Izvorna jezična inačica ove stranice engleski nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Irska

Sadržaj omogućio
Irska

Nista’ nappella?

Inti tista’ tappella kontra kwalunkwe kundanna jew sentenza. Il-mod kif tappella jiddependi fuq liema qorti tkun semgħet il-każ tiegħek. Appelli mill-Qorti Distrettwali jinstemgħu fis-Circuit Court. Appelli mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali ("Central Criminal Court") jinstemgħu fil-Qorti tal-Appell Kriminali.

Jekk inti tixtieq li tappella mill-Qorti Distrettwali, għandek tippreżenta dokument imsejjaħ 'avviż ta’ appell' lill-prosekutur fi żmien 14-il jum. Għandek tippreżenta wkoll l-avviż ta’ appell u ċ-ċertifikat tan-notifika lill-iskrivan tal-qorti taż-żona fi żmien 14-il jum. Jekk inti tixtieq tappella mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, għandek tapplika għal permess biex tappella mal-imħallef li jkun qed jieħu ħsieb il-proċess fi żmien tlett ijiem minn meta tingħata l-kundanna. Imbagħad għandek tippreżenta ‘avviż ta’ appell’ lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Appell Kriminali fi żmien sebat ijiem jekk il-permess ikun ġie rrifjutat, jew fi żmien 14-il jum jekk il-permess ikun ingħata. Normalment, l-avukat tiegħek jagħmel dan kollu għalik.

Jekk tkun qed tappella mill-Qorti Distrettwali, ikollok dritt għal ritrattazzjoni tal-każ tiegħek. Tkun intitolat ukoll biex tappella kontra s-sentenza tiegħek. Jekk inti tkun qed tappella mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, tista’ tappella fuq punt ta’ liġi, jew jekk tkun tal-fehma li l-proċess tiegħek quddiem il-qorti ma kienx sodisfaċenti. Tista’ tappella wkoll kontra s-sentenza tiegħek.

X’jiġri jekk nappella?

Jekk inti tappella mill-Qorti Distrettwali, il-kundanna titwarrab sakemm jinstema’ l-appell tiegħek. Dan jeħtieġ li inti tintrabat b’patt, imsejjaħ recognisance, li jista’ jinvolvi l-ħlas ta’ ammont ta’ flus. Jekk tkun tinsab il-ħabs meta tappella mill-Qorti Distrettwali, inti intitolat li tiġi rilaxxat ladarba tkun ippreżentajt l-avviż ta’ appell u tkun qbilt li tagħti r-recognisance tiegħek. Jekk tkun il-ħabs u tkun tixtieq li tappella, l-awtoritajiet tal-ħabs ikunu jistgħu jagħtuk il-formoli meħtieġa.

Jekk inti tappella mill-Qorti Distrettwali, jista’ jkun li jgħaddu diversi xhur qabel ma l-appell tiegħek jinstema’. Jekk inti tappella mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, jista’ jkun li jgħaddi perjodu ta’ żmien konsiderevolment itwal qabel ma l-appell tiegħek jinstema’.

Jekk inti tappella mill-Qorti Distrettwali, tkun intitolat li tipprovdi provi ġodda u tressaq argumenti legali differenti għall-appell. Jekk inti tappella mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, ġeneralment ma jkunx permess li tippreżenta provi ġodda, u tkun tista’ tagħmel dan biss f’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Jekk tappella mill-Qorti Distrettwali, ikollok dritt għal ritrattazzjoni tal-każ tiegħek. Jekk inti tappella mis-Circuit Court jew mill-Qorti Kriminali Ċentrali, inti jew l-avukat tiegħek tistgħu tindirizzaw lill-qorti rigward ir-raġuni għalfejn taħseb li l-kundanna tiegħek għandha tinbidel, jew għalfejn is-sentenza li ngħatatlek tkun, fil-fehma tiegħek, ibbażata fuq prinċipju żbaljat.

X’jiġri jekk l-appell jintlaqa’/ma jintlaqax?

