Imputati (proċeduri kriminali)

Cipar

Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw x’jiġri meta persuna tkun issuspettata jew akkużata b’delitt li jiġi ttrattat fil-qorti.

Sadržaj omogućio
Cipar

Sommarju tal-proċess kriminali

Dan li ġej huwa sommarju tal-istadji normali fi proċess kriminali:

  • Persuna ssuspettata b’involviment f’reat tista’ tiġi interrogata mill-pulizija. Il-pulizija hija responsabbli mill-investigazzjoni ta’ delitt.
  • Il-persuna ssuspettata tista’ tiġi arrestata taħt mandat ġudizzjarju ħlief fil-każ ta’ reat flagranti.
  • Qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, il-persuna ssuspettata trid tiġi infurmata bid-dritt li tikkomunika ma’ avukat u trid tingħata t-twissija.
  • Jekk fl-aħħar tal-investigazzjoni tirriżulta evidenza inkriminanti kontra l-persuna ssuspettata, hija tiġi mixlija formalment mill-pulizija. F’każijiet kriminali serji d-deċiżjoni ta’ prosekuzzjoni tittieħed mill-Avukat Ġenerali (Genikos Eisaggeleas). Din is-setgħa tal-pulizija tibqa’ dejjem soġġetta għas-superviżjoni ġenerali tal-Avukat Ġenerali li, skont il-Kostituzzjoni, għandu s-setgħa li jistitwixxi, imexxi, jieħu f’idejh u jkompli jew iwaqqaf kull proċedura kriminali.
  • L-att tal-akkuża li jistabbilixxi r-reat(i) jiġi ppreżentat mill-pulizija lil imħallef distrettwali għall-approvazzjoni. Jekk jiġi approvat, l-akkużat jiġi msejjaħ biex jidher quddiem il-qorti f’data speċifikata.
  • Skont il-gravità tagħhom, kawżi kriminali jistgħu jinstemgħu: (a) sommarjament minn imħallef wieħed tal-Qorti Distrettwali (Eparchiako Dikastirio) b’ġuriżdizzjoni fid-distrett fejn twettaq ir-reat, (b) fuq informazzjoni mill-Avukat Ġenerali, mill-Qorti tal-Assize (Kakourgiodikeio)komposta minn tliet imħallfin tal-qorti distrettwali u ppreseduta minn president ta’ Qorti Distrettwali.
  • Fi proċeduri sommarji, fid-data li fiha l-akkużat jissejjaħ biex jidher quddiem il-qorti, hu jwieġeb għall-akkuża/i billi jiddikjara ruħu ħati jew mhux ħati. F’kawżi li jinstemgħu mill-Qorti tal-Assize, fid-data magħżula ssir inkjesta preliminari quddiem imħallef tal-qorti distrettwali. L-inkjesta preliminari tista’ ma ssirx jekk l-Avukat Ġenerali jiċċertifika li din ma tkunx neċessarja. Il-prassi segwita attwalment hija li l-inkjesta preliminari ma ssirx.
  • Il-vittma ta’ delitt għandha d-dritt li tippreżenta kwerela.
  • L-Avukat Ġenerali għandu r-responsabbiltà ġenerali għal prosekuzzjonijiet kriminali, inkluż id-dritt li jwaqqaf il-prosekuzzjoni.
  • F’Ċipru ma jsirux proċessi li jinstemgħu quddiem il-ġurati.
  • Jekk inkjesta tal-qorti tiddetermina li l-akkużat mhuwiex fi stat li jwieġeb ħati jew mhux ħati minħabba disturbi mentali jew inkapaċità oħra, il-qorti tista’ tordna li jiġi ttrattat f’istituzzjoni xierqa.
  • L-akkużat jista’ jressaq oġġezzjonijiet preliminari għall-akkużi fuq il-bażi ta’: (a) nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni, sostanzjali jew territorjali, (b) liberazzjoni jew kundanna preċedenti għall-istess att(i), (c) maħfra tar-reat(i), (d) akkużi inkompleti jew ripetuti.
  • Għal atti kriminali relatati, jistgħu jiġu akkużati aktar minn persuna waħda fl-istess att ta’ akkuża. Jekk dan jiġi kkunsidrat bħala inġust, il-qorti tista’ tordna li l-akkużi jinqasmu għall-finijiet tal-proċess.
  • Il-proċess jibda bil-provi tal-prosekuzzjoni (katigorousa archi). Malli l-prosekuzzjoni tagħlaq il-każ tagħha, il-qorti tiddetermina jekk l-akkużat għandux każ għal xiex iwieġeb. Jekk iva, l-akkużat jissejjaħ mill-Qorti biex jiddefendi lilu nnifsu u jiġi infurmat bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket jew li jagħmel dikjarazzjoni mill-iżbarra jew li jixhed taħt ġurament. L-akkużat jista’ f’kull ħin iressaq provi biex jiddefendi ruħu. Ebda inferenza negattiva ma tista’ tiġi inferita jekk wieħed jeżerċita d-dritt li jibqa’ sieket. Hekk kif id-difiża tagħlaq il-każ tagħha, il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet finali tagħhom u l-qorti tagħti s-sentenza tagħha.
  • Ix-xhieda kollha li jixhdu taħt ġurament fil-qorti jrid isirilhom kontroeżami.
  • Il-proċess għandu jżomm mal-istandards ta’ smigħ xieraq. Il-preżunzjoni tal-innoċenza topera tul is-smigħ kollu. L-oneru tal-provi f’kull ħin jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Jekk fl-aħħar tal-proċess il-qorti ma tkunx ċerta lil hinn minn kull dubju raġonevoli fir-rigward tal-ħtija tal-akkużat, dan irid jinħeles.
  • Jekk l-akkużat jiġi kkundannat, ikun imiss il-proċedura tal-għoti tas-sentenza.

Tista’ ssib id-dettalji dwar dawn l-istadji kollha fil-proċess u dwar id-drittijiet tiegħek fl-iskedi informattivi. Din l-informazzjoni mhijiex sostituzzjoni għal konsulenza legali u hija maħsuba biss bħala gwida.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Għandek tkun taf li l-Kummissjoni Ewropea ma għandha ebda rwol fil-proċeduri kriminali fl-Istati Membri u ma tistax tgħinek jekk għandek kwerela. F’dawn l-iskedi informattivi ssib informazzjoni dwar kif għandek tippreżenta kwerela u lil min għandek tindirizzaha.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issib l-informazzjoni li teħtieġ

Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni ta’ delitt

Id-drittijiet tiegħi matul il-proċess

Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.