Imputati (proċeduri kriminali)

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Nista’ nappella?

Wara li ssibek “ħati” jew “mhux ħati”, il-qorti toħroġ verdett li int issir taf bih fi tmiem il-kawża. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jindika meta l-qorti tista’ tiċħad kawża kriminali mingħajr ma toħroġ verdett. Imbagħad il-qorti tagħmel deċiżjoni. Tista’ tappella kemm kontra l-verdett kif ukoll kontra d-deċiżjoni.

L-appell irid ikun bil-miktub u fih il-firma tiegħek. Jiġi sottomess mill-qorti tal-ewwel istanza għall-qorti tal-appell. Jekk l-ewwel istanza hi qorti distrettwali, il-qorti tal-appell tkun qorti reġjonali. Il-verdetti u d-deċiżjonijiet ta’ qorti reġjonali huma appellati quddiem qorti tal-appell. Għal aktar tagħrif dwar il-qrati ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem. L-appelli kontra verdetti huma ppreżentati fi żmien 15-il ġurnata mid-data li jkunu ddikjarati, u d-deċiżjonijiet – fi żmien 7 ijiem mill-ġurnata li fiha jiġu nnotifikati.

Fl-appell, tista’ tilmenta dwar il-konklużjonijiet tal-qorti fir-rigward ta’ fatti li sabet li ġew ippruvati, l-applikazzjoni ta’ liġijiet relevanti u dwar penali inġusti. Irrispettivament minn kemm isiru lmenti, u x’tip ta’ lmenti jkunu saru, il-qorti tal-appell tiddeċiedi jekk il-verdett sħiħ ikunx korrett jew le.

X’jiġri jekk nappella?

Wara li tkun irċiviet l-appell tiegħek, il-qorti tal-ewwel istanza tibgħat kopji tiegħu lill-prosekutur u lill-partijiet l-oħra fil-kawża. Flimkien mar-raġunijiet tagħha għall-verdett, l-istess qorti tirreferi l-kawża bl-appell lill-qorti tal-appell. Jekk il-qorti ordnatlek li tinżamm f’kustodja proviżorja bħala miżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni l-appell ma jwassalx għall-konċessjoni awtomatika tal-libertà tiegħek. Iżda tista’ titlob lill-qorti tal-appell biex dik il-miżura tiġi mibdula għal waħda inqas severa. Il-qorti tiddeċiedi l-appell tiegħek waqt smigħ separat.

M’hemmx data ta’ skadenza għall-qorti tal-appell biex tistabbilixxi data għas-smigħ. Din tiddependi fuq meta jistgħu jitħejjew ir-raġunijiet għall-verdett u fuq il-volumi ta’ xogħol tal-qorti tal-appell.

Tista’ ġġib provi ġodda quddiem il-qorti tal-appell għax dik il-qorti tista’ ssib fatti ġodda. Ir-regoli dwar il-provi validi għall-proċess tal-ewwel istanza japplikaw hawnhekk ukoll.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Tista’, iżda mhux bilfors, tattendi għas-smigħ. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tagħmlu dikjarazzjoni bil-fomm dwar l-ilmenti fl-appell. Il-partijiet l-oħra preżenti jistgħu jgħidu x’jaħsbu dwar l-appell.

Il-qorti tal-appell tista’:

  • tiddeċiedi li tannulla l-verdett u tirreferi l-każ lill-prosekutur jew lill-qorti tal-ewwel istanza għal eżaminazzjoni mill-ġdid.
  • tannulla l-verdett tal-qorti tal-ewwel istanza u toħroġ verdett ġdid.
  • tiddeċiedi li tibdel il-verdett, għal sentenza inqas severa.
  • tiddeċiedi li tirrevoka l-verdett u li twaqqaf il-proċedimenti kriminali.
  • tissospendi l-proċedimenti kriminali fil-każijiet previsti fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali
  • tiddeċiedi li tikkonferma l-verdett tal-qorti tal-ewwel istanza.

X’jiġri jekk l-appell jintlaqa’/ma jintlaqax?

Jekk m’intix kuntent bil-verdett jew bid-deċiżjoni ta’ qorti tal-appell, tista’ tappella quddiem Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni. Jekk il-qorti tal-appell tkun qorti reġjonali, tista’ tippreżenta appell quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni biss f’każ li l-qorti reġjonali tkun ħarġet verdett ġdid.

Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni ma ssibx fatti ġodda u għaldaqstant, ma taċċettax provi ġodda. Dik il-qorti tista’ tindika biss jekk il-liġijiet ġewx applikati b’mod korrett u jekk il-penali imposta hijiex ġusta. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tikkonsidra biss l-ilmenti ddikjarati fl-appell li sarilha.

Int tkun intitolat għal kumpens biss meta l-kundanna tiegħek tiġi annullata u l-qorti tal-appell toħroġ verdett ġdid ta’ “mhux ħati”. Għal aktar dettalji, ara l-att dwar il-kumpens speċjali hawnhekk. Jekk, minkejja l-appell, il-kundanna tibqa’ tali, anki jekk b’sentenza inqas severa, din tibqa’ tidher fuq il-kondotta tiegħek. Verdett ta’ liberazzjoni ma jitniżżilx.

Ladarba tagħmel użu mill-possibbiltajiet kollha għall-appell quddiem qorti tal-appell u l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, mhuwiex possibbli li jsir appell ulterjuri Il-verdett isir finali – jekk ma jkunx appellat, jew jekk ikun appellat wara d-data ta’ skadenza, jew wara li l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tkun iddikjarat id-deċiżjoni tagħha.

Jien minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura wara l-proċess quddiem qorti kriminali?

Tista’ tintbagħat lura. F’xi każi, dan jista’ jseħħ anke jekk ma taqbilx. It-trasferiment tiegħek ma jseħħx awtomatikament wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ. Trid isseħħ proċedura li hi spjegata fid-dettall fil- Kodiċi ta' Proċedura Kriminali. Ikollok bżonn parir legali.

Jekk inkun ikkundannat, nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess delitt?

Il-liġi ma tippermettix li int tkun ipproċessat għal delitt li diġà tkun ġejt ikkundannat għalih. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta tkun ikkundannat fi Stat Membru ieħor.

Informazzjoni dwar l-akkużi/il-kundanna

L-informazzjoni dwar l-akkużi kontrik jinżammu fir-rekords tal-pulizija. Jekk tkun illiberat, tista’ titlob lill-pulizija tħassar dik l-informazzjoni.

L-informazzjoni dwar il-kundanna titniżżel fil-kondotta tiegħek. Dan jinżamm mill-qorti distrettwali rispettiva. Jekk twelidt barra mill-Bulgarija, il-kondotta tiegħek tinżamm fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-ebda rekord ta’ kundanna kriminali ma jiġi mħassar sakemm ikollok 100 sena u mbagħad jitqiegħed fuq mikrofilm u jitħassar. Il-kunsens tiegħek mhuwiex meħtieġ għall-ħażna tal-kondotta tiegħek. Lanqas m’inti intitolat li toġġezzjona għall-ħażna ta’ dik l-informazzjoni.

Links relatati

Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Att dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni (Ikkawżati liċ-Ċittadini)

Ordinanza Nru.8 tas-26 ta’ Frar 2008 dwar il-Funzjonijiet u l-Organizzazzjoni tax-Xogħol tal-Uffiċċji tar-Rekords ta’ Kundanni Kriminali

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.