Jekk l-appell jintlaqa’, il-każ jingħalaq u ma jkollok l-ebda obbligi oħra rigward il-każ. Jekk l-appell ma jintlaqax, il-qorti tal-appell tafferma l-kundanna tiegħek. Jekk il-qorti tal-appell tkun tal-fehma li s-sentenza hija bbażata fuq prinċipju żbaljat, din tista’ żżid jew tnaqqas is-sentenza oriġinali.

Ladarba l-appell tiegħek jinstema’, ma jkollok l-ebda dritt ieħor għal appell. Madankollu, il-Qorti tal-Appell Kriminali tista’ tippermettilek li tappella lill-Qorti Suprema, jekk ikun hemm punt ta’ liġi ta’ importanza pubblika eċċezzjonali.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni ġenerali li tistipula li għandek tingħata xi tip ta’ kumpens jekk l-appell tiegħek jintlaqa’. Meta inti tappella kontra kundanna mal-Qorti tal-Appell Kriminali, tista’ tingħata kumpens jekk tkun ġarrabt inġustizzja. Dan iseħħ meta l-Qorti tal-Appell Kriminali tibdel kundanna u tiċċertifika li fatt li jkun għadu kemm ġie żvelat juri li kien hemm inġustizzja. Dan iseħħ biss f’każijiet rari. Jekk il-Qorti tal-Appell Kriminali tiċċertifika li tkun seħħet inġustizzja, inti tista’ titlob kumpens mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja.

Kundanna tiġi rreġistrata kontra tiegħek ladarba l-imħallef isibek ħati ta’ reat.

Il-kundanna titqies bħala waħda finali ladarba inti tinstab ħati, jew jekk tiddikjara lilek innifsek ħati. Madankollu, xorta waħda jkollok id-dritt għall-appell. Jekk l-appell tiegħek jintlaqa’, il-kondotta tiegħek għandha tkun ħielsa minn kwalunkwe kundanna.

Jiena ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura f’pajjiżi wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk tinstab ħati ta’ reat kriminali, il-qorti ma tistax tibagħtek lura lejn pajjiżek. Madankollu, il-qorti tista’ tirrakkomanda lill-Ministru tal-Ġustizzja li tiġi deportat. Hija tista’ wkoll tissospendi s-sentenza kollha tiegħek jew parti minnha, bil-kundizzjoni li titlaq mill-pajjiż. Dan ma jfissirx li inti tkun se tiġi deportat, iżda jekk tonqos milli titlaq mill-pajjiż, tiġi miżmum taħt arrest. Jekk tinsab il-ħabs, tista’ tapplika mal-Ministru tal-Ġustizzja biex tiġi ttrasferit barra mill-Irlanda bil-għan li tiskonta l-bqija tas-sentenza tiegħek fi Stat Membru ieħor.

Jekk ninstab ħati, nista’ nerġa’ niġi ġġudikat għall-istess delitt?

Jekk tiġi kkundannat, ma tistax terġa’ tiġi ġġudikat għall-istess delitt. Jekk inti tkun ġejt ikkundannat fi Stat Membru ieħor, ma tistax terġa’ tiġi ġġudikat għall-istess delitt fl-Irlanda.

Informazzjoni dwar l-akkużi/il-kundanna

Fil-kondotta tiegħek jidhru s-sentenzi kollha li jkunu nqatgħu kontrik. Jekk int adult, din l-informazzjoni tinżamm b’mod permanenti mill-Gardaí (il-korp nazzjonali tal-pulizija). Il-Gardaí jista’ wkoll ikollhom informazzjoni oħra dwarek. Għandek id-dritt li titlob li kull informazzjoni dwarek li mhijiex eżatta, tiġi rranġata jew titħassar. Tista’ titlob din l-informazzjoni mill-Garda Central Vetting Unit (ir-reġistru tal-kondotti tal-Gardaí). F’każ li l-Gardaí ma jagħtukx aċċess għal din l-informazzjoni, jew jekk ma jkunux iridu jikkoreġu informazzjoni dwarek li mhijiex eżatta, inti jkollok id-dritt li tapplika mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta.

Links relatati

Qrati Irlandiżi

Bord għall-Informazzjoni għaċ-Ċittadini

Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.