Imputati (proċeduri kriminali)

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

A. Fejn isir il-proċess?

Il-proċess isir fil-qorti fejn l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jkunu ressqu l-akkużi finali. Bħala regola, din se tkun il-qorti b’ġuriżdizzjoni lokali fejn twettaq ir-reat kriminali. Il-provi huma pubbliċi bi ftit eċċezzjonijiet.

Skont in-natura tal-piena, id-deċiżjoni tittieħed minn imħallef wieħed, qorti tal-imħallfin onorarji jew qorti bil-ġurija. Il-persuni lajċi wkoll huma preżenti fil-qrati tal-imħallfin onorarji jew fil-qrati bil-ġurija.

B. L-akkużi jistgħu jiġu mmodifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għall-informazzjoni f’dan ir-rigward?

Ladarba jiġu ppreżentati l-akkużi kontrik, ma għadux possibbli li jiġi ristrett l-aċċess għall-atti tal-kawża. Minn dan il-punt ’il quddiem, sal-aktar tard, ikollok aċċess għall-atti tal-kawża kollha disponibbli għall-qorti. Il-qorti tagħmel preparamenti għall-proċess.

Tista’ titlob provi li jgħinuk tħejji għall-proċess, jekk tixtieq. B’mod partikolari, tista’ tagħmel mistoqsijiet lix-xhieda. Fit-talba tiegħek għall-provi, jeħtieġlek tindika liema fatti tixtieq iġġib prova tagħhom permezz tal-provi inkwistjoni. Tista’ tintalab ukoll tiddikjara r-raġuni għaliex temmen li l-provi li tkun tlabt huma xierqa.

Jekk int tkun akkużat b’reat ieħor matul il-proċess, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jistgħu jestendu l-akkużi kontrik u l-proċess jista’ jiġi estiż sabiex jinkludi l-akkużi l-ġodda, sakemm ma jġorrux sentenza aktar ħarxa mill-akkużi oriġinali.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti hija marbuta biss bil-fatti deskritti fl-att tal-akkuża u mhux bi kwalunkwe valutazzjoni legali mogħtija mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni. Il-qorti tista’ tikkwalifika r-reat li bih tkun ġejt akkużat b’mod differenti mill-klassifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni fl-att tal-akkuża.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt id-dehriet tiegħi quddiem il-qorti?

Bħal matul il-proċedimenti kriminali kollha, inti għandek ukoll id-dritt li tibqa’ sieket matul il-proċess. Ma għandekx għalfejn tikkummenta dwar l-akkużi mressqa kontrik.

Jekk tammetti l-akkużi matul il-proċess, dan ikollu wkoll effett ta’ mitigazzjoni meta tiġi ddeterminata s-sentenza. Madankollu, ammissjoni ta’ ħtija ma tbiddilx l-andament tal-proċess. Ma tkunx ikkastigat jekk ma tgħidx il-verità.

Il-qrati tal-imħallfin onorarji u l-qrati bil-ġurija ma jistgħux imexxu l-proċedimenti fl-assenza tiegħek. Barra minn hekk, inti jeħtieġlek ukoll li dejjem tkun irrappreżentat minn avukat tad-difiża fi proċedimenti bħal dawn. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal proċess permezz ta’ vidjokonferenza.

Jekk ma tifhimx biżżejjed bil-Ġermaniż, iridu jitqabbdu s-servizzi ta’ interpretu għall-proċess. L-interpretu jinterpreta l-avvenimenti ewlenin matul il-proċess b’lingwa li inti tifhem.

Matul il-proċess, għandek ukoll id-dritt li tissottometti talbiet, speċjalment talbiet għall-provi.

Fi proċess quddiem qorti tal-imħallfin onorarji jew quddiem qorti bil-ġurija, jeħtieġlek tkun irrappreżentat minn avukat tad-difiża, filwaqt li, għal tipi oħra ta’ proċedimenti, il-ħatra ta’ avukat tad-difiża hija fakultattiva.

Tista’ tbiddel l-avukat tad-difiża li tkun għażilt inti fi kwalunkwe ħin. Madankollu, dan ma għandux idewwem il-proċedimenti b’mod mhux raġonevoli.

i. Jien meħtieġ li nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża fil-qorti?

Ma intix obbligat tibqa’ fl-Awstrija għall-investigazzjoni kollha. Jekk tixtieq, tista’ wkoll titlob lill-avukat tiegħek sabiex jiżgura li d-drittijiet tiegħek jiġu protetti matul l-investigazzjoni.

Fil-prinċipju, ikollok bżonn tiġi l-Awstrija għal kwalunkwe interrogazzjoni. Matul l-investigazzjoni, jista’ jintuża kollegament bil-vidjow biss jekk l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni Awstrijaċi jagħmlu talba f’dan is-sens, inti taqbel ma’ din il-proċedura u l-pajjiż tiegħek jipprevedi l-interrogazzjoni tal-persuni akkużati permezz ta’ kollegament bil-vidjow. Madankollu, l-akkużat ma jistax jiġi interrogat bit-telefown.

ii. X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?

Jekk ma tifhimx biżżejjed bil-Ġermaniż, iridu jitqabbdu s-servizzi ta’ interpretu għall-proċess. L-interpretu jinterpreta l-avvenimenti ewlenin matul il-proċess b’lingwa li inti tifhem.

iii. Għandi dritt għal avukat?

Fi proċess quddiem qorti tal-imħallfin onorarji jew quddiem qorti bil-ġurija, jeħtieġlek tkun irrappreżentat minn avukat tad-difiża, filwaqt li, għal tipi oħra ta’ proċedimenti, il-ħatra ta’ avukat tad-difiża hija fakultattiva.

Tista’ tbiddel l-avukat tad-difiża li tkun għażilt inti fi kwalunkwe ħin. Madankollu, dan ma għandux idewwem il-proċedimenti b’mod mhux raġonevoli.

L-aħħar aġġornament: 01/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.