Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Għalfejn isiru l-inkjesta u l-investigazzjoni kriminali?

Dawn iservu sabiex jinġabru l-provi li jistabbilixxu r-reat, u sabiex ikunu vverifikati l-elementi li jistgħu jeżoneraw lill-persuna ssuspettata jew li permezz tagħhom jintwera li ma seħħx reat.

X’inhuma l-istadji tal-inkjesta u tal-investigazzjoni? Min iwettaq kull stadju?

Il-pulizija tinvestiga r-reati, min iwettaqhom u tiġbor il-provi.

Meta hija tissuspetta l-eżistenza ta’ xi reat, hija tavża lill-Prosekutur tal-Kuruna, li jiddeċiedi:

  • jew li ma jieħu l-ebda azzjoni;
  • jew li jkompli l-inkjesta huwa stess (informazzjoni);
  • jew li jitlob lil xi maġistrat inkwerenti jagħmel inkjesta dwar xi fatt speċifiku, u mhux dwar xi persuna partikolari (investigazzjoni).

Il-Prosekutur tal-Kuruna għandu inqas setgħat mill-maġistrat inkwerenti. Il-maġistrat inkwerenti jew il-Prosektur tal-Kuruna jmexxi l-inkjesta u jagħti struzzjonijiet lill-pulizija li jwettqu d-dmirijiet investigattivi bil-mod stipulat (intervisti, perkwiżizzjonijiet, ġbir ta’ kampjuni tad-DNA,…).

Meta tintemm l-inkjesta

Jekk il-każ qiegħed għall-informazzjoni, il- Prosekutur tal-Kuruna jista’:

  • ma jieħux azzjoni;
  • jipproponi patteġġament: iwaqqaf l-azzjoni pubblika (ebda prosekuzzjoni) u titħallas somma flus (il-proċedura klassika f’każ ta’ reati tat-traffiku);
  • jipproponi medjazzjoni kriminali, għar-reati minuri: l-ebda prosekuzzjoni, iżda min iwettaq ir-reat ikollu jikkumpensa lill-vittma u, jekk ikun meħtieġ, jingħata kura jew taħriġ;
  • iħarrek direttament lis-suspettat quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu;
  • iħarrek l-akkużat biex jidher quddiem qorti permezz ta’ proċess verbali: it-taħrika tingħata lill-akkużat meta jiġi arrestat (għal mhux aktar minn 24 siegħa), jew jippreżenta ruħu quddiem il-Prosekutur tar-Re, sabiex titħaffef il-proċedura.

Jekk il-każ qiegħed għall-investigazzjoni, il-każ jiġi kkomunikat lill-prosektur li jagħmel is-sottomissjonijiet finali. Wara, l-akkużat jista’ jaqra l-fajl tiegħu. Dan jissejjaħ quddiem il-Kamra tal-Kunsill li, wara li tkun semgħet ir-rapport tal-inkjesta tal-maġistrat inkwerenti, il-parti(jiet) ċivili eventwali (vittmi), l-akkuża tal-Prosekutur u d-dikjarazzjoni tad-difiża, jista’:

  • jew jibgħat il-każ għand il-maġistrat inkwerenti għal aktar investigazzjoni;
  • jew, jekk l-inkjesta tkun lesta:
  • jiddifferixxi s-sentenza jekk smigħ pubbliku jista' jikkawża ħsara lill-akkużat;
  • jippronunzja t-tqegħid f’istituzzjoni ta’ difiża soċjali, jekk il-persuna tkun wettqet reat fi stat gravi ta’ żbilanċ mentali li ma ħallewhiex tikkontrolla l-azzjonijiet tagħha fil-mument tal-fatti u għadha f’dan l-istat;
  • jirreferi l-kawża għal sentenza quddiem il-qorti kompetenti (tribunal tal-pulizija jew kriminali); jekk iqis li l-fatti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Kriminali (Cour d’Assises), il-Kamra tagħti ordni li d-dokumenti jintbagħtu lill-Prosekutur Ġenerali, peress li x-Chambre des mises en accusation biss tista’ tirreferi l-każ quddim il-Qorti Kriminali (Cour d’Assises).

Id-dritt għall-appell tal-akkużat, ristrett għal ċerti kwistjonijiet ta’ proċedura, jista’ jiġi eżerċitat quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Waqt l-inkjesta, l-imħallef inkwerenti jista’ joħroġ mandat ta’ arrest f'ċerti kundizzjonijiet:

  • l-eżistenza ta’ ħjiel serju ta’ ħtija;
  • fatti li huma jġorru piena ta' mill-inqas sena priġunerija;
  • u ħtieġa assoluta ta’ sigurtà pubblika.

