Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Awstrija

L-iskop ta’ investigazzjoni kriminali huwa li jiġu stabbiliti l-fatti sabiex il-prosekuzzjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk għandhomx jitressqu akkużi jew jekk il-każ għandux jingħalaq. Jekk jitressqu xi akkużi l-proċeduri preliminari huma maħsuba wkoll sabiex jiffaċilitaw il-konklużjoni mgħaġġla tal-proċess quddiem qorti kriminali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

X’inhuma l-istadji tal-investigazzjoni kriminali?

  • L-iskop ta’ investigazzjoni kriminali huwa li jiġi stabbilit jekk sarx reat kriminali u jekk iva minn min ikun twettaq.
  • Ladarba jsiru investigazzjonijiet kontra persuna ssuspettata b’reat partikolari, dik il-persuna titqies li hija akkużata.
  • Il-qorti għandha tieħu ċerti passi fl-investigazzjoni. Din għandha tirrikostitwixxi r-reat u twettaq dawk li huma magħrufa bħala proċeduri kontradittorji. Il-prosekutur pubbliku u l-akkużat, flimkien mal-avukat difensur tiegħu/tagħha, ikunu preżenti waqt dawn il-proċeduri u għandhom id-dritt li jagħmlu mistoqsijiet lill-persuna interrogata. L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jistgħu wkoll jitolbu lill-qorti sabiex taċċetta aktar provi, jekk jikkunsidraw li dan huwa meħtieġ fl-interess pubbliku.
  • L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni u/jew id-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali jistgħu jagħmlu l-parti l-kbira tal-investigazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess mingħajr il-kunsens tal-qorti. Din l-investigazzjoni tinkludi, b’mod partikolari, inkjesti u interrogazzjonijiet, kif ukoll l-istabbiliment tal-identità ta’ persuni, tfittxijiet, eċċ.
  • Sabiex tiġi imposta u estiża ż-żamma taħt arrest qabel il-proċess quddiem qorti kriminali jeħtieġ li joħroġ ordni tal-qorti. L-istess japplika għall-użu ta’ miżuri ta’ impożizzjoni b’rabta mad-drittijiet fundamentali (eż. it-tiftix f’postijiet protetti mid-drittijiet tar-residenti, l-aċċess għall-kontijiet bankarji, l-interċezzjoni tat-telefonati, jew l-analiżi ta’ dejta miġbura minn telefonati).
  • L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni għandhom iwaqqfu l-investigazzjoni jekk ma jkun sar l-ebda reat kriminali, jew jekk il-fatti stabbiliti ma jkunux suffiċjenti sabiex l-akkużat jiġi kkundannat. Fil-każijiet l-oħrajn kollha fejn il-fatti ġew stabbiliti b’mod suffiċjenti, l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni għandhom iressqu l-akkuża quddiem qorti kompetenti.
  • L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jistgħu jirtiraw minn prosekuzzjoni ulterjuri (devjazzjoni) f’każijiet li ma jistgħux jitwaqqfu, iżda fejn l-għoti ta’ sentenza ma jidhirx neċessarju minħabba li l-akkużat (fil-parti l-kbira tal-każijiet) iħallas multa. Id-devjazzjoni mhijiex possibbli jekk ir-reat ikun ikkawża l-mewt ta’ persuna jew jekk jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-imħallfin onorarji jew tal-qorti tal-ġurati, fi kliem ieħor f’każijiet li jġorru sentenza ta’ priġunerija ta’ aktar minn ħames snin (bħala regola).

Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni

Inti għandek drittijiet differenti skont il-passi u l-istadji differenti tal-investigazzjoni:

Fi kwalunkwe każ inti għandek dawn id-drittijiet irrispettivament mill-istadju partikolari tal-proċeduri:

  • Inti għandek tkun informat malajr kemm jista’ jkun dwar il-fatt li qegħdin isiru investigazzjonijiet kontrik, dwar ir-reat li inti ssuspettat li wettaqt u dwar id-drittijiet ewlenin tiegħek waqt il-proċeduri.
  • Waqt kull stadju tal-proċeduri inti għandek id-dritt għal avukat difensur tal-għażla tiegħek jew li tapplika għal avukat difensur għall-għajnuna legali (ara l-Iskeda informattiva 1). Jekk il-fatti jew il-kwistjonijiet legali jkunu kumplessi, inti tista’ titlob li tiġi assenjat avukat difensur għall-għajnuna legali tiegħek tul il-proċeduri kollha. Dan aktarx li jkun il-każ ta’ proċeduri kriminali kontra barranin, li ma jkunux familjari mas-sistema legali Awstrijaka. Fil-każijiet kollha li jeħtieġu dik li hija magħrufa bħala difiża obbligatorja, inti tiġi assenjat avukat difensur fi kwalunkwe każ jekk ma tqabbadx wieħed inti stess. Jekk m’intix irrappreżentat minn avukat difensur għall-għajnuna legali, inti jkollok tħallas l-ispejjeż tal-avukat difensur assenjat.

L-aktar stadji importanti fejn inti għandu jkollok avukat difensur huma: il-perjodu kollu taż-żamma taħt arrest qabel il-proċess quddiem qorti kriminali, matul il-proċeduri għall-istituzjonalizzazzjoni ta’ trasgressuri mentalment abnormali, matul il-proċeduri f’qorti tal-imħallfin onorarji jew qorti tal-ġurati, jew matul proċess quddiem imħallef wieħed jekk ir-reat jista’ jwassal għal sentenza ta’ priġunerja ta’ mhux inqas minn tliet snin.

  • Meta tikkonsulta l-fajl tiegħek;
  • Meta tikkumenta dwar l-allegazzjonijiet imqajma kontrik, jew meta tibqa’ sieket;
  • Meta titlob il-kumpilazzjoni tal-evidenza;
  • Meta tappella kontra miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jew mid-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali, kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti;
  • Meta tiġi assenjat traduttur/interpretu.

L-investigazzjoni u l-kumpilazzjoni tal-evidenza (1)

Min jagħmel l-investigazzjonijiet?

L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni li jmexxu d-dipartimenti tal-investigazzjoni kriminali huma responsabbli mit-twettiq tal-investigazzjonijiet. Id-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali jibda l-investigazzjoni fuq inizjattiva personali, jekk persuna terza tagħmel rapport lill-pulizija, jew b’ordni tal-prosekutur pubbliku.

X’tip ta’ informazzjoni għandi nirċievi?

L-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jew id-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali għandhom jinfurmawk fi kwalunkwe każ li inti qed tiġi investigat u jagħtuk ir-raġunijiet għalfejn. Barra minn hekk, inti għandek tkun infurmat li bħala persuna akkużata m’intix obbligat li tagħmel stqarrija u li jekk tagħmel stqarrija din tista’ tintuża bħala prova kontrik.

Jekk wettaqt ir-reat li qed tiġi akkużat bih u jekk tammetti (jekk int twieġeb ħati), dan ikun fattur mitiganti importanti ħafna meta l-qorti tiddeċiedi s-sentenza tiegħek. Madankollu, l-ammissjoni ta’ ħtija ma taffettwax l-andament tal-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’jiġri jekk ma nitkellimx bil-Ġermaniż?

Jekk ma tistax tikkomunika b’mod adegwat bil-Ġermaniż, inti għandek id-dritt li tistaqsi għal interpretu li jinħatar bla ħlas waqt l-interrogazzjoni tiegħek. M’hemmx bżonn li twieġeb u m’għandekx twieġeb mistoqsijiet jekk l-interpretu ma jkunx preżenti. L-interpretu jinterpreta l-mistoqsijiet magħmula lilek f’lingwa li inti tifhem. L-interpretu jinterpreta t-tweġibiet tiegħek lura bil-Ġermaniż.

L-interpretu għandu fi kwalunkwe każ jinterpreta l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet dwar punti legali li bil-liġi għandhom jingħatawlek. Jekk inti tkun tixtieq, l-interpretu jista’ jgħinek ukoll tikkuntattja lill-avukat difensur assenjat lilek (mhux avukat tal-għażla tiegħek).

Jekk inti infurmat dwar xi ordni tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jew dwar deċiżjoni tal-qorti, inti tista’ titlob ukoll għajnuna biex ikollok dawn id-dokumenti tradotti. Jekk inti tixtieq tikkonsulta l-fajl tiegħek, traduttur ikun jista’ jgħinek biss jekk ma jkollokx avukat difensur u jekk ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna li inti stess tagħmel l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-partijiet rilevanti tal-fajl.

Nista’ nikkuntattja avukat?

M’għandekx bżonn avukat ħlief f’każijiet li jeħtieġu r-rappreżentanza mill-avukat difensur. Madankollu, irrispettivament minn jekk intix arrestat jew le, inti għandek id-dritt li tikkonsulta ma’ avukat fi kwalunkwe ħin, jekk tixtieq. Għandu jkun hemm interpretu għad-dispożizzjoni tiegħek għall-kuntatti tiegħek mal-avukat difensur assenjat.

Jekk inti tiġi arrestat u taf l-isem ta’ avukat li tixtieq li jiddefendik, tista’ tikkuntattjah direttament jew permezz tal-pulizija. Jekk ma taf bl-ebda avukat difensur, tista’ tuża s-servizz ta’ avukati fuq xogħol standby tal-assoċjazzjoni tal-avukati (Skeda Informattiva 1).

Jistgħu jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħi jew kampjuni tad-DNA?

Il-pulizija għandhom id-dritt li jfittxulek fuq ħwejġek u fuq l-oġġetti fil-pussess tiegħek. Il-kunsens tal-qorti u ordni sussegwenti mill-prosekutur pubbliku huwa meħtieġ għal kwalunkwe eżami fiżiku ulterjuri.

Il-pulizija jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek jekk dan ikun meħtieġ sabiex jistabbilixxu l-identità tiegħek. Id-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali jista’ jieħu kampjun tal-bżieq għall-analiżi tad-DNA. Il-kunsens tal-qorti huwa meħtieġ biex issir l-analiżi tad-DNA innifisha.

Tista’ ssir tfittxija f’dari, fl-uffiċċju tiegħi, fil-karozza tiegħi, eċċ.?

Jistgħu jsiru tfittxijet fil-postijiet u fuq l-oġġetti jekk ikun maħsub li persuni ssuspettati huma preżenti jew li tista’ tinstab xi evidenza fihom. Il-kunsens tal-qorti huwa meħtieġ biex isir tiftix f’postijiet protetti mid-drittijiet tar-resident. Il-pulizija jistgħu jagħmlu tiftix f’postijiet u fuq oġġetti oħrajn fuq ordni tal-prosekutur pubbliku.

Nista’ nirċievi tagħrif dwar il-provi kontrija?

Bħala persuna akkużata inti għandek id-dritt li tikkonsulta l-fajl tiegħek. B’dan il-mod inti ssir taf dwar il-provi kontrik. F’każijiet eċċezzjonali, partijiet individwali tal-fajl jistgħu ma jkunux aċċessibbli biex tarahom. Inti għandek id-dritt li tippreżenta l-provi tiegħek fi kwalunkwe ħin.

X’rimedji legali għandi waqt il-proċeduri tal-investigazzjoni?

Tista’ tiddefendi lilek innifsek kontra kwalunkwe miżura li jieħu d-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali jew l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni billi tressaq oġġezzjoni (mhijiex soġġetta għal xi skadenza), jekk taħseb li nkiser xi dritt personali.

Il-qorti tiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni tiegħek sakemm l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jikkonfermaw l-opinjoni tiegħek. Tista’ tagħmel appell kontra deċiżjoni tal-qorti quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri. L-oġġezzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni.

Għandek id-dritt li tappella kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri, b’mod speċjali dawk li jaffettwaw id-drittijiet bażiċi.

L-appelli jistgħu jiġu ppreżentati kemm lill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kif ukoll lill-qorti tal-prim’istanza fi żmien 14-il jum.

Għandi nkun preżenti matul l-investigazzjonijiet?

M’hemmx obbligu li tibqa’ fl-Awstrija matul il-proċedura kollha tal-investigazzjoni. L-avukat tiegħek jista’ wkoll jiżgura li d-drittijiet tiegħek huma rrispettati matul l-investigazzjoni (jekk tixtieq li hu/hi jagħmel/tagħmel dan).

Inti jkollok tmur l-Awstrija għall-interrogazzjoni. M’hemmx dispożizzjoni għat-trażmissjoni bil-vidjow tal-proċedura tal-investigazzjoni; lanqas ma huwa teknikament vijabbli.

L-arrest u l-arrest preventiv (inkluż il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (2)

Għalfejn nista’ ninżamm taħt kustodja?

Inti tista’ tinżamm taħt arrest preventiv biss jekk hemm suspetti kbar li inti wettaqt xi reat, u jekk hemm ukoll raġuni għad-detenzjoni (ir-riskju li taħrab, ir-riskju li teqred xi provi, jew ir-riskju li twettaq xi reat). Il-kunsens tal-qorti huwa meħtieġ għall-arrest tiegħek (minn uffiċjali tad-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali) (sakemm ma tinqabadx fil-fatt, jew sakemm ma jkunx hemm periklu imminenti).

L-arrest preventiv għandu jkun impost mill-qorti u għandu jkun eżegwit f’ħabs. Id-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali jista’ jżommok għal massimu ta’ 48 siegħa qabel jittrasferik għall-qorti mingħajr telf ta’ żmien bla bżonn.

Il-liġi ma tispeċifikax jekk u kif tista’ tinforma lill-familtek jew lill-sħabek dwar id-dentenzjoni tiegħek. Is-servizzi soċjali huma disponibbli f’kull ħabs sabiex jgħinuk fi kwistjonijiet bħal dawn.

X’informazzjoni għandi ningħata jekk ninżamm taħt arrest preventiv?

Id-deċiżjoni rigward l-arrest preventiv tiegħek għandha tinqralek bl-għajnuna ta’ interpretu, jekk ikun meħtieġ. Inti għandek tingħata kopja bil-miktub ta’ din id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara n-natura tar-reat li inti ssuspettat li wettaqt. Għandha tinkludi wkoll il-fatti kollha li fl-opinjoni tal-qorti jiġġustifikaw id-detenzjoni tiegħek.

Inti għandek tkun irrappreżentat minn avukat difensur matul il-perjodu kollu tal-arrest preventiv tiegħek. Jekk ma tqabbadx wieħed inti, jitqabbad avukat għalik.

Id-deċiżjoni tal-qorti li timponi l-arrest preventiv tittieħed waqt seduta verbali.

Fi żmien tlett ijiem, inti tista’ tappella quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri kontra d-deċiżjoni li jiġi impost l-arrest preventiv jew li sussegwentement jiġi estiż.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest preventiv?

Kwalunkwe deċiżjoni li tirrigwarda l-arrest preventiv hija għal perjodu limitat ta’ żmien. Id-deċiżjoni għall-impożizzjoni tal-arrest preventiv hija effettiva għal erbatax-il ġurnata. Id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-arrest preventiv tiegħek għall-ewwel darba hija effettiva għal xahar. Kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li testendi d-detenzjoni tiegħek hija effettiva għal xahrejn.

L-arrest preventiv m’għandux ikun itwal minn sitt xhur b’kollox, iżda dan jista’ jkun estiż minħabba s-serjetà tar-reat. Għandek issib aktar tagħrif hawnhekk.

Jista’ jkolli żjarat matul l-arrest preventiv, nista’ ningħata kura medika?

Kull persuna miżmuma taħt arrest preventiv għandha d-dritt li tirċievi viżitaturi darbtejn fil-ġimgħa. L-avukat tiegħek jista’ jżurek fi kwalunkwe ħin matul id-detenzjoni tiegħek, irrispettivament mid-deċiżjoni dwar il-viżitaturi.

Is-servizzi mediċi huma disponibbli f’kull ħabs. Il-liġi tiddikjara li inti tista’ tingħata kura minn tobba speċjalisti skont kif ikun meħtieġ.

Nista’ nikkuntattja lill-ambaxxata tiegħi bħala ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Għandek id-dritt li tikkuntattja lill-ambaxxata tiegħek u għandek issib l-indirizz tagħha hawnhekk. Il-pulizija u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni huma obbligati li jikkuntattjaw lir-rappreżentant diplomatiku tiegħek jekk inti tkun tixtieq li dan isir.

X’jiġri jekk nittieħed f’kustodja minħabba Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk Stat Membru joħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, inti tista’ tiġi arrestat fi Stat Membru ieħor u estradit lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-mandat tal-arrest. Il-liġi Awstrijaka titlob li inti tinżamm f’kustodja sakemm tkun estradit. Il-qorti toħroġ ordni f’dan ir-rigward. Inti intitolat għal avukat difensur u, jekk ikun meħtieġ, għal interpretu waqt dak is-smigħ.

L-akkużi kriminali (3)

Wara li jsiru l-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jistgħu jikkonkludu li aktarx tinstab ħati. Jekk dan ikun il-każ, jinġiebu akkużi kontrik quddiem il-qorti kompetenti.

L-akkużi għandhom jinġiebu fil-forma ta’ att tal-akkuża motivata quddiem qorti ta’ imħallfin lajċi jew qorti ta’ ġurati lajċi jekk ir-reat li inti tkun akkużat bih iġorr sentenza ta’ aktar minn ħames snin ħabs. Fil-każ ta’ reati li għalihom jingħataw sentenzi iqsar, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni għandhom iressqu l-akkużi bil-miktub biss mingħajr ma jagħtu r-raġunijiet quddiem imħallef wieħed f’qorti reġjonali jew quddiem qorti distrettwali.

