Imputati (proċeduri kriminali)

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Fejn u kif isir il-proċess?

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jistabbilixxi jekk il-qorti tal-ewwel istanza li se tisma’ l-każ tiegħek hix se tkun qorti distrettwali jew reġjonali. Għal aktar tagħrif dwar il-qrati, ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

Fil-prinċipju, il-proċess ikun pubbliku. Madanakollu, hu possibbli li l-proċess sħiħ jew is-smigħ individwali jinstema’ bil-bibien magħluqa għall-pubbliku. Dan iseħħ biex ikunu protetti sigrieti tal-istat, il-morali pubbliċi jew l-identità sigrieta ta’ xhieda protetti.

Skont il-gravità tal-akkuża, il-każ jiġi deċiż minn imħallef jew minn bord magħmul minn imħallef u żewġ ġurati. Għal ħafna mill-każijiet ta’ delitti serji jkun hemm bord ta’ 2 imħallfin u 3 ġurati. L-imħallef u l-ġurati għandhom voti ugwali fil-proċess.

L-akkużi jistgħu jinbidlu matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Dan hu possibbli jekk, matul il-proċess quddiem qorti kriminali, fatti ġodda li ma jkunux magħrufa mill-awtoritajiet inkwirenti sa dak il-mument, jiġu ppruvati li jappoġġjaw il-bidla. Iżda akkużi ġodda jistgħu jinġiebu biss meta:

  • ikun hemm bżonn ta’ bidliet serji fil-fatti spjegati fl-akkużi oriġinali;
  • anki mingħajr tali bidliet, l-akkużi l-ġodda jikkonċernaw delitti aktar serji.

Jekk ikun hemm akkuża ġdida, tista’ titlob sabiex tipprepara għaliha qabel ma jkompli l-proċess quddiem qorti kriminali.

Jekk twieġeb ħati għal xi akkuża, tista’ tkun imposta sentenza iżgħar. Iżda l-qorti ma tistax taqta’ sentenza fuq il-bażi tal-ammissjoni tiegħek biss.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk int akkużat b’delitt punibbli permezz ta’ priġunerija ta’ aktar minn 5 snin, trid tattendi għall-proċess quddiem qorti kriminali. Jekk int ġej minn pajjiż barrani u l-preżenza tiegħek hi obbligatorja, il-proċess quddiem qorti kriminali jista’ jinstema’ mingħajrek skont il-kundizzjonijiet speċifikati hawnhekk biss. F’dawn il-każijiet, l-avukat tal-għassa jkun allokat għalik skont il-proċedura speċifikata hawnhekk.

Fil-prinċipju, il-parteċipazzjoni għall-proċess quddiem qorti kriminali b’kollegament bil-vidjow mhijiex permessibbli. F’każ li l-qorti tara li l-verità ma tkunx imfixkla biss, hija tkun tista’ tagħmillek mistoqsijiet b’kollegament bil-vidjow – u jekk int barra l-pajjiż biss. Parteċipazzjoni obbligatorja tfisser il-preżenza fiżika tiegħek matul il-proċess kollu. Jekk il-parteċipazzjoni tiegħek mhix obbligatorja, għandek id-dritt li tkun preżenti xorta. Jekk ma titkellimx bil-lingwa, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas.

Il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jistabbilixxi l-każi meta int irid ikollok difiża legali. Dwar l-għażla tiegħek ta’ avukat u d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas, ara hawnhekk. Tista’ tibdel l-avukat tiegħek. Jekk int detenut, tista’ tiltaqa’ u titkellem mal-avukat tiegħek fil-privat. Tista’ tkun megħjun minn interpretu jekk ma titkellimx bil-lingwa.

Tista’, iżda mhux bilfors, titkellem waqt il-proċess quddiem qorti kriminali. Anki jekk tgħid xi ħaġa li mhix vera, din mhux se jkollha konsegwenzi negattivi kontrik. Iżda għandek tikkonferma d-dettalji personali tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi miġjuba kontrija?

Tista’ tikkontesta l-provi miġjuba kontrik. Tista’ tiddikjara li mhumiex ammissibbli għax ma ġewx miġbura b’mod legali jew għaliex, minkejja l-fatt li huma ammissibbli, ma jappoġġjawx l-akkuża. Normalment, il-provi huma kkontestati fi tmiem il-proċess meta l-avukat jippreżenta l-argumenti tad-difiża. L-ammissibbiltà tal-provi tista’ tkun ikkontestata wkoll matul il-proċess quddiem qorti kriminali.

Int intitolat li titlob kwalunkwe prova, ammissibbli skont il-liġi, li taħdem favurik. Tista’ titlob li jiġu interrogati xhieda tad-difiża. Tista’ titlob li jitressqu provi fi kwalunkwe ħin tal-kawża. Provi miġjuba bis-saħħa ta’ investigatur privat huma ammissibbli jekk huma miġbura skont il-liġi. L-avukat tiegħek jista’ jevalwa l-valur tagħhom.

Int u l-avukat tiegħek tistgħu tistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni fil-preżenza tagħhom. Il-proċedura għall-interrogazzjoni ta’ xhieda protetti hi aktar speċifika. Tista’ tikkontesta dak li x-xhieda qalu kontrik. Normalment, dan isir lejn tmiem il-kawża meta l-avukat jippreżenta l-argumenti tad-difiża.

L-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi tista’ tiġi kkunsidrata?

Taqbel jew ma taqbilx, il-qorti tiġbor l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali preċedenti tiegħek. Jekk tinsab ħati u għandek kundanni preċedenti, dawn jistgħu jwasslu għal penali aktar ħarxa. L-informazzjoni għandha tkun kurrenti sa minn tmiem il-proċess quddiem qorti kriminali. Kundanni preċedenti fi Stat Membru ieħor ikunu kkunsidrati jekk ikunu rikonoxxuti preċedentement minn qorti Bulgara.

X’jiġri fi tmiem il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk il-qorti tiddetermina li l-akkuża hi ppruvata mingħajr l-ebda dubju, il-qorti ssibek ħati u tikkastigak skont il-liġi. Inkella, il-qorti tiddikjarak ‘mhux ħati’.

Sentenzi possibbli:

  • Priġunerija għall-għomor – bid-dritt jew mingħajr dritt ta’ sostituzzjoni: imposta għad-delitti l-aktar gravi. Priġunerija għall-għomor mingħajr dritt ta’ sostituzzjoni ma tistax tkun mibdula fi priġunerija għal terminu definit. Priġunerija għal żmien definit – għal mhux aktar minn 20 sena jew, b’eċċezzjoni, sa 30 sena. Din is-sentenza hi skontata l-ħabs.
  • Probation għal terminu definit – jinkludi miżuri ta’ kontroll u miżuri li jinfluwenzaw mingħajr ma jċaħħdek mil-libertà tiegħek. Servizz fil-komunità jista’ jkun eżempju ta’ tali miżura.
  • Sekwestru – il-propjetà tiegħek jew parti minnha titteħidlek bil-forza.
  • Multa – għandek tħallas ċertu ammont ta’ flus.
  • Ċaħda, għal perjodu definit, mid-dritt li jkollok ċerta pożizzjoni jew li teżerċita ċerta professjoni, id-dritt li tkun mogħti premji jew titli militari.
  • Ċensura pubblika – is-sentenza tiegħek issir pubblika b’mod xieraq.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Bħala akkużatur privat, il-vittma tappoġġja l-akkuża mressqa mill-prosekutur pubbliku u titlob għall-kundanna tiegħek. Bħala attur ċivili, il-vittma titlob li int tkun ikkundannat sabiex tħallas għad-danni kkawżati mid-delitt. Il-vittma tippreżenta petizzjoni fil-bidu tal-proċess quddiem qorti kriminali u tassumi dawn ir-rwoli jekk il-qorti tiddeċiedi hekk.

Interrogazzjoni ta’ xhieda protetti

It-testimonjanza tista’ tipperikola l-ħajja jew is-saħħa ta’ xhud jew tal-familja u l-ħbieb tiegħu/tagħha. Imbagħad jekk il-qorti tkun konvinta li l-periklu hu reali, tieħu miżuri – fuq it-talba jew bil-kunsens tax-xhud – biex tipproteġi b’mod urġenti s-sigurtà tiegħu/tagħha. Eżempju ta’ tali miżura jista’ jkun li ma tkunx żvelata l-identità tax-xhud mhedded.

Jekk xhud protett b’identità sigrieta għandu jixhed, il-qorti tinterrogah/a meta l-partijiet għall-proċess ma jkunux preżenti. Il-liġi teħtieġ li l-qorti tieħu l-prekawzjonijiet possibbli kollha sabiex ma tesponix l-identità tax-xhud. Wara l-interrogazzjoni, il-qorti immedjatament tipprovdi lilek u lill-avukat tiegħek b’kopji tad-dikjarazzjoni tax-xhud mhux iffirmata. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tagħmlu mistoqsijiet lix-xhud bil-miktub.

Links relatati

https://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/2135512224Kodiċi ta' Proċedura Kriminali

https://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/1589654529Kodiċi Kriminali

https://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/2135560660L-Att Ġudizzjarju

http://www.vss.justice.bg/bg/vlast/1.htmIl-Kunsill Ġudizzjarju Suprem

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.