Jekk il-massimu tal-piena applikabbli ma jaqbiżx il-ħmistax-il sena priġunerija, il-mandat jista’ jinħareġ biss jekk jeżistu raġunijiet serji li wieħed jinkwieta dwar riskju ta’ ħarba, reċidività, evażjoni mill-ġustizzja, għajbien ta’ provi jew kompliċità ma’ terzi persuni.

L-akkużat jidher quddiem il-Kamra tal-Kunsill fi żmien ħamest ijiem minn meta jinħareġ il-mandat, imbagħad kull xahar, sakemm tingħalaq l-investigazzjoni (kull tliet xhur jekk ir-reat ikun wieħed inqas gravi).

Id-drittijiet tiegħi waqt l-inkjesta u l-investigazzjoni

L-arrest u l-interrogazzjoni mill-pulizija (1)

F’liema każijiet u għal kemm żmien nista’ niġi mċaħħad mil-libertà mill-pulizija?

Inti tista’ tiġi mċaħħad mil-libertà f’każ ta’ delitt jew reat ovvju, jew fuq talba tal-Prosekutur tal-Kuruna jew tal-imħallef inkwerenti meta jkun hemm ħjiel serju ta’ ħtija. L-arrest mill-pulizija ma jistax idum iktar minn 24 siegħa.

Nista’ niġi mfittex?

Iva, waqt l-arrest tiegħek jew jekk ikun hemm suspett li għandek xi arma jew oġġett perikoluż, jew jekk ikun hemm theddida għall-ordni pubbliku.

Il-pulizija tista’ tidħol għandi?

Iva, f’każ ta’ delitt ovvju jew bil-kunsens tiegħek.

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fl-uffiċċju jew fil-karozza tiegħi?

Iva, bħal fil-każ tad-dar. Madankollu ċerti postijiet huma invjolabbli u oħrajn huma speċifikament protetti: it-tiftix fihom jitlob proċedura partikolari (uffiċċju ta’ diplomatiku, ta’ membru parlamentari, postijiet ta’ kustodja tas-sigriet professjonali, …).

Il-karozza tiegħek tista’ tiġi perkwiżita jekk ikun hemm suspett li din intużat f’xi reat, li ġarret persuni mfittxija, provi jew evidenza, jew oġġetti ta’ periklu għall-ordni pubbliku.

Nista’ nikkuntattja xi membru tal-familja, ħabib, tabib, jew xi membru tal-ambaxxata tiegħi?

Inti tiġi eżaminat minn tabib jekk il-pulizija jqisu li hemm il-ħtieġa jew fuq talba. F’dan l-istadju, il-pulizija jiddeċiedu jekk iħallukx iċċempel jew le. Jekk inti taħt l-età, il-pulizija huma obbligati li jinformaw bil-miktub jew verbalment lill-ġenituri, lit-tutur tiegħek jew lil min jieħu ħsiebek mill-aktar fis possibbli.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija?

Inti għandek dritt li ma tgħid xejn sabiex ma tinkriminax lilek innifsek, jiġifieri li ma tikkollaborax fil-ġbir ta’ provi kontrik.

Qabel ma tibda l-interrogazzjoni, għandek tiġi infurmat:

  • li tista’ titlob li l-mistoqsijiet kollha li jkunu sejrin isirulek u t-tweġibiet li tagħti jitniżżlu eżattament kif ikunu ntqalu;
  • li tista’ titlob li jsir ċertu att ta’ informazzjoni jew ta' smigħ;
  • li l-istqarrijiet tiegħek jistgħu jintużaw bħala provi fil-qorti.

Tista’ tuża d-dokumenti fil-pussess tiegħek, mingħajr ma dan iwassal għall-posponiment tal-interrogatorju. Waqt l-interrogatorju jew wara, inti tista’ titlob li dawn id-dokumenti jiġu inklużi mal-proċess verbali tas-smigħ jew ippreżentati fir-Reġistru.

Meta tintemm l-intervista, il-proċess verbali jingħatalek biex taqrah, sakemm ma titlobx li jaqrawhulek. Jistaqsuk ukoll jekk tridx tirranġa jew iżżid xi ħaġa mal-istqarrija tiegħek.

Jekk tixtieq tesprimi ruħek f’lingwa differenti minn dik tal-proċedura, jissejjaħ interpretu marbut b’ġurament, l-istqarrija tiegħek tittieħed fil-lingwa tiegħek, jew tintalab tiktibha inti stess. Jekk l-interrogatorju jsir bl-għajnuna ta’ interpretu, l-identità u l-professjoni tiegħu jiġu msemmija.

