Imputati (proċeduri kriminali)

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Nista’ nappella?

Għandek dritt assolut li tappella lill-Qorti Suprema kontra kundanna u sentenza. Kundanna li rriżultat minn stqarrija ta’ ħtija min-naħa tiegħek ma tistax tappella kontriha ħlief meta l-fatti stabbiliti fl-akkuża fil-verità ma jkunux jikkostitwixxu reat.

X’limiti ta’ żmien japplikaw?

L-appell tiegħek kontra l-kundanna u/jew is-sentenza għandu jiġi ppreżentat fi żmien għaxart ijiem mid-data tas-sentenza. Notifika ta’ appell għandha tiġi ppreżentata fir-reġistru tal-qorti distrettwali li fiha jkun sar il-proċess u fir-reġistru tal-Qorti Suprema jekk il-kawża kienet ipproċessata mill-Qorti ta' Assize.

X’inhuma r-raġunijiet ta’ appell?

Ir-raġunijiet ta’ appell kontra l-kundanna huma li:

  • ikunu ġew miksura r-regoli normali ta’ proċess ġust,
  • il-kundanna ma tkunx raġonevoli, ibbażata fuq l-evidenza mogħtija
  • id-deċiżjoni tal-qorti tkun ħażina fejn tidħol il-liġi,
  • ikun hemm amministrazzjoni ħażina sostanzjali tal-ġustizzja.

Ir-raġunijiet ta’ appell kontra s-sentenza huma li:

  • is-sentenza tkun ħażina fil-prinċipju – li l-qorti tal-proċess tmexxiet ħażin fir-rigward tal-fatti jew tal-liġi jew tat-tnejn li huma,
  • is-sentenza tkun notevolment eċċessiva jew notevolment inadegwata.

Ir-raġunijiet tal-appell kontra l-kundanna u s-sentenza għandhom jiġu spjegati u ġġustifikati b’mod komplet fin-notifika tal-appell.

X’jiġri jekk nappella?

Jekk teżerċita d-dritt tiegħek tal-appell, il-kundanna jew is-sentenza tiegħek jibqgħu validi sakemm jiġi deċiż l-appell.

Normalment, appell huwa riżolt fi żmien sitt xhur sa tnax-il xahar.

Ix-xhieda ma tinstemax normalment fl-appell. Tista' madankollu tinstema' evidenza ġdida jekk mingħajr ħtija min-naħa tiegħek, din toħroġ biss wara l-proċess. Għandha tkun sinifikanti għall-proċess u rilevanti biex tipprova l-innoċenza tiegħek.

X’jiġri fis-seduta tal-appell?

Il-partijiet għall-appell għandhom id-dritt li jindirizzaw lill-qorti għal u kontra l-appell. Idea ġenerali tal-argumenti hija ppreżentata bil-miktub qabel is-seduta. L-appell mhuwiex smigħ mill-ġdid tal-kawża oriġinali. L-iskop huwa li tiġi riveduta l-korrettezza tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza.

X’tista’ tiddeċiedi l-qorti?

Il-Qorti Suprema tista’:

  • tippermetti l-appell u tannulla l-kundanna tiegħek;
  • tippermetti partijiet tal-appell u tikkonferma partijiet oħra tal-kundanna fejn inti kont misjub ħati fuq għadd ta’ konteġġi;
  • tirrinunzja l-appell;
  • twarrab il-kundanna u tikkundannak għal reat ieħor li huwa iżjed xieraq, fuq il-bażi tal-evidenza u tapplika sentenza ġdida;
  • tippermetti l-appell u tibgħat lura l-każ għal proċess mill-ġdid quddiem l-istess qorti jew qorti oħra.

X’jiġri jekk l-appell jirnexxi/ma jirnexxiex?

Jekk l-appell tiegħek kontra l-kundanna jirnexxi l-verdett jiġi annullat u l-piena titwarrab. Jekk ma jirnexxiex l-appell kontra l-kundanna jaqa’. Mal-appell kontra s-sentenza, il-Qorti Suprema għandha s-setgħa tnaqqas, tvarja, timmodifika jew tbiddel is-sentenza. Jekk l-appell kontra l-kundanna u/jew is-sentenza ma jirnexxiex il-Qorti Suprema għandha s-setgħa tordna l-priġunerija mill-jum li fih jaqa' l-appell.

Hemm dritt għal appell f’qorti ogħla/differenti?

Ma hemmx it-tielet livell ta’ ġustizzja. Ir-rimedji għad-dispożizzjoni tiegħek jinħlew meta jiġi deċiż l-appell. Jekk xi drittijiet tiegħek garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huma miksura, inti tista tappella lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta ma jkunux iżjed possibbli li jintużaw rimedji lokali.

Jekk l-ewwel deċiżjoni hija ħażina, nieħu xi kumpens?

Jekk l-appell tiegħek kontra l-kundanna jirnexxi u inti diġà għaddejt xi żmien il-ħabs, il-liġi tintitolak tfittex kumpens għat-telf li tkun ġarrabt minħabba li inti ma stajtx taħdem.

Jekk l-appell tiegħi jirnexxi, jinżamm rekord tal-kundanna inizjali?

Jekk il-kundanna tiegħek taqa’ mal-appell ma jinżamm ebda rekord tagħha.

Jiena niġi minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura wara l-proċess?

Jekk tingħata sentenza għal terminu ta’ priġunerija f'Ċipru tista’ tintbagħat lejn il-pajjiż tiegħek biex tiskonta s-sentenza sakemm il-priġunerija tkun għal iżjed minn sitt xhur. F’każijiet eċċezzjonali din il-limitazzjoni tista’ titneħħa. Inti tiġi infurmat b’dan id-dritt meta tiddaħħal il-ħabs.

It-trasferiment lejn l-Istat Membru tiegħek mhuwiex awtomatiku. Għandek tesprimi x-xewqa li tiskonta s-sentenza f'pajjiżek billi tagħmel talba jew fl-istat tal-għoti tas-sentenza (Ċipru) jew fl-Istat Membru tiegħek.

F’każijiet eċċezzjonali, jekk wieħed mill-istati jikkunsidra li jkun neċessarju, minħabba l-età jew il-kondizzjoni fiżika jew mentali tiegħek, jista' jsir it-trasferiment mingħajr il-kunsens tiegħek.

Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment huma preskritti mill-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati. Waħda mill-kondizzjonijiet hija li l-att jew l-ommissjoni li għalih/għaliha inti ġejt ikkundannat għandu/għandha jitqies/titqies bħala delitt skont il-liġi tal-istat ta' amministrazzjoni.

Mat-trasferiment lejn l-Istat Membru tiegħek il-kwistjonijiet kollha li jirrelataw mal-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-istat, u mhux mil-liġi tal-istat li jkun ħareġ is-sentenza. Għandek tagħti kunsens għal dan it-trasferiment sakemm ma jkunux japplikaw l-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Ma hemm l-ebda dritt għal appell kontra deċiżjoni biex tiġi ttrasferit lejn pajjiżek biex tiskonta s-sentenza.

Jekk jiena kkundannat nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess reat?

Ma tistax tiġi pproċessat darbtejn għall-istess reat kemm jekk ikun sar f'Ċipru u kemm jekk fi Stat ieħor. Il-prinċipju ne bis in idem (li wieħed jiġi ġġudikat darbtejn għall-istess reat) huwa dritt fondamentali ggarantit mill-Kostituzzjoni ta' Ċipru.

L-informazzjoni dwar l-akkużi tista’ tiġi miżjuda mal-kondotta tiegħi?

Il-pulizija żżomm reġistru tal-kundanni preċedenti. Kull kundanna ġdida tiżdied mal-kondotta tiegħek. Ir-reġistru tal-kundanni jinżamm primarjament u jintuża għal skopijiet tal-għoti ta’ sentenzi. Ma jinżamm l-ebda rekord ta’ akkużi kriminali li ma jkunux irriżultaw f’kundanna.

It-tul ta’ żmien li fih jinżamm rekord tal-kundanna tiegħek fir-reġistru tal-kundanni preċedenti jiddependi fuq in-natura tas-sentenza u jvarja għal bejn ħames snin sa massimu ta' tnax(12)-il sena.

Il-kondotta tiegħek jista’ jinżamm mill-pulizija mingħajr il-kunsens tiegħek u ma tistax toġġezzjona għall-inklużjoni tal-kundanna/kundanni kriminali tiegħek fir-reġistru.

Links relatati

Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati

L-aħħar aġġornament: 16/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna