Imputati (proċeduri kriminali)

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Kif jiġu ttrattati r-reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Fl-Awstrija, il-qrati ma jittrattawx reati minuri tat-traffiku tat-triq. Dan huwa kompitu tal-awtoritajiet amministrattivi. Il-qrati jittrattaw biss reati tat-traffiku fit-triq li jirriżultaw f’inċidenti b’korrimenti fiżiċi (ħsara fuq il-persuna minħabba negliġenza).

Id-delitti tat-traffiku jiġu ppenalizzati permezz ta’ ordnijiet penali fissi, ordnijiet penali sommarji jew ordnijiet penali.

Ordni penali fissa timponi multa ta’ mhux aktar minn 36 Euro għal delitt (eż. reati ta’ parkeġġ). Jekk il-multa ma titħallasx, inti tiġi rrappurtat lill-awtorità amministrattiva. B’hekk tista’ tiġi imposta multa akbar waqt il-kawża sussegwenti.

Ordni penali sommarja ma tinħariġx kontra persuna speċifika, iżda tingħata lill-persuna (eż. sid il-karozza) li l-awtorità tassumi li taf jew li tista’ faċilment tidentifika lill-awtur tal-ksur.

Tista’ tiġi imposta multa ta’ mhux aktar minn EUR 220 permezz ta’ ordni penali sommarja (eż. reati minuri ta’ sewqan eċċessiv, li jeċċedu l-limitu ta’ veloċità b’10 sa 20 km/siegħa). Jekk il-multa ma titħallasx fi żmien erba’ ġimgħat, l-ordni penali sommarja ma tibqax valida, u tinbeda proċedura penali amministrattiva xierqa kontra s-sewwieq tal-vettura.

Jekk uffiċjal awtorizzat jirrapporta li jkun sar delitt (eż. aktar minn reat minuri ta’ veloċità eċċessiva), u/jew ir-reat ikun identifikat permezz tas-sorveljanza awtomatika (eż. it-taqsima tal-kontroll), l-awtorità tista’ tevalwa multa ta’ mhux aktar minn EUR 365 permezz ta’ ordni penali. Tista’ tippreżenta oġġezzjoni verbali jew bil-miktub kontra l-ordni penali fi żmien ġimagħtejn.

Għandek tressaq l-oġġezzjoni tiegħek quddiem l-awtorità li toħroġ l-ordni penali.

Fl-1 ta’ Lulju 2005 daħlet fis-seħħ sistema ta’ reġistrazzjoni għar-reati tat-traffiku (miżuri kontra sewwieqa ta’ riskju għoli). Din telenka 13-il tip ta’ reat ta’ reġistrazzjoni ta’ riskju għoli.

Malli jiddaħħal it-tielet reat ta’ reġistrazzjoni, is-sewwieqa barranin jiġu pprojbiti milli jsuqu fl-Awstrija.

Mill-1 ta’ Marzu 2008, daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar l-eżekuzzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi fl-UE kollha, li permezz tagħha l-penalitajiet għar-reati tat-traffiku fit-triq jistgħu jiġu eżegwiti fl-UE kollha.

Kif jiġu ttrattati reati minuri oħrajn?

Ir-reati huma ġeneralment ippenalizzati skont il-Liġi dwar ir-reati penali amministrattivi. Dawn li ġejjin huma t-tipi ta’ penali possibbli: multa (l-aktar tip frekwenti) u priġunerija (f’ċerti ċirkostanzi). L-awtorità kompetenti hija dik li jkollha responsabbiltà lokali u materjali (istanzi skont il-liġi amministrattiva).

Għal tagħrif ġenerali dwar il-possibbiltà ta’ protezzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva kklikkja hawnhekk.

Dawn ir-reati jitniżżlu fir-reġistru kriminali tiegħi?

Fl-Awstrija l-penalitajiet imposti skont il-liġi amministrattiva ma jiġux irreġistrati fir-reġistru kriminali.

L-aħħar aġġornament: 22/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna