- X’inhu l-iskop ta’ investigazzjoni?
- X’inhuma l-fażijiet ta’ investigazzjoni?
- Min għandu r-responsabbiltà biex titwettaq kull waħda minn dawn il-fażijiet?
- Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni
- L-eżami preliminari, l-inkjesta, l-investigazzjoni kriminali (1)
- L-arrest/ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà/l-arrest preventiv (2)
- Il-proċeduri quddiem id-Diviżjonijiet tal-Akkuża (3)
- Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA (4)
X’inhu l-iskop ta’ investigazzjoni?
L-iskop huwa li jinġabru u jiġu ppreservati l-provi u li tinkiseb kwalunkwe traċċa li tħalliet fuq il-post tad-delitt.
X’inhuma l-fażijiet ta’ investigazzjoni?
L-eżami preliminari/inkjesta/investigazzjoni kriminali:
Permezz ta’ eżami preliminari, il-Prosekutur jistabbilixxi jekk akkuża tkunx fondata u x’inhi l-probabbiltà li twettaq delitt.
L-inkjesta ssir prinċipalment f’każijiet fejn il-persuna suspettata nqabdet hekk kif kienet qed twettaq ir-reat jew fil-każ li dewmien jagħti lok għal riskju immedjat.
L-investigazzjoni kriminali titwettaq biss fil-każ ta’ delitti iktar serji
L-arrest – Ir-restrizzjonijiet – L-arrest preventiv
Meta l-persuna suspettata tkun ġiet skoperta hekk kif kienet qed twettaq id-delitt jew ġiet arrestata sa jum wara li twettaq id-delitt, huwa possibbli li hija tiġi arrestata mingħajr mandat.
Fejn il-persuna suspettata ma nqabditx hekk kif kienet qed twettaq id-delitt, ikun meħtieġ mandat.
Il-persuna arrestata titressaq quddiem il-Prosekutur fi żmien 24 siegħa.
Ir-restrizzjonijiet (pereżempju il-garanzija, l-obbligu tal-konvenut li jirrapporta f’għassa tal-pulizija b’mod regolari, il-projbizzjoni li l-imputat iħalli l-pajjiż) jiġu imposti sabiex jiġi evitat li jitwettqu iktar reati u jiġi żgurat li l-imputat jattendi għall-interrogazzjoni tal-pulizija u fil-Qorti.
L-arrest preventiv: Jekk ir-restrizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jkunux suffiċjenti, f’każijiet ta’ delitti iktar serji, il-persuni suspettati jistgħu jinżammu taħt arrest preventiv. Arrest preventiv bħal dan jista’ jdum sa 18-il xahar fir-rigward ta' delitti gravi (felonies) jew 12-il xahar fil-każ ta' delitti gravi (felonies) inqas serji u sitt xhur fil-każ ta' omiċidju involontarju rikorrenti li kien ir-riżultat ta’ negliġenza. Dan il-perjodu jiġi skontat fil-ħabs.
Il-proċeduri quddiem id-Diviżjonijiet tal-Akkuża
Inti tista’ tirrikorri quddiemhom sabiex tara li r-restrizzjoniijiet jew l-arrest preventiv jiġu annullati, jew sabiex tilmenta dwar kwalunkwe irregolarità li kien hemm waqt il-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali.
Min għandu r-responsabbiltà biex titwettaq kull waħda minn dawn il-fażijiet?
L-eżami preliminari jitwettaq mill-uffiċjali investigattivi u mill-Prosekutur.
L-inkjesta titwettaq mill-persuni msemmija iktar ’il fuq inkluż il-Maġistrat Inkwirenti u fl-aħħar nett, l-investigazzjoni kriminali jew l-interrogazzjoni titwettaq biss mill-Maġistrat Inkwirenti.
Arrest jiġi ordnat mid-Diviżjoni tal-Akkuża jew mill-Maġistrat Inkwirenti. F’każijiet fejn il-persuna ssuspettata tinqabad waqt li qed twettaq id-delitt, l-investigaturi u l-uffiċjali tal-pulizija kkonċernati għandhom obbligu, u ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt, li jarrestaw lill-awtur. Ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà personali u l-arrest preventiv jiġu ordnati mill-Maġistrat Inkwirenti bil-kunsens tal-Prosekutur u tad-Diviżjoni tal-Akkuża.