Kif nista’ niddefendi lili nnifsi kontra l-akkużi?

Tista’ tressaq oġġezzjoni kontra att tal-akkuża fi żmien erbatax-il jum wara li tiġi nnotifikata. Il-Qorti Reġjonali Superjuri tiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni tiegħek (għandek issib aktar dettalji dwar ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni hawnhekk). Tista’ tressaq l-oġġezzjoni tiegħek bil-miktub jew bil-fomm.

Jekk il-Qorti Reġjonali Superjuri tikkunsidra l-oġġezzjoni tiegħek bħala waħda ġġustifikata, hija tista’ tissospendi l-proċeduri kriminali jew tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet.

Jekk l-oġġezzjoni tiegħek tiġi rrevokata, jew jekk ma tagħmilx oġġezzjoni, l-akkużi kontrik isiru effettivi u l-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kwistjoni jkollha tħejji għall-proċess.

Jekk l-azzjoni miġjuba kontrik issir f’forma ta’ akkużi kriminali, ma tkunx tista’ tippreżenta oġġezzjoni. Madankollu, il-liġi titlob li l-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kwistjoni tevalwa l-validità tal-akkużi. Jekk il-qorti tikkonkludi li l-akkużi mhumiex iġġustifikati skont waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-liġi hija tista’ tiddeċiedi li twaqqaf il-proċeduri kriminali.

It-tħejjija għall-proċess mid-difiża (4)

X’jiġri qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Meta jinġiebu l-akkużi kontrik, ma jkunx aktar possibbli li jiġi ristrett l-aċċess għall-fajls. Sa mhux aktar tard minn din il-fażi inti għandu jkollok aċċess għall-fajl kollu li jkun disponibbli wkoll għall-qorti. Il-qorti tħejji sabiex tmexxi l-proċess.

Jekk tkun tixtieq, inti tista’ titlob għal xi evidenza li tista’ tgħinek tħejji għall-proċess. B’mod partikolari, inti tista’ titlob is-smigħ tax-xhieda. Fit-talba tiegħek għall-evidenza inti għandek tindika l-fatti li tixtieq tipprova bl-evidenza inkwistjoni. Tista’ tiġi mitlub ukoll tiddikjara r-raġuni għalfejn taħseb li l-evidenza li qed titlob hija xierqa.

Kif għandi nikkoopera mal-avukat difensur tiegħi?

Jekk jinħareġ att tal-akkuża, int għandek tkun irrappreżentat minn avukat difensur matul il-proċess quddiem qorti kriminali. F’dan il-każ inti tiġi assenjat avukat jekk ma tqabbadx wieħed inti.

Fil-proċessi quddiem imħallef wieħed jew fi qrati distrettwali li jinvolvu akkużi kriminali mhuwiex obbligatorju li tqabbad avukat. Madankollu, inti tista’ tiġi rrappreżentat minn avukat tal-għażla tiegħek fi kwalunkwe ħin, jew titlob li tiġi assenjat avukat difensur jekk il-każ ikun wieħed diffiċli. Bħala regola, dan jiġri f’każijiet ta’ konvenuti barranin, li ma jkunux familjari mas-sistema legali Awstrijaka.

Għandek tinforma lill-avukat difensur tiegħek dwar kwalunkwe evidenza li taħseb li għandek u li tista’ teħilsek mill-akkużi. L-avukat tiegħek imbagħad iressaq it-talbiet meħtieġa għall-evidenza kif xieraq.

X’jiġri jekk qabel kont ġejt ikkundannat għal reat jew illiberat minn reat li issa qed niġi mixli bih fi Stat Membru ieħor?

Jekk qorti fi Stat Membru diġà ħadet deċiżjoni finali fuq l-istess akkużi, dawk l-akkużi ma jistgħux jinġiebu kontrik għal darb’oħra fi Stat Membru ieħor.

Għandek tippreżenta t-talbiet meħtieġa dwar dan il-fatt malajr kemm jista’ jkun (matul l-investigazzjoni). Għall-kuntrarju ta’ dan, jekk inti ġejt ikkundannat għal xi reat jew illiberat minnu fl-Awstrija ma tistax tittella’ l-qorti mill-ġdid għall-istess reat fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Links relatati

L-arrest preventiv

L-Att dwar il-kumpens tal-liġi kriminali

L-aħħar aġġornament: 22/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna