Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Nista’ nappella?

Konvenut jista’ jappella quddiem qorti ta’ grad ogħla kontra kwalunkwe deċiżjoni ta’ kundanna tal-qorti. Fil-każ ta’ sentenzi mogħtija minn qrati distrettwali u minn imħallef wieħed fi qrati reġjonali, jista’ jiġi ppreżentat appell sħiħ. L-għan tiegħu huwa li jiġu kkontestati kemm il-verdett ta’ ħtija kif ukoll id-deċiżjoni dwar is-sentenza. F’dawn il-kawżi, inti tista’ titlob ukoll biex issir kumpilazzjoni ta’ xhieda ġodda, jew tista’ tippreżenta evidenza ġdida inti stess.

F’każ ta’ sentenza mogħtija minn qrati ta’ imħallfin lajċi jew qrati tal-ġurati, int tista’ tappella biss kontra s-sentenza, iżda mhux kontra l-verdett ta’ ħtija. Dawn is-sentenzi jistgħu jiġu kkontestati biss b’appell għan-nullità, li fih tista’ tallega żbalji fil-proċedura, żbalji fir-raġunijiet għad-deċiżjoni u żbalji fil-liġi.

Ma tistax tikkontesta l-verifika tal-evidenza li tkun saret mill-imħallef. Ma tistax tiddaħħal evidenza ġdida.

Għandek tħabbar l-intenzjoni tiegħek li tappella kontra sentenza jew minnufih, meta tinqara s-sentenza, jew fi żmien massimu ta’ tlett ijiem. Il-qorti mbagħad toħroġ sentenza bil-miktub u tinnotifikaha lilek jew lill-avukat difensur tiegħek. L-avukat tiegħek imbagħad għandu jippreżenta l-appell bil-miktub fi żmien erba’ ġimgħat.

Il-prosekuzzjoni għandha l-istess dritt għall-appell.

X’inhuma l-passi fil-kawża tal-appell?

Il-parti li tkun qed topponi l-proċedimenti (il-konvenut jew il-prosekuzzjoni) għandha d-dritt li tirrispondi għall-appell. Il-qorti mbagħad tgħaddi l-kawża lill-qorti tal-appell. Il-Qorti Suprema dejjem hija dik li tiddeċiedi dwar talbiet għan-nullità.

Wara smigħ orali dwar l-appell, tittieħed deċiżjoni. Il-Qorti Suprema tista’ tiddeċiedi wkoll dwar appelli għan-nullità mingħajr smigħ orali.

Jekk il-Qorti Suprema tilqa’ l-appell għan-nullità, normalment din tannulla s-sentenza li tkun qiegħda tiġi kkontestata u l-kwistjoni tintbagħat lura lill-qorti tal-prim’istanza. F’appelli kontra verdetti ta’ ħtija, il-qorti tal-appell tista’ l-ewwel tagħmel kumpilazzjoni ta’ kwalunkwe evidenza li tikkunsidra meħtieġa u mbagħad tiddeċiedi dwar il-merti.

Bit-tħabbira u l-preżentazzjoni ta’ appell jew appell għan-nullità, is-sentenza li qiegħda tiġi kkontestata tiġi sospiża u għalissa ma tkunx tista’ tiġi eżegwita. Madankollu, jekk tkun qed tinżamm taħt arrest preventiv l-appell tiegħek ma jkunx jista’ jħassar id-detenzjoni.

Mhuwiex possibbli li tippreżenta appell ieħor kontra deċiżjoni tal-qorti tal-appell.

X’jiġri wara l-kawża tal-appell?

Jekk l-appell tiegħek jiġi milqugħ (kollu kemm hu jew parti minnu) jista’ jkun hemm proċess ieħor quddiem il-qorti tal-prim’istanza. Huwa possibbli wkoll li l-qorti tal-appell tieħu d-deċiżjoni hija stess fuq il-bażi tal-argument tiegħek.

Jekk appell jiġi miċħud, jew jekk id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tikkonferma l-kundanna, is-sentenza għandha tiġi eżegwita ladarba ssir finali u eżegwibbli.

Sakemm ma tingħatax sentenza kondizzjonali, inti tirċievi istruzzjonijiet biex jew tħallas il-multa jew tibda tiskonta s-sentenza ta’ priġunerija.

Jekk inti effettivament tiġi meħlus mill-akkużi miġjuba kontrik, u jekk ġejt arrestat waqt il-kawża, inti intitolat għal kumpens għaż-żmien li fih int ġejt miżmum taħt kustodja, f’konformità mal-Att dwar il-kumpens tal-liġi kriminali.

Nista’ niskonta s-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħi?

Dan huwa possibbli jekk tkun tixtieq hekk jew jekk inti tkun taqbel ma’ dan. Inti għandek issib ir-regoli applikabbli fil-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati (b’mod partikolari l-Artikolu 3).

Il-kundanna tiegħi tiddaħħal f’reġistru?

Id-Direttorat Federali tal-Pulizija fi Vjenna jżomm reġistru kriminali għall-Awstrija kollha. Dan fih, b’mod partikolari, din l-informazzjoni:

  • il-kundanni finali kollha mill-qrati kriminali Awstrijaċi;
  • il-kundanni finali kollha mill-qrati barranin ta’ ċittadini Awstrijaċi u ta’ persuni li joqogħdu jew li huma residenti fl-Awstrija; kif ukoll
  • id-deċiżjonijiet kollha ta’ qrati kriminali nazzjonali u barranin relatati ma’ dawn il-kundanni.

Ma jistgħux isiru appelli kontra l-inserimenti fir-reġistru kriminali. Id-daħliet fir-reġistru kriminali jitħassru wara li jgħaddi ċertu perjodu ta’ żmien skont il-gravità tad-delitt.

L-aħħar aġġornament: 22/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna