfer l-att tiegħek, is-sentenza tista' titnaqqas.

Tipi ta’ pieni

Din li ġejja hija lista tad-diversi pieni li jistgħu jiġu imposti minn qorti Ċiprijotta.

  • Priġunerija, jiġifieri l-inkarċerazzjoni f’ħabs tal-istat għal perjodu ta’ żmien speċifiku.
  • Priġunerija perjodika. Jekk inti kkundannat b’delitt li jkollu sentenza ta’ tliet snin jew inqas, tista’ tingħata s-sentenza ta’ priġunerija perjodika li ma ddumx iżjed minn tnejn u ħamsin ġimgħa. Il-perjodu ta’ priġunerija ta’ kull ġimgħa jkun mill-Ġimgħa fil-8:00am sat-Tnejn fil-5:00pm.
  • Sentenza sospiża ta’ priġunerija. Jekk is-sentenza ta’ ħabs tiegħek hija għal sentejn jew inqas tista’ tiġi sospiża għal perjodu ta’ tliet snin soġġetta għal xi kondizzjonijiet. Jekk tikser il-kondizzjonijiet, tiġi applikata s-sentenza tal-ħabs oriġinali u jista’ jkun hemm konsegwenzi oħrajn.
  • Ordni ta’ probation. Il-qorti tista’ tagħti ordni ta’ probation li tirrikjedi li inti tkun taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjal tal-probation għal perjodu ta’ bejn sena sa tliet snin. Issir dispożizzjoni speċjali bil-liġi għat-trattament ta’ awturi ta’ ksur minuri.
  • Awturi ta’ ksur minuri. L-età ta' responsabbiltà kriminali hija ta’ erbatax-il sena. Il-priġunerija ta’ persuni tal-etajiet ta’ bejn l-erbatax u t-tmintax-il sena hija rari.
  • Ordni għat-tneħħija ta' minorenni mill-familja tagħhom. Jekk ġenitur jew persuna li hija responsabbli għal minorenni huwa/hija kkundannat/a b’ċerti delitti, il-qorti tista’ tordna li t-tifel/tifla jittieħed/tittieħed f’post ta’ sigurtà. It-tifel/tifla mbagħad jaqa'/taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-direttur tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali.
  • Ordni għat-trattament ta’ min jabbuża mid-drogi. Persuna kkundannata b’reat relatat ma’ drogi, tista’ tiġi ordnata biex tieħu trattament f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, minflok ma tingħata xi piena oħra, sakemm dik il-persuna tagħti l-kunsens tagħha.
  • Garanzija li tidher fil-proċess. F’dan il-każ, hemm imposti fuqek kondizzjonjiet li jeħtieġuk tirrispetta l-liġi għal perjodu ta’ żmien speċifikat. Jekk tikser din il-kondizzjoni tista’ tiġi kkundannat kemm talli ksirt l-ordni kif ukoll għar-reat oriġinali.
  • Il-qorti tista’ torbtok biex iżżomm il-paċi għal perjodu ta’ żmien speċifiku.
  • Projbizzjoni fuq l-attendenza għal avvenimenti sportivi. Jekk inti kkundannat b’att(i) ta’ vjolenza f’logħba futbol jew fi kwalunkwe kompetizzjoni sportiva oħra, il-qorti tista’, minbarra li tati kwalunkwe piena oħra, timpedik milli tattendi għal xi logħba futbol jew kompetizzjoni sportiva.
  • Ordni ta' konfiska li tirrelata ma’ rikavat minn attività kriminali.
  • Skwalifika mill-użu ta’ vettura bil-mutur. Fil-każ ta’ kundanna li tirrelata ma’ reat tat-traffiku, tista’ tiġi skwalifikat milli tuża vettura bil-mutur. Dan huwa supplimentari għal kwalunkwe piena oħra li l-qorti tista’ timponi fuqek.
  • Skwalifika milli żżomm jew tuża karabini. Din tista’ tapplika jekk inti kkundannat bl-użu illegali ta' xkubetta tal-kaċċa.
  • Ordni ta’ konfiska.  Tista’ tiġi ordnat tagħti lura oġġetti li inti żżomm b’mod illegali, jew li akkwistajt b’mod illegali.
  • Ordni ta’ demolizzjoni. Il-qorti tista’ tordna d-demolizzjoni ta’ bini li jkun ittella’ b'mod illegali.

Links relatati

Websajt tal-gvern li tirreferi għall-Kostituzzjoni

L-aħħar aġġornament: 18/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna