Imputati (proċeduri kriminali)

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

A. Fejn isir il-proċess?

Jekk il-każ kriminali jirrigwarda reat jew reati li jġorru piena ta’ aktar minn ħames snin priġunerija, il-proċess għandu jsir f’Qorti Distrettwali (Eparchiako Dikastirio) (membru wieħed). Kun af li bil-kunsens bil-miktub tal-Avukat Ġenerali (Genikos Eisaggeleas), il-Qorti Distrettwali tista’ tipproċessa reat kriminali li jġorr piena ta’ aktar minn ħames snin priġunerija.

Meta r-reat kriminali jkun iġorr piena ta’ aktar minn ħames snin priġunerija, il-proċess għandu jinstema’ fl-Qorti tal-Assize (bi tliet membri).

B. L-akkużi jistgħu jiġu modifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għall-informazzjoni f’dan ir-rigward?

L-akkużi jistgħu jiġu modifikati fil-bidu jew matul il-proċess. L-Artikoli 83, 84 u 85 tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, Kap. 155, jipprovdu l-proċedura għall-modifika tal-akkużi u għad-drittijiet tal-akkużat.

83.-(1) Meta, fi kwalunkwe stadju tal-proċess, il-qorti tiddeċiedi, abbażi tal-evidenza, li l-akkuża jew l-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize hija b’xi mod difettuża, fis-sustanza jew fil-forma, il-qorti tista’ toħroġ ordni biex timmodifika l-akkuża jew l-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize, jew billi timmodifikaha jew billi tibdilha jew billi żżid akkużi ġodda magħha, kif il-qorti jidhrilha li huwa meħtieġ sabiex l-akkużi jirriflettu l-fatti tal-kawża.

(2) Meta akkuża jew akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize tiġi modifikata b’dak il-mod, l-ordni għal modifika għandha tkun irreġistrata fuq l-akkuża jew l-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize, u tali dokumenti għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ kwalunkwe proċedura relatata bħallikieku kienu ġew ippreżentati fil-forma modifikata.

84.-(1) Meta akkuża jew akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize tiġi modifikata kif previst fl-Artikolu 83, il-qorti għandha immedjatament titlob lill-akkużat biex jippreżenta difiża quddiem il-qorti u biex jiddikjara jekk huwiex lest li jiġi pproċessat abbażi tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata quddiem Qorti tal-Assize kif modifikata.

(2) Jekk l-akkużat jiddikjara li mhuwiex lest, il-qorti għandha teżamina r-raġunijiet imressqa u, jekk tqis li l-kontinwazzjoni immedjata tal-proċedimenti x’aktarx ma taffettwax b’mod avvers id-difiża tal-akkużat jew it-trattament tal-każ mill-prosekutur pubbliku, il-qorti tista’ tipproċedi bil-proċess bħallikieku l-akkuża modifikata jew l-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize kienet dik inizjali.

(3) Jekk l-akkuża modifikata jew l-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize tkun tali li l-kontinwazzjoni immedjata tal-proċess tista’, fl-opinjoni tal-qorti, taffettwa b’mod avvers l-akkużat jew lill-prosekutur pubbliku, il-qorti tista’ jew tordna proċess ġdid jew tipposponi l-proċess għal dak il-perjodu li jidhrilha li huwa meħtieġ.

(4) Meta akkuża jew akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize tiġi modifikata mill-qorti wara li jkun beda l-proċess, ix-xhieda li tkun diġà ngħatat waqt il-proċess tista’ tintuża mingħajr il-bżonn ta’ seduta ġdida, iżda l-partijiet għandhom jitħallew jerġgħu iressqu jew iħarrku mill-ġdid lil kwalunkwe xhieda li setgħu diġà xehdu u jeżaminawhom jew jagħmlulhom kontroeżami b’rabta mal-modifika.

85.-(1) Meta tista’ tiġi ppruvata biss parti mill-akkuża jew mill-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize u l-parti stabbilita tikkostitwixxi reat kriminali, l-akkużat jista’, mingħajr ebda modifika tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize, jiġi kkundannat għar-reat kriminali li jkun wettaq u li dwaru hemm evidenza.

(2) Meta persuna tkun akkużata b’reat kriminali, tista’ tiġi kkundannata talli ppruvat twettaq l-imsemmi reat kriminali, mingħajr il-ħtieġa ta’ modifika tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize.

(3) Meta jiġi stabbilit li persuna tkun wettqet xi att bil-ħsieb li twettaq ir-reat kriminali li bih tkun akkużata, u meta t-twettiq tal-att b’tali intenzjoni jikkostitwixxi reat kriminali, dik il-persuna tista’, jekk tkun għadha ma ġietx akkużata bir-reat kriminali msemmi hawn fuq, tiġi kkundannata għar-reat imsemmi, mingħajr il-ħtieġa ta’ modifika tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize.

(4) Meta, fi tmiem il-proċess, il-Qorti tqis li ġie stabbilit permezz ta’ xhieda li l-akkużat wettaq reat kriminali jew reati kriminali li mhumiex inklużi fl-akkuża jew fl-akkuża ppreżentata lil Qorti tal-Assize u li għalih l-akkużat jista’ ma jkunx ikkundannat mingħajr modifika minn qabel tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata lil Qorti tal-Assize u li, jekk jinstab ħati ta’ dawn ir-reati kriminali, l-akkużat ma jkunx suġġett għal sentenza aktar stretta minn dik li tkun tapplika kieku kien ikkundannat abbażi tal-akkuża jew tal-akkuża ppreżentata lil Qorti tal-Assize u li, għalhekk, id-difiża tal-akkużat ma tkunx affettwata b’mod avvers, il-qorti tista’ tordna li akkuża jew akkużi jiżdiedu mal-akkuża jew mal-akkuża ppreżentata lill-Qorti tal-Assize fir-rigward ta’ tali reat(i) kriminali, u l-qorti għandha tiddeċiedi dwarhom bħallikieku tali akkuża/i kienu parti mill-akkuża inizjali jew mill-akkuża ppreżentata lil Qorti tal-Assize.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi meta nidher il-qorti?

i. Għandi nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża tal-qorti?

Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti għall-proċess huwa garantit permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 30 tal-Kostituzzjoni u permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, l-akkużat għandu l-obbligu li jkun preżenti għall-proċess sakemm l-assenza tiegħu ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 45(1) u 63(3) tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, Kap. 155.

L-Artikolu 45(1)

Huwa mifhum li imħallef jew, għal dawk il-kategoriji ta’ reati kriminali li l-President tal-Qorti Distrettwali (Eparchiako Dikastirio) jista’ jiddetermina permezz ta’ ordni ġenerali, ir-Reġistratur maħtur (Protokollitis) jista’, b’ordni speċjali fit-taħrika, jeħilsu lill-akkużat mill-obbligu li jidher personalment; u

(a) jippermetti lill-akkużat jidher u jirrispondi għall-akkużi permezz ta’ avukat li jirrappreżentah, f’liema każ l-akkużat jista’ jidher u jirrispondi b’dak il-mod.

Huwa mifhum li, meta l-persuna akkużata tiġi akkużata biss fil-kapaċità ta’ direttur jew segretarju tal-kumpanija u ma tkunx akkużata personalment b’xi reat, hija ma jkollhiex għalfejn tidher personalment il-qorti biex twieġeb għall-akkużi jew fi kwalunkwe stadju ieħor, bl-eċċezzjoni tal-istadju tas-smigħ tal-kawża, iżda għandha d-dritt li tkun rappreżentata minn avukat;

(b) jippermetti lill-akkużat, jekk jixtieq iwieġeb ħati, jibgħat dik ir-risposta lill-qorti, iċċertifikata kif xieraq u ttimbrata minn reġistratur jew surġent (lochias) jew uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal anzjan tal-pulizija skont l-Att tal-Pulizija jew uffiċjal li jiċċertifika skont l-Att dwar l-Uffiċjali li Jiċċertifikaw jew minn avukat skont l-Att dwar l-Avukati, li juża għal dak il-għan it-timbru personali tiegħu li jindika b’mod ċar ismu u l-indirizz sħiħ tiegħu, jew minn kap tal-komunità (koinotarchis), flimkien mat-taħrika li fir-rigward tagħha tingħata r-risposta, f’liema każ ir-risposta għandha titqies bħala ammissjoni ta’ ħtija għall-finijiet tal-proċedura.

63.-(1) L-akkużat għandu jkollu d-dritt li jkun preżenti fil-qorti matul il-proċess, sakemm hu jġib ruħu sewwa.

(2) Meta l-imputat jonqos milli jġib ruħu sew, il-qorti tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, tordna li jitneħħa mill-awla u jinżamm taħt arrest preventiv, u tkompli l-proċess fl-assenza tiegħu billi tagħmel

dawk l-arranġamenti li, fl-opinjoni tal-qorti, jidhru biżżejjed biex l-akkużat ikun infurmat dwar dak kollu li ġara waqt il-proċess u biex iħejji d-difiża tiegħu.

(3) Il-qorti tista’, jekk jidhrilha xieraq, tippermetti lill-akkużat jibqa’ barra mill-awla matul il-proċess kollu jew parti minnu, skont dawk it-termini li jidhrilha xierqa.

Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Ċiprijotta, jista’ jsir proċess fl-assenza tal-imputati meta dan ikun fl-interess tal-ġustizzja.

ii. X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?

Id-dritt għal interpretu huwa ggarantit kemm permezz tal-Kostituzzjoni kif ukoll permezz tal-Att tal-2014 dwar id-Dritt għall-Interpretazzjoni u t-Traduzzjoni matul il-Proċedura Kriminali (18(I)/2014). Barra minn hekk, id-dritt għal interpretu huwa previst fl-Artikolu 65 tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, Kap. 155.

L-Artikolu 12. 5(a) u (e) tal-Kostituzzjoni jistipula li:

kwalunkwe persuna akkużata b’reat għandu jkollha, bħala minimu, id-drittijiet li ġejjin:

(a) li tkun infurmata immedjatament u fid-dettall b’lingwa li tifhem dwar in-natura tal-akkużi u r-raġunijiet għalihom;

(e) li tkun megħjuna minn interpretu mingħajr ħlas jekk ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa użata fil-qorti.

L-Artikolu 30(3) tal-Kostituzzjoni jistipula li kull persuna akkużata għandha d-dritt għal interpretu mingħajr ħlas jekk ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa użata fil-qorti.

L-Att tal-2014 dwar id-Dritt għall-Interpretazzjoni u t-Traduzzjoni matul il-Proċedura Kriminali (18(I)/2014) jipprovdi għad-

Dritt għal interpretu

4.-(1) L-awtorità kompetenti għandha tirranġa għal servizzi ta’ interpretazzjoni mingħajr dewmien għal persuna suspettata jew akkużata li ma titkellimx u/jew ma tifhimx il-lingwa li biha jitmexxew il-proċedimenti kriminali, matul il-proċedimenti kriminali quddiem awtoritajiet investigattivi u/jew ġudizzjarji, inklużi l-interrogazzjoni tal-pulizija, is-seduti kollha tal-qorti u kull seduta intermedja meħtieġa.

(2) L-awtorità ġudizzjarja responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, skont l-Artikolu 11 tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-Att dwar il-Proċeduri għall-Estradizzjoni ta’ Persuni Rikjesti Bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandha tirranġa biex is-servizzi ta' interpretazzjoni jingħataw mingħajr dewmien lil kwalunkwe persuna rikjesta li ma titkellimx u/jew ma tifhimx il-lingwa li biha jitmexxew il-proċedimenti relatati.

(3) Meta dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat smigħ xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tirranġa għal servizzi ta’ interpretazzjoni biex tiżgura komunikazzjoni bejn il-persuna suspettata, akkużata u/jew rikjesta u l-avukat tagħha, meta din il-komunikazzjoni tkun marbuta direttament mal-interrogazzjonijiet u/jew mas-seduti matul il-proċedimenti kriminali u/jew l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u/jew għall-preżentata ta’ appell u/jew talbiet proċedurali oħra, inkluż talba għal ħelsien mill-arrest bil-garanzija.

(4) Skont dan l-Artikolu l-interpretazzjoni għandha:

(a) tiġi pprovduta bil-lingwa materna tal-persuna suspettata, akkużata jew rikjesta jew bi kwalunkwe lingwa oħra li din titkellem u/jew tifhem; u

(b) tinkludi aktar għajnuna, kif xieraq, bħall-użu tal-lingwa tas-sinjali, biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ persuni suspettati, akkużati jew rikjesti bi problemi ta’ smigħ u/jew taħdit.

(5) L-awtorità kompetenti għandha tivverifika bi kwalunkwe mezz li tqis xieraq jekk is-suspettat, il-persuna akkużata jew il-persuna rikjesta jitkellmux u jifhmux il-lingwa użata fil-proċedimenti kriminali jew fil-proċeduri għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u jekk dik il-persuna teħtieġx assistenza minn interpretu.

(6) Is-servizzi ta’ interpretazzjoni kif previsti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu ta’ kwalità suffiċjenti biex jiżguraw smigħ xieraq, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-persuna suspettata, akkużata jew il-persuna rikjesta tifhem il-kawża kontriha sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha ta’ difiża. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-ispeċifiċitajiet tal-komunikazzjoni bl-għajnuna ta’ interpretu.

(7) Fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista’ tirranġa biex is-servizzi ta’ interpretazzjoni jiġu pprovduti bl-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni, pereżempju vidjokonferenzi, telefon u/jew l-internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meħtieġa biex ikun żgurat smigħ xieraq.

(8) Għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (5), il-proċedura jew il-mekkaniżmu biex jiġi vverifikat jekk is-suspettat, il-persuna akkużata jew il-persuna rikjesta jitkellmux u jifhmux il-lingwa użata fil-proċedimenti kriminali jew fil-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi determinat minn regolamenti.

Dritt għal traduzzjoni

5.-(1) Sabiex jiġi żgurat li l-persuna suspettata jew akkużata tkun kapaċi teżerċita d-dritt tagħha ta’ difiża u biex jiġi żgurat smigħ xieraq, l-awtorità kompetenti għandha, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, tipprovdi lill-persuna suspettata jew akkużata li ma tifhimx il-lingwa użata fil-proċedimenti kriminali rilevanti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha.

(2) Għall-finijiet ta’ dan l-Att, id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu:

(a) fil-każijiet kollha, il-mandat ta’ arrest u/jew detenzjoni, l-att ta’ akkuża u kull deċiżjoni u ordni ġudizzjarja pertinenti għall-proċedimenti; u

(b) kwalunkwe dokument ieħor meqjus essenzjali mill-awtorità kompetenti ex officio jew fuq talba motivata tal-persuna suspettata jew akkużata jew tal-avukat tal-persuna suspettata jew akkużata.

(3) L-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx għalfejn jipprovdu traduzzjoni ta’ siltiet ta’ dokumenti essenzjali li ma jikkontribwixxux biex il-persuna suspettata jew akkużata tifhem il-kawża kontriha.

(4) Sabiex jiġi żgurat smigħ xieraq, fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien raġonevoli, tipprovdi lill-persuna rikjesta li ma tifhimx il-lingwa li biha nkiteb il-mandat ta’ arrest Ewropew jew il-lingwa li fiha kien tradott mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat, bi traduzzjoni bil-miktub ta’ dak id-dokument.

(5) Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1), (2) u (4), l-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi, minflok traduzzjoni bil-miktub, traduzzjoni orali u/jew sommarju orali tad-dokumenti essenzjali, sakemm din it-traduzzjoni orali u/jew sommarju orali ma jaffettwax l-ekwità tal-proċedimenti.

(6) Il-persuna suspettata, akkużata jew rikjesta għandhom ikunu intitolati li jirrinunzjaw għad-dritt li jirċievu t-traduzzjoni bil-miktub u/jew orali u/jew sommarju orali previsti f’dan l-Artikolu, jekk l-awtorità kompetenti tingħata evidenza suffiċjenti li:

(a) il-persuna kkonċernata tkun ikkonsultat avukat qabel u/jew inkella tkun kompletament konxja tal-konsegwenzi ta’ rinunzja bħal din; u

(b) ir-rinunzja tkun legalment valida u volontarja.

(7) It-traduzzjoni bil-miktub u/jew orali u/jew sommarju orali previsti f’dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti bil-lingwa materna tal-persuna suspettata, akkużata jew rikjesta jew fi kwalunkwe lingwa oħra li titkellem u/jew tifhem.

(8) It-traduzzjoni bil-miktub u/jew orali u/jew sommarju orali previsti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu ta’ kwalità suffiċjenti biex jiżguraw smigħ xieraq, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-persuna suspettata, akkużata jew rikjesta tifhem il-kawża kontriha sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha ta’ difiża.

L-Artikolu 65-(1) tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, Kap. 155, jistipula li

meta xhieda tingħata b’lingwa li l-akkużat ma jifhimx u hu jkun preżenti, interpretu għandu jinterpreta għall-akkużat f’seduta tal-qorti miftuħa b’lingwa li l-akkużat jifhem.

Huwa mifhum li meta jkun hemm avukat difensur, l-interpretazzjoni tista’ titħalla barra bil-kunsens tiegħu.

(2) Meta d-dokumenti jiġu sottomessi bħala evidenza formali, għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-qorti li dawn jiġu interpretati skont kemm il-kontenut tagħhom jitqies li huwa meħtieġ.

iii. Għandi dritt għal avukat?

Skont l-Artikolu 12¨ tal-Kostituzzjoni,

kwalunkwe persuna akkużata b’reat għandu jkollha, bħala minimu, id-drittijiet li ġejjin:

(c) li tiddefendi lilha nnifisha personalment jew permezz ta’ avukat tal-għażla tagħha jew, jekk ma tistax taffordja avukat, li tiġi pprovduta b’għajnuna legali mingħajr ħlas fejn dan ikun meħtieġ biex issir ġustizzja;

L-Artikolu 30 (3) tal-Kostituzzjoni jistipula wkoll li:

Kull persuna għandha d-dritt li:

(d) ikollha avukat difensur tal-għażla tagħha u li tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas fejn dan ikun meħtieġ biex issir ġustizzja u skont il-liġi.

Ukoll, skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali, jiġifieri l-Att 165(Ι)/2002, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fih ikunu sodisfatti, waqt is-seduta l-akkużat għandu jkollu d-dritt għal avukat tal-għażla tiegħu u għall-għajnuna legali mingħajr ħlas.

iv. Liema drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf bihom? (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)

Preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti

Jekk, fi proċedimenti sommarji, persuna akkużata tonqos milli tidher fil-ħin speċifikat, u wara li tiġi ppreżentata evidenza li ġiet innotifikata b’taħrika, il-qorti tista’ tipproċedi għas-smigħ tal-kawża u tasal għal deċiżjoni fl-assenza tagħha jew, jekk jidhrilha xieraq, tipposponi s-smigħ u toħroġ mandat għall-arrest tagħha.