Inti tiġi infurmat jekk tistax tingħata kopja tal-istqarrija tiegħek bla ħlas.

Tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-pulizija għandhom aċċess għall-uffiċċjuċentrali tal-kondotti.

Nista’ nkun assistit mill-avukat tiegħi?

L-avukat tiegħek ma jistax ikun preżenti waqt is-smigħ tiegħek u ma jistax jiltaqa’ miegħek sakemm tkun miżmum f’dawk l-24 siegħa.

Il-fajl tal-informazzjoni (2)

L-inkjesta titmexxa mill-Prosekutur tal-Kuruna. L-informazzjoni preliminari tkun inkwiżitorjali: sigrieta, miktuba u mhux kontenzjuża.

X’jista’ jagħmel il-Prosekutur tal-Kuruna waqt il-fażi ta’ informazzjoni?

Ħlief għal xi eċċezzjoni legali, l-atti ta’ informazzjoni ma jistgħux jinkludu atti ta’ ġegħil u lanqas jippreġudikaw id-drittijiet u l-libertajiet individwali. Il-konfiska tal-proprjetà tista’ ssir taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-Prosekutur tal-Kuruna jista’, inter alia:

  • imur fuq il-post fejn seħħ ir-reat,
  • jisma’ jew iqabbad lill-pulizija jisimgħu xi persuni ssuspettati jew xiehda,
  • jarresta lil xi ħadd (għajr f’każ ta’ delitt ovvju) għal 24 siegħa,
  • jitlob analiżi tad-DNA bil-kunsens tas-suspettat,
  • jinterċetta u jieħu l-posta (iżda ma jiftaħhiex),
  • jikseb tagħrif bankarju skont ċerti kundizzjonijiet,
  • jagħmel perkwiżizzjonijiet f’każ ta’ delitt ovvju jew bil-kunsens ta’ sid il-post,
  • jara li jsiru metodi ta’ riċerka partikolari li jistgħu jkunu intrużivi ħafna.

X’nista’ nagħmel jekk att ta’ żvelar ta' informazzjoni jikser id-drittijiet tiegħi?

Tista’ titlob li jitneħħa permezz ta’ talba mmotivata, is-sommarju kriminali, pereżempju jekk il-proprjetà tiegħek tinqabad bħala prova. Il-Prosekutur tal-Kuruna ikollu 15-il ġurnata biex jiddeċiedi. F’każ li ma tingħatax tweġiba, jew li tingħata tweġiba negattiva, inti tista’ tippreżenta rikors quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Tista’ wkoll, f’dan il-każ, titlob lill-Prosekutur tal-Kuruna biex jawtorizza lill-Uffiċċju ċentrali għall-Qbid u l-Konfiska jbiegħ il-proprjetà, jew li jirritornaha bl-għoti ta' garanzija.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajl?

B’differenza mis-sistema ta’ investigazzjoni, m’hemm l-ebda regola partikolari li torganizza l-komunikazzjoni totali jew parzjali tal-fajl lill-partijiet involuti fl-istadju tal-informazzjoni. Inti tista’ titlob l-aċċess għall-fajl lill-Prosekutur tal-Kuruna li għandu s-setgħa diskrezzjonali li jaċċetta jew jirrifjuta.

Nista’ ninfluwenza l-eżitu tal-fajl?

Le. Il-Prosekutur tal-Kuruna jieħu deċiżjoni waħdu rigward jekk jieħux azzjoni, idaħħalx imħallef inkwerenti, iħarrkekx jew iħarrkekx permezz ta’ proċess verbali quddiem il-qorti, jew jipproponilekx alternattiva sabiex iwaqqaf l-azzjoni pubblika (ftehim jew medjazzjoni: f’dan il-każ ma jkunx hemm proċess jekk tħallas il-multa jew jekk tirrispetta l-kundizzjonijiet imposti waqt il-medjazzjoni).

Każ għall-investigazzjoni (3)

L-investigazzjoni titmexxa taħt id-direzzjoni u l-awtorità tal-maġistrat inkwerenti, imqabbad mill-Prosekutur tal-Kuruna, jew mill- allegata vittma ta’ reat permezz ta’ ilment fi proċedura ta’ azzjoni ċivili.

X’inhuma l-azzjonijiet li jista’ jitlob maġistrat inkwerenti?

