- Fejn isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- X'jiġri jekk inwieġeb li jien ħati għal xi kapi ta' akkuża jew għall-kapi kollha ta' akkuża?
- Irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- Ikolli interpretu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- Ikolli avukat waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- Nista' nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- X'inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontrija?
- Titqies l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?
- X'jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?
- Is-sentenzi possibbli:
- X'inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Fejn isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-kawża tinstema' mill-qorti distrettwali/tal-belt jew, fil-każ ta' delitt serju, mill-qorti reġjonali. Ġeneralment il-lokalità tittependi mill-post fejn ikun twettaq id-delitt. Tingħata avviż bil-miktub.
Il-każ jinstema' f'qorti miftuħa għall-pubbliku, b'xi eċċezzjonijiet (reati sesswali; il-ħtieġa li jiġi protett sigriet statali, etc.).
Fil-Qorti tal-Prim'Istanza l-każ jiġi eżaminat minn imħallef wieħed imma l-Prim'Imħallef jista' jitlob li l-każ jiġi eżaminat minn kulleġġ ta' tliet imħallfin professjonisti. L-imħallef/ il-kulleġġ ta' mħallfin jiddeċiedu fuq il-każ.
Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
L-avukat ġenerali jista' jibdel il-kapi ta' akkuża waqt il-proċess b'oħrajn iktar/inqas serji.
Jekk l-avukat ġenerali jibdel il-kapi ta' akkuża għal oħrajn inqas serji, imma l-provi fattwali jibqgħu l-istess, il-kapi ta' akkuża l-ġodda jiddaħħlu fil-verbal tas-seduti tal-qorti.
Jekk il-kapi ta' akkuża jinbidlu għal oħrajn inqas serji filwaqt li l-provi fattwali jinbidlu, jew għal oħrajn iktar serji imma l-provi fattwali ma jinbidlux, il-kapi ta' akkuża l-ġodda għandhom jiddaħħlu fil-verbal tas-seduti tal-qorti. Tista' titlob li jinħarġu bil-miktub.
Jekk l-avukat ġenerali jibdel il-kapi ta' akkuża b'oħrajn iktar serji minħabba li jkunu ġew skoperti provi fattwali ġodda fir-rigward tad-delitt, il-qorti tista' tiddikjara li se tirtira u l-prosekutur għandu jippreżenta kapi ta' akkuża ġodda quddiem il-qorti fi żmien xahar.
L-informazzjoni dwar il-kapi ta' akkuża ġodda tintbagħat lilek, lill-avukat tiegħek, lill-vittma u lir-rappreżentant tal-vittma u tiġi indikata d-data tal-proċess.
X'jiġri jekk inwieġeb li jien ħati għal xi kapi ta' akkuża jew għall-kapi kollha ta' akkuża?
Jekk l-imputat iwieġeb li hu ħati dan jista' jfisser li tingħatalu piena inqas ħarxa. Dan japplika wkoll fil-każ li l-ammissjoni tal-ħtija tiddaħħal bħala parti mill-kapi ta' akkuża.
Jekk twieġeb li inti ħati tal-kapi kollha ta' akkuża l-każ jista' jiġi pproċessat mingħajr ma jiġu vverifikati l-provi u billi jiġu indirizzati biss il-provi li jirrigwardawk personalment, u l-kumpens taħt forma ta' danni. F'dan il-każ il-possibilitajiet ta' appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti jkunu limitati.
Irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Trid tkun preżenti fis-seduti tal-qorti f'kull mument sakemm tingħata s-sentenza. Tista' titlob li l-każ jinstema' fl-assenza tiegħek iżda f'dan il-każ jeħtieġ li jkun preżenti r-rappreżentant tiegħek.
Jekk tkun tinsab f'pajjiż ieħor/il-lok fejn tinsab ma jkunx magħruf/il-preżenza tiegħek fil-qorti mhix possibbli, il-każ jista' jinstema' in absentia. (jiġifieri mingħajrek)
M'għandekx id-dritt li tipparteċipa fil-proċess permezz ta' konnessjoni bil-vidjo minn Stat Membru ieħor.
Ikolli interpretu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-qorti tipprovdilek interpretu.
Ikolli avukat waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Inti trid tiddeċiedi jekk għandekx bżonn avukat. Huwa obbligatorju li jkollok avukat fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
- jekk inti minuri/għandek xi restrizzjonijiet legali/għandek xi diffikultajiet biex titgħallem;
- jekk tittieħed deċiżjoni fir-rigward ta' miżuri ta' koerċizzjoni ta' natura medika;
- jekk m'intix kapaċi teżerċita d-drittijiet proċedurali tiegħek minħabba inkapaċità fiżika/mentali;
- jekk inti illetterat/irċevejt livell baxx ta' edukazzjoni li ma jippermettilekx li teżerċita d-drittijiet proċedurali tiegħek;
- jekk inbdew negozjati mal-prosekuzzjoni biex jintlaħaq ftehim;
- jekk il-kawża qed tinsema' fl-assenza tiegħek.
F'każijiet bħal dawn jinħatarlek avukat u inti tista' taċċettah jew tirrifjutah ħlief meta jiġu applikati miżuri ġegħiela ta' natura medika. Għandek id-dritt li titlob avukat differenti.
Nista' nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Għandek id-dritt li tixhed u tesprimi l-opinjoni tiegħek fil-qorti. M'intix obbligat li tixhed - dan ma jistax jitqies bħala nuqqas ta' koperazzjoni mal-qorti. Għandek id-dritt li tixhed permezz ta' affidavit bil-miktub; Imbagħad il-qorti taqra x-xhieda tiegħek. M'intix obbligat li tinkrimina lilek innifsek; il-prosekutur għandu l-obbligu li jipprova l-ħtija tiegħek.
M'intix obbligat li tgħid il-verità; Ma tistax tinbeda kawża oħra kontrik minħabba li deliberatament tixhed il-falż/ tirrifjuta li tixhed. L-imġiba tiegħek tista' titqies meta tingħata s-sentenza imma ma tistax tiqies bħala ċirkostanza aggravanti.
X'inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontrija?
Tista' tippreżenta provi ġodda waqt il-proċeduri fil-qorti biex issaħħaħ l-alibi tiegħek, teżonera ruħek mir-responsabilità kriminali/tnaqqas il-ħtija u tirribatti l-provi tal-prosekuzzjoni.
Għandek id-dritt li tistaqsi xi mistoqsijiet lix-xhieda u lill-vittma, għandek id-dritt li ssejjaħ xhieda inklużi dawk li ma jkunux ġew eżaminati qabel; li tippreżenta dokument, provi fiżiċi/ elettroniċi; li titlob lill-qorti biex titlob il-preżentata ta' oġġetti/dokumenti.
Għandek id-dritt li tippreżenta provi tul il-proċess kollu tal-proċeduri fil-qorti - sal-mument meta l-qorti tiddikjara li ntemmet l-investigazzjoni tal-qorti.
Għandek id-drtt li tuża s-servizzi ta' investigatur privat. Il-qorti tevalwa l-provi kollha komplessivament meta tiddeċiedi dwar il-każ.
Il-qorti tiddeċiedi dwar jekk issejjaħx lix-xhieda tiegħek wara li tikseb l-opinjoni tal-partijiet l-oħra fil-proċeduri. Jekk it-talba tiegħek tinċaħad, tista' tibqa' terġa' tressaqha ripetutament.
Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda kollha fil-każ. Il-provi tagħhom jiġu analizzati fid-difiża li tippreżentaw inti/l-avukat tiegħek.
Titqies l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?
L-informazzjoni dwar il-kundanni mhux skontati titqies. Il-kundanni li jkunu tneħħew mill-kondotta minħabba l-preskrizzjoni jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni tal-personalità tiegħek. Dawn il-kundanni jitqiesu meta tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar il-piena, inkluż il-ħabs.
L-informazzoni dwar il-kondotta tiegħek tintalab waqt l-istadji tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni; din l-informazzjoni tista' tiġi ppreżentata waqt il-proċeduri fil-qorti. Il-qorti tqis il-kondotta tiegħek meta tagħti s-sentenza.
Il-liġi tippermetti li jkun hemm kuntatt bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor u li tintalab informazzjoni dwar il-kundanni preċedenti tiegħek f'dak l-Istat.
X'jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Il-qorti tiddeċiedi jekk issibekx ħati jew jekk tilliberakx, jew tagħti deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-proċeduri kriminali jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jissuġġerixxu li l-proċess m'għandux ikompli. Dan jiġri jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-kapi ta' akkuża, jew jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa' l-akkużi.
Is-sentenzi possibbli:
- sentenza ta' ħabs (minn 3 xhur sa 15-il sena, u għal reati serji, sa massimu ta' 20 sena/għomor il-ħabs);
- servizz lill-komunità (minn 40 sa 280 siegħa);
- multa (minn 3 sa 200 darba l-paga minima ta' kull xahar);
- qbid ta' proprjetà (il-proprjetà tinqabad mingħajr kumpens u tinżamm mill-Istat);
- estradizzjoni mil-Latvja (piena supplimentari: projbizzjoni mid-dħul mill-ġdid għal bejn 3 snin u 10 snin);
- limitazzjoni tad-drittijiet (piena supplimentari; projbizzjoni milli tipprattika xi tipi ta' attività kummerċjali jew kwalunkwe attività kummerċjali; ċerti attivitajiet professjonali/tipi oħrajn ta' attivitajiet; milli taċċetta ċerti karigi; milli tikseb xi permessi/liċenzji bil-liġi; minn sena sa 5 snin);
- probation (minn sena sa 3 snin).
X'inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?
Jiġi rikonoxxut li persuna hija vittma permezz ta' deċiżjoni tal-investigatur/prosekutur fuq talba tal-persuna stess bil-miktub. Il-qorti tista' tirrikonoxxi li persuna hija vittma sa meta jibda l-proċess tal-investigazzjoni tal-qorti.
Il-vittma tista' tippreżenta rikors għad- danni; tista' tippreżenta provi; tinfluwenza l-iżvilupp tal-każ (konċiljazzjoni mal-imputat, tagħti l-kunsens għal ftehim tal-prosekutur fir-rigward tas-sentenza, etc.).
Il-vittma tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar is-sentenza u d-danni mitluba waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-vittma tista' tappella kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza u sentenza tal-Qorti tal-Appell.
Links relatati
Lil-liġi dwar il-proċeduri kriminali
Il-liġi dwar ir-reġistru tal-pieni
Il-liġi dwar il-proċeduri ta' żamma taħt arrest
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.