Huwa mifhum li imħallef jew, għal dawk il-kategoriji ta’ reati kriminali li l-President tal-Qorti Distrettwali (Eparchiako Dikastirio) jista’ jiddetermina permezz ta’ ordni ġenerali, ir-Reġistratur maħtur (Protokollitis) jista’, b’ordni speċjali fit-taħrika, jeħilsu lill-akkużat mill-obbligu li jidher personalment; u

(a) jippermetti lill-akkużat jidher u jirrispondi għall-akkużi permezz ta’ avukat li jirrappreżentah, f’liema każ l-akkużat jista’ jidher u jirrispondi b’dak il-mod;

(b) jippermetti lill-akkużat, jekk jixtieq iwieġeb ħati, jibgħat dik ir-risposta lill-qorti, iċċertifikata kif xieraq u ttimbrata minn reġistratur jew surġent (lochias) jew uffiċjal tal-pulizija jew uffiċjal anzjan tal-pulizija skont l-Att tal-Pulizija jew uffiċjal li jiċċertifika skont l-Att dwar l-Uffiċjali li Jiċċertifikaw jew minn avukat skont l-Att dwar l-Avukati, li juża għal dak il-għan it-timbru personali tiegħu li jindika b’mod ċar ismu u l-indirizz sħiħ tiegħu, jew minn kap tal-komunità (koinotarchis), flimkien mat-taħrika li fir-rigward tagħha tingħata r-risposta, f’liema każ ir-risposta għandha titqies bħala ammissjoni ta’ ħtija għall-finijiet tal-proċedura.

Huwa mifhum li, meta l-persuna akkużata tiġi akkużata biss fil-kapaċità ta’ direttur jew segretarju ta’ kumpanija u ma tkunx akkużata personalment b’xi reat, hija ma jkollhiex għalfejn tidher personalment il-qorti jew biex twieġeb għall-akkużi jew fi kwalunkwe stadju ieħor, bl-eċċezzjoni tal-istadju tas-smigħ tal-kawża, iżda għandha d-dritt li tkun rappreżentata minn avukat.

Tweġiba għall-akkużi

Meta l-akkużat jissejjaħ biex iwieġeb, huwa jista’ jwieġeb li huwa ħati jew mhux ħati jew jagħmel dikjarazzjoni speċifika ta’ difiża speċifika u t-tweġiba tiegħu għandha tiġi rreġistrata mill-qorti.

Id-dikjarazzjoni speċifika ta’ difiża għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-Qorti li quddiemha jissejjaħ l-akkużat biex iwieġeb għall-akkużi m’għandha l-ebda ġuriżdizzjoni u li qorti oħra għandha ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-akkużat jew tar-reat kriminali li huwa akkużat bih. Jekk din l-allegazzjoni tiġi aċċettata, il-qorti għandha tirreferi l-kawża lill-qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-awtur tar-reat jew fuq ir-reat kriminali rilevanti.

(b) Ġie kkundannat jew illiberat qabel, skont il-każ, fuq il-bażi tal-istess fatti għall-istess reat kriminali.

(c) Ingħata maħfra għal dan ir-reat kriminali.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-fatti allegati mill-akkużat ma jippruvawx l-allegazzjoni, jew li l-allegazzjoni tkun tabilħaqq falza, l-akkużat għandu jwieġeb għall-akkużi.

Jekk l-akkużat iwieġeb li huwa ħati u l-qorti jkollha biżżejjed provi li hu fehem in-natura tar-risposta tiegħu, tista’ tipproċedi bħallikieku l-akkużat ġie kkundannat b’deċiżjoni tal-qorti.

Jekk l-akkużat ma jagħmel l-ebda ammissjoni ta’ ħtija, il-qorti għandha tipproċedi għas-smigħ tal-kawża. Jekk l-akkużat jirrifjuta li jirrispondi jew ma jirrispondix immedjatament jew ma jistax jirrispondi minħabba diżabilità fiżika, il-qorti għandha tipproċedi bħallikieku l-akkużat ma għamel l-ebda ammissjoni ta’ ħtija.

D. Sentenzi possibbli

Il-Qorti Distrettwali għandha tisma’ sommarjament reati li bil-liġi jġorru piena ta’ mhux aktar minn ħames snin priġunerija jew multa li ma taqbiżx l-EUR 85,000 jew it-tnejn.

Il-Qorti tal-Assize (Kakourgiodikeio) tisma’ reati kriminali li jġorru piena ta’ mhux aktar minn ħames snin priġunerija.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.