Il-proċeduri quddiem id-Diviżjonijiet tal-Akkuża jitwettqu minn kunsilli ġudizzjarji bi tliet membri, fil-preżenza tal-Prosekutur.
Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni
Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issib informazzjoni iktar dettaljata dwar id-drittijiet tiegħek waqt l-investigazzjoni.
- L-eżami preliminari/inkjesta/investigazzjoni kriminali
- L-arrest/ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà/l-arrest preventiv
- Il-proċedura quddiem id-Diviżjonijiet tal-Akkuża
- Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA
L-eżami preliminari, l-inkjesta, l-investigazzjoni kriminali (1)
X’inhu l-iskop ta’ dawn il-proċeduri?
L-iskop tal-eżami preliminari huwa biex il-Prosekutur jistabbilixxi jekk l-akkuża tkunx fondata u jiddeċiedi jekk jibdiex proċeduri kriminali.
L-inkjesta titwettaq f’każijiet fejn il-persuna ssuspettata tkun inqabdet fil-fatt jew fil-każ li dewmien jagħti lok għal riskju immedjat (pereżempju li l-marki tas-saqajn jew il-marki tas-swaba’ jintilfu, eċċ.).
L-investigazzjoni kriminali titwettaq biss fil-każ ta’ delitti gravi (felonies) jew ta’ delitti minuri (misdemeanours) prinċipali. L-inkjesta u l-investigazzjoni kriminali jsiru sabiex jiġu stabbiliti, jinġabru u jiġu ppreservati l-provi kif ukoll jinkisbu t-traċċi tad-delitt.
Min huwa responsabbli f’din il-fażi?
L-eżami preliminari jitwettaq mill-uffiċjali investigattivi u mill-Prosekutur.
L-inkjesta titwettaq mill-persuni msemmija iktar ’il fuq, flimkien mal-Maġistrat Inkwirenti.
L-investigazzjoni kriminali titwettaq biss mill-Maġistrat Inkwirenti.
L-eżami preliminari u l-investigazzjoni preliminari jiġu superviżjonati mill-Prosekutur tal-Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanours Court) u l-investigazzjoni kriminali tiġi superviżjonata mill-Prosekutur tall-Qorti tal-Appell.
Japplika xi limitu ta’ żmien?
L-eżami preliminari jdum minn 4sa 8 xhur. It-tul taż-żmien massimu għall-investigazzjoni kriminali huwa ta' 18-il xahar. Jekk titwettaq investigazzjoni supplimentari, din iddum minn 3 sa 5 xhur.
Fil-bliet prinċipali, dawn il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi. Ma hemm l-ebda sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-limiti ta’ żmien.
Il-limitu ta’ żmien biex jingħataw spjegazzjonijiet waqt l-eżami preliminari u ssir dikjarazzjoni waqt l-investigazzjoni preliminari u l-investigazzjoni huwa mill-inqas ta’ 48 siegħa u jista’ jiġi estiż.
Ma hemm l-ebda sanzjoni fil-każ li inti ma tosservax il-limitu ta’ żmien fir-rigward tal-ewwel żewġ proċeduri. Madankollu, fil-każ ta’ investigazzjoni kriminali jekk il-limitu ta’ żmien iffissat ma jiġix osservat, il-Maġistrat Inkwirenti għandu d-dritt li joħroġ mandat sabiex l-imputat jitressaq quddiem il-Qorti bil-forza u/jew mandat ta’ arrest.
X’se jingħad lili dwar dak li jkun għaddej?
Malli tirċievi ċitazzjoni biex tipparteċipa fil-proċeduri li ġew deskritti fil-qosor iktar ’il fuq, inti għandek id-dritt li:-
- titlob fotokopja tad-dokumenti legali rilevanti kollha, li tħallas inti stess, mingħand l-uffiċjal investigattiv, inkluża deskrizzjoni tal-akkużi,
- titlob li jiġi ffissat limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas 48 siegħa, u
- taħtar avukat.
Jiġi pprovdut interpretu jekk jiena ma nitkellimx il-lingwa?
Iva. L-interpretu jittraduċi x-xhieda tiegħek lill-uffiċjali investigattivi kif ukoll il-mistoqsijiet tagħhom.
F’liema fażi nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?
Hekk kif tidher quddiem uffiċjal investigattiv, inti tista’ titlob biex jiġi nnotifikat l-avukat tiegħek jew titħalla ċċempillu inti stess. Inti għandek ukoll id-dritt li tirrifjuta li tixhed qabel ma jasal l-avukat tiegħek.
L-awtoritajiet huma obbligati biss jiżguraw irwieħhom li jkun disponibbli interpretu waqt l-eżami tiegħek. Għall-bqija tal-ħin, trid tkun inti li tagħmel arranġamenti mal-avukat tiegħek jekk jeħtieġ li inti jkollok interpretu għad-dispożizzjoni tiegħek.
Huwa obbligatorju li jiena niġi rrappreżentat minn avukat? Nista’ nagħżel lill-avukat tiegħi?
Huwa mandatorju biss fil-każ ta’ delitti gravi (felonies). L-għażla ta’ avukat titħalla f’idejk. Madankollu, jekk inti ma jkollokx avukat f’każ ta’ delitt gravi (felony), il-Maġistrat Inkwirenti jaħtarlek wieħed waqt l-investigazzjoni.
Nintalab nagħti informazzjoni? Għandi nipprovdi informazzjoni?
Jistgħu jsirulek mistoqsijiet dwar l-akkużi. Inti għandek id-dritt li ma tweġibx ċerti mistoqsijiet jew li tibqa’ sieket il-ħin kollu u għandek ukoll id-dritt li ma tinkriminax lilek innifsek. Inti tista’ tirrifjuta li twieġeb dak kollu li jista’ jagħmel ħsara lill-każ tiegħek.
Nista’ nikkuntattja lil membru tal-familja jew lil xi ħabib?
Inti għandek id-dritt li tikkomunika mal-familja jew mal-ħbieb tiegħek bit-telefon. Jingħata permess għal żjarat mill-membri tal-familja tiegħek u b’mod eċċezzjonali mill-ħbieb tiegħek.
Nista’ nara tabib jekk inkun neħtieġ wieħed?
Jekk ikollok problema ta’ saħħa tista’ titlob biex tara tabib.
Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata tal-pajjiż tal-oriġini tiegħi?
Iva, inti għandek id-dritt li tagħmel dan.
Jiena minn pajjiż ieħor. Bilfors irrid inkun preżenti waqt l-investigazzjoni?
Le.
Nista’ nieħu sehem b’konnessjoni bil-vidjo?
Fil-Greċja, il-liġi ma tipprovdix għal parteċipazzjoni permezz ta’ konnessjonijiet bil-vidjo.
Nista’ nintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħi?
F’din il-fażi, inti ma tistax tiġi ddeportat.
F’liema ċirkustanzi nista’ ninżamm taħt arrest preventiv jew niġi lliberat?
Inti tinżamm taħt arrest preventiv jekk ikun hemm indikazzjonijiet qawwija li inti wettaqt reati serji u
- ma għandek l-ebda indirizz magħruf fil-Greċja,
- ħadt passi sabiex titlaq mill-pajjiż,
- fl-imgħoddi kont maħrub mill-ġustizzja,
- ġejt ikkundannat talli ħrabt mill-ħabs jew talli tajt assistenza lil persuna miżmuma taħt arrest biex taħrab jew ksirt ir-restrizzjonijiet tal-post ta’ residenza, kif ukoll jekk
- hemm raġunijiet biex l-awtoritajiet jemmnu li biħsiebek taħrab,
- kellek kundanni preċedenti, u dan probabbilment se twettaq iktar delitti.
Jistgħu jiġu imposti wkoll kundizzjonijiet restrittivi fil-konfront tiegħek jew tista’ tiġi lliberat.
Xi drittijiet/x’obbligi għandi?
Inti għandek id-dritt li tingħata żmien sabiex tistudja l-fajl tal-qorti u li taħtar sa żewġ avukati. Inti trid tidher personalment waqt l-investigazzjoni għaliex il-preżenza tal-avukat tiegħek biss mhix suffiċjenti.
Jekk il-Maġistrat Inkwirenti jiddeċiedi li inti trid tinżamm temporanjament taħt arrest preventiv inti tista’ tressaq appell kontra din id-deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża. Inti tista’ tressaq appell anki quddiem il-Maġistrat Inkwirenti stess jew quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża sabiex id-deċiżjoni li tinżamm taħt arrest preventiv tiġi revokata jew tiġi sostitwita b’restrizzjonijiet oħrajn.
Nista’ nitlaq mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?
Iva, inti tista’ titlaq mill-pajjiż jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda kundizzjoni li tipprojbilek it-tluq.
Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA
Għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek, ara Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA (4).
Nista’ nappella?
Jekk ittieħdet azzjoni invalida bħala parti mill-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali inti tista’ tressaq appell quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża fejn titlob li din tiġi annullata u li l-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali tiġi ripetuta.
Nista’ niddikjara li jiena ħati tal-akkużi kollha jew ta’ wħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Inti tista’ tammetti l-ħtija tiegħek fi kwalunkwe fażi qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Inti tista’ wkoll tirrevoka dikjarazzjoni ta’ ħtija. Ikun xi jkun il-każ, il-qorti hija libera li tevalwa l-istqarrija tiegħek.
Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-kapi tal-akkuża ma jistgħux jinbidlu; jistgħu biss jiġu fformulati b’mod iktar preċiż. Ma jista’ jiġi miżjud l-ebda kap ta' akkuża ġdid.
Nista’ niġi akkużat b’reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?
Inti tista’ tiġi akkużat jekk ir-reat twettaq f’pajjiż barrani kontra ċittadin Grieg u jiġi kklassifikat bħala delitt gravi (felony) jew delitt minuri (misdemeanours) fil-liġi Griega. Fil-każ ta’ delitti serji, il-liġijiet Griegi japplikaw għal kulħadd, irrispettivament mil-liġijiet fis-seħħ fil-post fejn twettaq id-delitt.
Inkun mgħarraf dwar ix-xhieda li għamlu dikjarazzjonijiet kontra tiegħi?
Inti għandek id-dritt għal informazzjoni bħal din peress li inti tista’ tingħata d-dokumenti kollha fil-fajl tal-qorti, li jinkludu d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda. Inti tista’ tingħata l-informazzjoni qabel ma tħejji d-difiża tiegħek, u anki wara.
Ningħata informazzjoni dwar provi oħrajn kontra tiegħi?
L-investigatur għandu l-obbligu li jipprovdik b’fotokopji tal-fajl tal-qorti u li jurik il-materjal kollu rilevanti qabel ma inti tagħti r-rendikont tiegħek.
Nintalab nagħti informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?
Il-Maġistrat Inkwirenti jirċievi l-kondotta tiegħek fil-fażi tal-investigazzjoni kriminali b’mod awtomatiku.
L-arrest/ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà/l-arrest preventiv (2)
Għaliex jittieħdu dawn l-azzjonijiet?
Meta min wettaq id-delitt inqabad hekk kif kien qed iwettaq delitt, l-arrest tiegħu għandu l-għan li jiżgura li huwa se jitressaq quddiem qorti. F’każijiet oħrajn ta’ arrest, ta’ arrest preventiv u ta’ impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment, l-għan huwa li jiġi żgurat li l-konvenut jidher quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji.
Min huwa responsabbli?
L-arrest jiġi ordnat jew mid-Diviżjoni tal-Akkuża jew mill-Maġistrat Inkwirenti. L-arrest preventiv u l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet restrittivi jiġu ordnati wkoll mill-istess persuni. Fejn l-awtur tad-delitt jinqabad hekk kif ikun qed iwettaq id-delitti, l-arrest jista’ jitwettaq mill-investigaturi jew mill-uffiċjali tal-pulizija.
Japplikaw xi limiti ta’ żmien?
Ladarba inti tiġi arrestat, trid titressaq quddiem il-Prosekutur fi żmien 24 siegħa. Fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-limitu ta’ żmien ma jkun hemm l-ebda riperkussjoni sa fejn għandek x’taqsam inti. Hemm ukoll limitu ta’ żmienu fuq kwalunkwe kundizzjoni li permezz tagħha inti tkun trid tirrapporta f’intervalli regolari lill-pulizija. Fil-każ li inti ma tosservax dan il-limitu ta’ żmien, l-arrest preventiv jista’ jissostitwixxi l-kundizzjoni li inti tirrapporta lill-pulizija.
X’se jingħad lili dwar dak li jkun għaddej?
Meta tinqabad waqt li tkun qed twettaq delitt, malli tiġi arrestat, l-uffiċjali tal-pulizija jridu jgħidulek għaliex ġejt arrestat. Jekk inti titressaq quddiem il-Maġistrat Inkwirenti, inti se tiġi informat b’mod sħiħ dwar il-kapi ta' akkuża li tkun qed tiffaċċja. L-istess japplika fil-każ li jiġu imposti kundizzjonijiet li jillimitaw il-libertà tiegħek u fil-każ li tinżamm taħt arrest preventiv.
Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, suppost li inti tkun irċevejt id-dokumenti legali rilevanti kollha mingħand il-Maġistrat Inkwirenti.
Jiġi pprovdut interpretu jekk jiena ma nitkellimx il-lingwa?
Jekk inti ma titkellimx il-lingwa, inti tinfumahom mill-ewwel u għandek titlob interpretu. L-interpretu se jittraduċi dak kollu li tgħid, il-mistoqsijiet kollha li jsirulek u kwalunkwe dokument li jintwera lilek.
F’liema fażi nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?
Jekk tiġi arrestat, inti tista’ titlob li l-avukat tiegħek jiġi nnotifikat immedjatament jew li tinti titħalla tagħmel telefonata. Barra minn hekk, inti għandek id-dritt li tirrifjuta li twieġeb il-mistoqsijiet jekk l-avukat tiegħek ma jiġix.
Jekk ma taf bl-ebda avukat, inti tista’ tikkuntattja lill-ambaxxata tiegħek jew lill-assoċjazzjoni tal-avukati lokali. Li jkollok interpretu disponibbli sabiex tkun tista’ tikkomunika mal-avukat tiegħek hija kwistjoni li trid tieħu ħsiebha inti, mhux l-awtoritajiet investigattivi. F’każ li jiġu imposti kundizzjonijiet li jirrestrinġu l-movimenti tiegħek jew f’każ li tinżamm taħt arrest preventiv, l-ewwel kellem lill-avukat tiegħek. Huwa jagħmel dikjarazzjonijiet f’ismek u jkun preżenti waqt l-investigazzjoni kriminali.
Bilfors irrid niġi rappreżentat minn avukat? Nista’ nagħżel lill-avukat tiegħi?
Dan huwa mandatorju biss fil-każ ta’ delitti gravi (felonies). Inti għandek id-dritt li tagħżel lill-avukat tiegħek. Madankollu, fil-każ ta’ delitt gravi (felony), jekk inti ma jkollokx avukat, jinħatar wieħed għalik waqt l-investigazzjoni, fuq talba tiegħek.
Tista’ ssirli xi xorta ta’ talba għal informazzjoni? Obbligat nagħti l-informazzjoni li nintalab nipprovdi?
Se jsirulek mistoqsijiet dwar l-akkużi. Inti tista’ tirrifjuta li twieġeb dak kollu li jista’ jagħmel ħsara lill-każ tiegħek.
Nista’ nikkuntattja lil membru tal-familja jew lil xi ħabib?
Inti għandek id-dritt li titlob lill-investigaturi biex iħalluk tikkuntattjahom.
Nista’ nara tabib jekk inkun neħtieġ wieħed?
Iva, jekk inti għandek kwalunkwe problema ta’ saħħa.
Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata tiegħi jekk jiena minn pajjiż ieħor?
Iva, inti għandek id-dritt li tagħmel dan.
Jiena minn pajjiż ieħor. Bilfors irrid inkun preżenti waqt l-investigazzjoni?
Inti ma intix obbligat tagħmel dan, sakemm ma jintalabx li ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek (body search).
Nista’ nieħu sehem b’konnessjoni bil-vidjo?
L-investigazzjoni ta’ reat permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo għadha ma ġietx inkluża fil-liġi.
Nista’ nintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħi?
F’din il-fażi inti ma tistax tiġi ddeportat.
F’liema ċirkustanzi nista’ ninżamm taħt arrest preventiv jew niġi lliberat?
Inti tinżamm taħt arrest preventiv jekk il-Maġistrat Inkwirenti jaqbel mal-Prosekutur jew jekk jiġi ordnat mid-Diviżjoni tal-Akkuża. Inti tinżamm taħt arrest preventiv jekk ikun hemm indikazzjonijiet qawwija li inti wettaqt reati serji u:
- m'għandek l-ebda indirizz magħruf fil-Greċja,
- ħadt passi sabiex titlaq mill-pajjiż,
- fl-imgħoddi kont maħrub mill-ġustizzja,
- ġejt ikkundannat talli ħrabt mill-ħabs jew talli tajt assistenza lil persuna miżmuma taħt arrestbiex taħrab jew talli ksirt ir-restrizzjonijiet tal-post ta’ residenza, kif ukoll jekk
- hemm raġunijiet biex l-awtoritajiet jemmnu li biħsiebek taħrab,
- jkollok kundanni preċdenti.
Jistgħu jiġu imposti wkoll kundizzjonijiet restrittivi fil-konfront tiegħek jew tista’ tiġi lliberat.
X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi?
Inti għandek id-dritt li tingħata żmien sabiex tistudja l-fajl tal-qorti u li taħtar sa żewġ avukati. Jekk inti tinżamm taħt arrest preventiv inti tista’ tressaq appell kontra din id-deċiżjoni tal-Maġistrat Inkwirenti fi żmien ħamest ijiem quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża. Inti tista’ tressaq appell anki quddiem il-Maġistrat Inkwirenti stess jew quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża sabiex id-deċiżjoni li inti tinżamm taħt arrest preventiv tiġi revokata jew sostitwita b’kundizzjonijiet oħrajn li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment tiegħek.
Nista’ nitlaq mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?
Iva, tista’ tagħmel dan wara li jintemm il-perjodu tal-arrest tiegħek u sakemm ma tkun ġiet imposta l-ebda kundizzjoni li tipprojbilek titlaq mill-Greċja.
Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA
Għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek, ara Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA (4).
Nista’ nappella?
Jekk ittieħdet azzjoni invalida bħala parti mill-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali inti tista’ tressaq appell quddiem id-Diviżjoni tal-Akkuża fejn titlob li din tiġi annullata u li l-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali tiġi ripetuta.
Nista’ niddikjara li jiena ħati tal-akkużi kollha jew ta’ wħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Inti għandek id-dritt li tammetti l-ħtija tiegħek u ma għandu jkun hemm l-ebda riperkussjoni pożittiva jew negattiva għalik fil-liġi bħala riżultat ta' dan.
Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-kapi ta' akkuża ma jistgħux jinbidlu; jistgħu biss jiġu fformulati b’mod iktar preċiż. Ma jista’ jiġi miżjud l-ebda kap ta' akkuża ġdid.
Nista’ niġi akkużat b’reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?
Inti tista’ tiġi akkużat jekk ir-reat twettaq f’pajjiż barrani kontra ċittadin Grieg. Fil-każ ta’ delitti serji, il-liġijiet Griegi japplikaw għal kulħadd, irrispettivament mil-liġijiet fis-seħħ fil-post fejn twettaq id-delitt.
Inkun mgħarraf liema huma x-xhieda li għamlu dikjarazzjonijiet kontra tiegħi?
Dażgur. Malli tiġi arrestat u tiġi sottomess għall-investigazzjoni preliminari jew għall-investigazzjoni prinċipali, inti trid tingħata din l-informazzjoni qabel ma tagħti r-rendikont tiegħek.
Ningħata informazzjoni dwar provi oħrajn kontra tiegħi?
L-investigatur għandu l-obbligu li jipprovdilek fotokopji tad-dokumenti kollha fil-fajl tal-qorti qabel ma inti tagħti r-rendikont tiegħek.
Nintalab nagħti informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?
Le. Din l-informazzjoni tintalab mid-dipartiment xieraq.
Il-proċeduri quddiem id-Diviżjonijiet tal-Akkuża (3)
X’inhu l-iskop ta’ din il-fażi?
Id-Diviżjonijiet tal-Akkuża huma l-korpi ġudizzjarji kompetenti għall-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Huma jimmonitorjaw il-leġittimità tal-azzjonijiet meħuda mill-uffiċjali investigattivi, jiddeċiedu jekk il-konvenut għandux jinżamm taħt arrest preventiv jew le, jiddeċiedu jekk il-kundizzjonijiet li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment għandhomx jiġu imposti jew le, jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet sensittivi oħrajn li jaffetwaw il-proċeduri ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali u jiddeċiedu jekk il-konvenut għandux jitressaq quddiem il-qorti kriminali jew għandux jiġi lliberat.
Min huwa responsabbli f’din il-fażi?
Id-Diviżjonijiet tal-Akkuża jikkonsistu fi tlett imħallfin u huma d-Diviżjoni tal-Akkuża tal-Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanour Court), id-Diviżjoni tal-Akkuża tal-Qorti tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Akkuża tal-Qorti tal-Kassazzjoni.
Japplika xi limitu ta’ żmien?
Iva, hemm limiti ta’ żmien u jekk inti ma tosservahomx ma tkunx tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek.
X’se jingħad lili dwar dak li jkun għaddej?
Inti tista’ tikseb informazzjoni dwar il-progress tal-każ tiegħek mingħand is-Segretarjat tal-Kunsilli u tiġi debitament innotifikat bi kwalunkwe deċiżjoni.
Jiġi pprovdut interpretu jekk jiena ma nitkellimx il-lingwa?
Jekk inti tidher quddiem il-Kunsilli inti għandek id-dritt għal interpretu.
F’liema fażi nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?
Inti għandek id-dritt għal parir legali u tista’ tikkomunika mal-konsulent legali tiegħek fi kwalunkwe fażi tal-proċeduri. Jekk tinqala’ kwalunkwe kwistjoni dwar traduzzjoni, trid tieħu ħsiebha inti jew l-avukat tiegħek.
Bilfors irrid niġi rappreżentat minn avukat? Nista’ nagħżel lill-avukat tiegħi?
Dan mhuwiex mandatorju. Jekk inti tixtieq tkun rappreżentat, tista’ jew tirrapreżenta lilek innifsek jew tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek. Inti għandek id-dritt li tagħżel lill-avukat tiegħek, sakemm l-avukat ma jkunx inħatar għalik.
Tista’ ssirli xi xorta ta’ talba għal informazzjoni? Irrid inwieġeb?
Inti tista’ tintalab tagħti informazzjoni dwar id-delitt li inti ġejt akkużat li wettaqt. Inti għandek id-dritt li tibqa’ sieket u li ma tinkriminax ruħek. Inti tista’ tirrifjuta li twieġeb kwalunkwe mistoqsija li tista’ tagħmel ħsara lill-każ tiegħek.
Nista’ nikkuntattja lil membru tal-familja jew lil xi ħabib?
Iva, inti tista’ tagħmel dan. Jekk inti qiegħed taħt arrest preventiv, tista’ tagħmel dan waqt il-ħin taż-żjarat.
Nista’ nara tabib jekk inkun neħtieġ wieħed?
Iva, jekk ikollok problemi ta’ saħħa.
Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata tal-pajjiż tal-oriġini tiegħi jekk jiena minn pajjiż ieħor?
Iva, inti għandek id-dritt li tagħmel dan.
Jiena minn pajjiż ieħor. Bilfors irrid inkun preżenti waqt l-investigazzjoni?
Biss jekk inti titlob dan u jekk il-Qorti tagħti permess.
Nista’ nieħu sehem b’konnessjoni bil-vidjo, eċċ.?
Il-proċeduri permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo għadhom ma ġewx inklużi fil-liġi.
Nista’ nintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħi?
F’din il-fażi, inti ma tistax tiġi ddeportat..
Ninżamm taħt arrest preventiv jew niġi lliberat? F’liema ċirkustanzi?
Inti tinżamm taħt arrest preventiv b'ordni tad-Diviżjoni tal-Akkuża. Jistgħu jiġu imposti anki kundizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tiegħek jew tista’ tiġi lliberat.
Nista’ nitlaq mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?
Iva, tista’ titlaq wara li jintemm il-perjodu tal-arrest tiegħek u sakemm ma tkun ġiet imposta l-ebda kundizzjoni li tipprojbilek it-tluq mill-Greċja.
Nintalab nipprovdi marki tas-swaba’, kampjuni tal-materjal ġenetiku tiegħi (DNA) (eż. xagħar jew bżieq), jew fluwidi oħrajn tal-ġisem?
Id-Diviżjoni tal-Akkuża tista’ tagħti ordni f'dan is-sens.
Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi (body search)?
Mhux fuq ordni tal-Kunsill, imma din tista’ ssir mill-investigaturi jew mill-uffiċjali tal-investigazzjoni preliminari. Fi kwalunkwe każ bħal dan, inti tista’ titlob li l-avukat tiegħek ikun preżenti waqt il-perkwiżizzjoni.
Tista’ ssir perkwiżizzjoni f’dari, fil-bini fejn huwa stabbilit in-negozju tiegħi, fil-karozza tiegħi eċċ.?
F’dan l-istadju, fejn ikunu involuti l-Kunsilli, ma tista’ tiġi ordnata l-ebda perkwiżizzjoni bħal din.
Nista’ nappella?
Hemm rimedji li inti tista’ tuża biex tappella kontra d-deċiżjonijiet tal-Kunsilli.
Nista’ niddikjara li jiena ħati tal-akkużi kollha jew ta’ wħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Inti għandek id-dritt li tammetti l-ħtija tiegħek u tista’ tagħmel dan billi tissottometti memorandum lill-Kunsilli. Dikjarazzjonijiet bħal dawn huma vinkolanti u jistgħu jaffettwaw is-sentenza tal-qorti.
Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-kapi ta' akkuża ma jistgħux jinbidlu; jistgħu biss jiġu speċifikati b’mod iktar preċiż mill-Kunsilli. Ma jista’ jiġi miżjud l-ebda kap ta' akkuża ġdid.
Nista’ niġi akkużat b’reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?
Inti tista’ tiġi akkużat jekk ir-reat twettaq kontra ċittadin Grieg. Fil-każ ta’ delitti serji, il-liġijiet Griegi japplikaw għal kulħadd, irrispettivament mil-liġijiet fis-seħħ fil-post fejn twettaq id-delitt.
Inkun mgħarraf dwar ix-xhieda li għamlu dikjarazzjonijiet kontra tiegħi?
Dażgur. Inti tista’ tirċievi informazzjoni kemm matul din il-fażi kif ukoll qabel. Inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar kwalunkwe dettall fil-fajl tal-qorti.
Tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?
Le, l-informazzjoni tintalab mid-dipartiment rilevanti.
Il-perkwiżizzjonijiet, il-marki tas-swaba’ u d-DNA (4)
Nintalab nipprovdi marki tas-swaba’, kampjuni tal-materjal ġenetiku tiegħi (DNA) (eż. xagħar jew bżieq), jew fluwidi oħrajn tal-ġisem?
Jekk tiġi arrestat, inti tintalab tipprovdi l-marki tas-swaba’ tiegħek u inti obbligat li tagħmel dan. Huwa wkoll mandatorju li tipprovdi kampjun tad-DNA jekk ikun hemm indikazzjonijiet qawwija li inti wettaqt delitt serju. Fil-każ ta’ riżultat pożittiv għat-test tad-DNA, inti għandek id-dritt li titlob li terġa’ tiġi ttestjat; jekk dan ma jsirx, il-materjal ġenetiku meħud għandu jinqered.
Tista’ ssir perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħi (body search)?
Jista’ jkun li jkollok tgħaddi minn perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek jekk il-persuna li qed twettaq l-investigazzjoni tikkunsidra li dan ikun meħtieġ. Il-perkwiżizzjoni ma tridx toffendi d-dinjità tiegħek u trid issir f’post privat. Jekk inti mara, il-perkwiżizzjoni trid issir minn mara. Jekk inti tintalab tgħaddi ċertu oġġett jew dokument u inti tgħaddieh, inti ma għandekx tkun soġġett għal perkwiżizzjoni fuq il-persuna tiegħek.
Tista’ ssir perkwiżizzjoni f’dari, fil-bini fejn huwa stabbilit in-negozju tiegħi, fil-karozza tiegħi eċċ.?
Tista’ ssir perkwiżizzjoni fid-dar tiegħek sakemm il-perkwiżizzjoni ssir minn uffiċjal tal-qorti u minn uffiċjal investigattiv fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew ta’ investigazzjoni preliminari. Il-perkwiżizzjonijiet fil-karozzi jsiru jekk ikun hemm suspett qawwi li twettaq att kriminali jew jekk dan ikun assolutament meħtieġ.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.