Huwa jista’ juża l-atti kollha li jista’ juża l-Prosekutur tal-Kuruna, u mezzi ta’ koerzjoni importanti: joħroġ mandat ta’ arrest, jordna l-interċettazzjoni tat-telefonati, perkwiżizzjonijiet mingħajr kunsens, metodi aktar estensivi ta’ tiftix partikolari,…

Għandi ninstema’ mill-maġistrat inkwerenti?

L-interrogatorju mill-maġistrat inkwerenti huwa obbligatorju biss f’każ li jinħareġ mandat ta’ arrest.

Il-maġistrat għandu jgħidli li jeżisti każ?

Il-maġistrat fil-prinċipju għandu jakkużak jekk jeżistu provi serji kontrik. L-akkuża ssir wara smigħ jew permezz ta’ ittra, u tagħtik id-dritt li titlob l-aċċess għall-fajl kriminali u d-dritt li titlob miżuri ta’ investigazzjoni ulterjuri.

Il-maġistrat jista’ jordna li jinterċettawli t-telefonati li nagħmel jew li nirċievi?

Iva, filwaqt li jirrispetta ċerti kundizzjonijiet legali speċifiċi ħafna.

Nista’ noġġezzjona għal xi perkwiżizzjoni?

Id-dar tiegħek tista’ tiġi mfittxija jekk il-maġistrat jiffirma mandat ta’ tfittxija, u jekk it-tfittxija ssir bejn il-5:00 u d-9:00 ta’ filgħaxija, ħlief għal xi eċċezzjonijiet.

Il-maġistrat jista’ jobbligani fiżikament li jittieħidli kampjun tad-DNA?

Iva, taħt ċerti kundizzjonijiet.

X’nista’ nagħmel kontra xi att fl-investigazzjoni li jikser id-drittijiet tiegħi?

Tista’ tiftaħ proċedura sommarja kriminali (cf. Informazzjoni).

Jista’ jkolli aċċess għall-fajl waqt l-inkjesta?

Jekk inti akkużat mhux arrestat, tista’ titlob l-aċċess għall-fajl permezz ta’ talba indirizzata lill-maġistrat inkwerenti, li jista’ jirrifjutalek l-aċċess iżda għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu. F’każ li l-maġistrat ma jweġibx jew f’każ ta’ tweġiba negattiva, tista’ tappella quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Nista’ nitlob li jsiru ċerti atti investigattivi?

Iva, kemm jekk tkun arrestat kif ukoll jekk le. Tista’ tagħmel dan permezz ta’ talba. Il-maġistrat inkwerenti jista’ jirrifjutaha jekk iqis li l-miżura m’hijiex meħtieġa biex tintwera l-verità jew li hija ta’ detriment għall-investigazzjoni. Teżisti l-possibbiltà ta’ appell.

Każ partikolari: l-arrest preventiv (4)

Kif għandha ssir l-interrogazzjoni quddiem l-imħallef?

Interrogazzjoni qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għandha sseħħ fi żmien 24 siegħa miċ-ċaħda tal-libertà taħt piena ta’ nullità tal-mandat ta’ arrest. L-interrogazzjoni għandha tirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ mandat u l-fatti allegati.

L-avukat tiegħek ma jistax ikun preżenti.

Nista’ ninstema’ mill-imħallef aktar tard?

Tista’ titlob interrogazzjoni rikapitulattiva. Din hija l-unika interrogazzjoni fejn l-avukat tiegħek jista’ jkun preżenti.

Meta nista’ nara lill-avukat tiegħi?

Wara l-ewwel smigħ tiegħek mill-maġistrat inkwerenti.

Nista’ nikkontesta l-legalità jew ir-raġunijiet tal-mandat ta’ arrest?

Ma tistax tappella d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt mandat ta’ arrest.

Fi żmien ħamest ijiem minn meta joħroġ il-mandat, inti tidher quddiem il-Kamra tal-Kunsill. Lejliet, jngħatalek aċċess għall-fajl tiegħek. L-avukat tiegħek jew inti stess tistgħu titolbu r-rilaxx tiegħek.

L-avukat tiegħek jista’ jqajjem irregolarità fil-mandat biss waqt din l-ewwel dehra quddiem il-Kamra tal-Kunsill (u fl-appell). Jekk jiġi kkonfermat il-mandat ta’ arrest, inti għandek id-dritt tal-appell. Fi żmien 15-il ġurnata għandek tidher quddiem x-Chambre des mises en accusation. F’każ li din l-iskadenza ma tiġix irrispettata, inti tinħeles minnufih.

Il-konferma tal-arrest hija valida għal xahar (jew tliet xhur). Inti tista’, f’kull seduta, tikkontesta l-adegwatezza tal-mandat ta’ arrest u/jew l-evidenza ta’ ħtija. Il-fajl ikun għad-dispożizzjoni tiegħek jumejn qabel kull seduta.

Nista’ nkellem lil terzi persuni fil-ħabs?

Dejjem tista’ tkellem lill-avukat tiegħek.

Iżda l-maġistrat inkwerenti jista’ ma jħallikx tkellem lil kwalunkwe persuna oħra għal massimu ta’ tlett ijiem.

Meta nista’ ninħeles?

Fi kwalunkwe ħin mill-maġistrat inkwerenti, jew fuq deċiżjoni tal-qrati istruttorji waqt is-smigħ tiegħek. Il-libertà tista’ tkun kundizzjonata jew b’garanzija.

Jien ċittadin ta’ pajjiż ieħor. Għandi nkun preżenti waqt il-kumpilazzjoni?

Jista’ jinħareġ mandat ta’ arrest jekk ikun hemm riskju ta’ evażjoni mill-ġustizzja. Il-maġistrat inkwerenti jew il-qrati istruttorji jistgħu jagħtuk il-libertà fuq garanzija. Inti tista’ tiġbor lura s-somma ta’ flus imħallsa jekk tidher f’kull stadju tal-proċedura.

Jekk tinħeles, inti tintalab tidher għas-smigħ, u fil-prinċipju quddiem qorti tal-prim’istanza. Il-maġistrat inkwerenti jista’ jordnalek, permezz ta’ ordni ta’ libertà kundizzjonata, sabiex ma titlaqx mill-pajjiż. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għal perjodu ta’ tliet xhur. Inti tista’ tikkontestahom quddiem il-Kamra tal-Kunsill.

Għeluq tal-istruttorja (5)

X’nista’ nagħmel jekk l-inkjesta ddum?

Wara sena, tista’ tagħmel talba mmotivata lix-Chambre des mises en accusationli tikkontrolla l-andament tal-inkjesta.

Il-kapi ta’ akkuża/ta’ ħtija jistgħu jitbiddlu qabel il-proċess?

Il-Prosekutur tal-Kuruna jaqra l-każ mibgħut mill-imħallef u jispeċifika l-akkużi li għalihom l-akkużat għandu jwieġeb quddiem il-qorti. Jista’ wkoll jagħmel talba għal rinunzja għall-kawża, jew inkella jitlob lill-imħallef jagħmel ċerti investigazzjonijiet ulterjuri. Il-piena tista’ wkoll titbiddel mill-Prosekutur tal-Kuruna f’din l-okkażjoni, jew mill-Kamra tal-Kunsill li jiddeċiedi l-futur tal-kawża.

 

Nista’ nwieġeb ħati tal-akkużi kollha jew xi wħud minnhom qabel il-proċess?

Le, inti titqies innoċenti sal-kundanna definittiva tiegħek minn qorti tal-prim’istanza.

Kif isir l-għeluq tal-kawża?

Il-Kamra tal-Kunsill tiddeċiedi wara li tkun semgħet ir-rapport tal-maġistrat inkwerenti, il-parte civile, il-prosekutur u d-difiża:

  • li tirreferi lill-akkużat quddiem il-qorti kompetenti;
  • li tiddikjara r-rinunzja għall-kawża;
  • li tagħti d-differiment tas-sentenza: il-fatti jiġu ddikjarati stabbiliti, iżda ma tingħata l-ebda piena. L-imħallef jistabbilixxi terminu ta’ prova, li jista’ jkun jinkludi xi kundizzjonijiet li għandhom ikunu rrispettati;
  • li timplimenta l-Att tal-Protezzjoni Soċjali (l-irkupru).

X’inhuma d-drittijiet tiegħi f’din il-fażi?

Tista’ taqra l-fajl tiegħek u tieħu kopji tad-dokument qabel is-seduta quddiem il-Kamra tal-Kunsill. Tista’ wkoll titlob inkjesti addizzjonali permezz ta’ mozzjoni. Jekk il-maġistrat inkwerenti jirrifjuta li jwettaqhom, inti għandek id-dritt li tappella quddiem ix-Chambre des mises en accusation.

Nista’ nappella?

Ma tistax tressaq appell kontra ordni ta’ rinviju, ħlief f’każ ta’ irregolarità, ta’ ommissjoni jew ta’ invalidità li jaffettwa att investigattiv, il-kisba tal-provi jew l-ordni ta’ rinviju, jekk tinvoka raġuni għall-inammissibbiltà jew it-terminazzjoni tal-azzjoni pubblika,

Nista’ niġi akkużat b’reat li nkun ġejt  mixli bih fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

Fil-prinċipju le.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.