Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.

Imputati (proċeduri kriminali)

Latvija

Sadržaj omogućio
Latvija
Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Nista' nappella?

Għandek id-dritt li tappella kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza billi tippreżenta rikors tal-appell fi żmien 10 ijiem mid-data ta' meta tingħata s-sentenza. Il-qorti tista' testendi din l-iskadenza sa 20 jum.

Ir-rikors tal-appell għandu jkun indirizzat lil qorti f'livell wieħed ogħla (il-Kulleġġ tal-Kawżi Kriminali fil-qorti reġjonali/il-Kamra tal-Kawżi Kriminali tal-Qorti Suprema) imma għandu jiġi ppreżentat fil-qorti li tkun tat is-sentenza.

Mhux possibbli li tappella separatament kontra deċiżjonijiet bil-miktub/orali mittieħda waqt il-proċess. Tista' tappella kontriehom biss flimkien ma' appell mis-sentenza tal-qorti.

Jista' jsir rikors tal-appell jekk inti tqis li s-sentenza tal-qorti kienet ħażina - pereżempju, li s-sentenza kienet ħarxa wisq/saret interpretazzjoni legali mhux xierqa tal-imġiba tiegħek (l-applikazzjoni ta' artikolu mhux xieraq/ta' parti minn artikolu tal-Liġi Kriminali) etc.

X'jiġri jekk nappella?

Jekk tappella l-eżekuzzjoni tas-sentenza tiġi sospiża. Jekk tkun il-ħabs waqt l-appell il-perjodu ta' 10 ijiem/20 jum għall-appell jibda jiddekorri mill-jum li fih tiġi nnotifikat bis-sentenza b'lingwa li tifhem.

Jekk ikollok problemi ta' saħħa/ċirkostanzi relatati mal-familja li minħabba fihom tkun teħtieġ li tinħeles mill-arrest, tista' titlob li ssir reviżjoni tar-raġunijiet li għalihom tkun il-ħabs. Il-qorti mhux obbligata li tapprova talba bħal din.

Il-qorti tinfurmak bid-data li fiha jkun se jibda jinstema' l-appell. M'hemmx skadenza għall-bidu tal-appell imma l-qrati josservaw il-prassi li l-kawżi għandhom jiġu riveduti fi żmien raġonevoli.

Għandek id-dritt li tippreżenta provi ġodda fir-rikors tal-appell, billi tispjega għalfejn huwa meħtieġ li jiġu eżaminati u tiddikjara għalfejn ma ppreżentajtx dawn il-provi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għandek id-dritt li titlob lill-Qorti tal-Appell biex teżamina l-provi jekk temmen li huma importanti biex issaħħaħ ir-rikors tal-appell.

X'jiġri fl-appell?

Il-partijiet li ġejjin jiġu mistiedna jipparteċipaw fis-smigħ tal-appell: il-prosekutur, il-persuni kollha li kkontestaw is-sentenza, l-avukati difensuri/rappreżentanti. L-appell tiegħek jiġi trattat minn grupp ta' tliet imħallfin professjonisti.

Waqt is-smigħ issir reviżjoni tat-talba tiegħek biss meta l-qorti jkollha dubji dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Fl-appell il-qorti tista' tieħu waħda minn dawn id-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza; tirrevoka s-sentenza u tagħti sentenza ġdida;
  • tirrevokaha parzjalment u tagħti waħda ġdida fir-rigward ta' dik il-parti;
  • tirrevokaha u tagħlaq il-każ;
  • tirrevokaha kompletament/parzjalment u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għal smigħ ġdid.

X'jiġri jekk l-appell jirnexxi/ ifalli?

Jekk it-talba tiegħek tintlaqa' u ħadd (il-prosekutur/il-vittma) ma jikkontesta s-sentenza tal-qorti fil-proċedura ta' kassazzjoni, is-sentenza/id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell issir eżekuttiva.

Jekk it-talba tiegħek tinċaħad, għandek id-dritt li tikkontensa s-sentenza/id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fil-proċedura ta' kassazzjoni fid-Dipartiment tal-kawżi kriminali tas-Senat tal-Qorti Suprema. Talba fil-kassazzjoni trid issir fi żmien 10 ijiem mill-jum li fih rkun saret disponibbli s-sentenza tal-Qorti tal-Appell. Il-qorti tista' testendi l-iskadenza għal 20 jum.

Jekk tiġi lliberat jew jekk il-kawża tingħalaq għal xi raġuni legali, għandek id-dritt għal kumpens.

Jekk il-talba tiegħek tintlaqa', jinżamm rekord tal-kundanna tiegħek fiċ-Ċentru ta' Informazzjoni tal-Ministeru tal-Intern tal-Latvja.

Jeżistu rekwiżiti stretti ħafna għall-preżentata ta' talba fil-kassazzjoni – jeħtieġ li tipprovdi provi li l-Liġi Kriminali/il-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali ma jkunux ġew amministrati tajjeb.

F'ċerti każijiet ikollok id-dritt li titlob li l-proċess kriminali jinfetaħ mill-ġdid jekk jiġu skoperti ċirkostanzi ġodda wara li s-sentenza/id-deċiżjoni jkunu saru eżekuttivi. M'hemmx skadenza għal dawn it-tip ta' reviżjonijiet. .

F'ċerti kazijiet, (jekk kien hemm amministrazzjoni ħażina sinifikanti tal-Liġi Kriminali/tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali) l-avukat tiegħek ikun jista' jippreżenta rikors għal reviżjoni tas-sentenza/tad-deċiżjoni eżekuttiva anki jekk ma tkunx ippreżentajt talba fil-kassazzjoni. M'hemmx skadenza għall-preżentata tar-rikors.

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ssir eżekuttiva u finali meta ma tiġix ikkontestata permezz ta' proċedura ta' appell/kassazzjoni). Is-sentenza/id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell isiru eżekuttivi u finali meta ma jiġux ikkontestati permezz tal-proċedura tal-kassazzjoni. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni ssir eżekuttiva u finali fil-jum meta ssir ir-reviżjoni tal-kawża.

Jien minn Stat Membru ieħor. Nista' nintbagħat lura fl-Istat Membru tiegħi wara l-proċess?

Jekk ingħatatlek sentenza ta' ħabs inti tista' tintbagħat lura lejn pajjiżek wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali jekk l-awtorità kompetenti ta' pajjiżek titlob l-estradizzjoni tiegħek u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Latvja jaqbel mat-talba, jew viċe versa – ikun talab lil pajjiżek biex jieħdok lura biex tiskonta s-sentenza hemm. It-trasferiment tiegħek mhux awtomatiku.

Il-kundizzjonijiet tat-trasferiment huma kif ġej:

  • trid tkun ċittadin tal-pajjiż fejn se tiġi skontata s-sentenza;
  • is-sentenza tal-qorti trid tkun eżekuttiva;
  • irid ikun baqa' mill-inqas 6 xhur mis-sentenza tiegħek;
  • ir-reat irid ikun reat ukoll f'pajjiżek;
  • tkun esprimejt ix-xewqa li tiskonta s-sentenza f'pajjiżek/tkun taqbel mat-trasferiment.

L-amministrazzjoni tal-ħabs tinfurmak dwar id-dritt tiegħek li titlob trasferiment fi żmien 10 ijiem minn meta tiġi nnotifikat bl-ordni għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Tkun trid terġa' tippreżenta t-talba tiegħek bil-miktub lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Latvja.

Jekk ma tridx tiskonta s-sentenza f'pajjiżek/ma taqbilx ma' talba bħal din mill-awtoritajiet ta' pajjiżek, għandek tippreżenta r-rifjut tiegħek bil-miktub lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Latvja. It-talba għal trasferiment trid tiġi riveduta fi żmien 10 ijiem.

Informazzjoni dwar il-kapi ta' akkuża/il-kundanni

L-informazzjoni dwar il-kundanni tiegħek tinżamm mingħajr il-kunsens tiegħek f'bażi tad-dejta attiva tar-Reġistru taċ-Ċentru ta' Informazzjoni tal-Ministeru tal-Intern tal-Latvja sakemm il-kundanna tiskadi/tiġi annullata. Jekk tkun ingħatajt piena amministrattiva, l-informazzjoni dwarha tinżamm għal sena wara li tkun ġiet innotifikata u wara titpoġġa fl-arkivji tar-Reġistru. Dan ma jistax jiġi kkontestat.

Links relatati

Il-liġi dwar il-proċedura kriminali

Il-liġi kriminali

Il-qrati tal-Latvja

Il-liġi dwar ir-reġistru tal-pieni

Il-liġi dwar il-kumpens għal danni kkawżati minn min ikun inkarigat mill-proċeduri

L-aħħar aġġornament: 11/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.