Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Spanja għandha seba’ sistemi differenti sa fejn il-liġi tas-suċċessjoni hija kkonċernata. Dawn huma direttament applikabbli għar-residenti mhux Spanjoli f’kull territorju bil-leġiżlazzjoni tiegħu. Għaċ-ċittadini Spanjoli, il-kriterju taċ-ċittadinanza reġjonali jrid jiġi applikat (rabta ma’ kull ġuriżdizzjoni territorjali skont ir-regoli tal-liġi Spanjoli) f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012.

Safejn it-testmenti huma kkonċernati, trid issir distinzjoni bejn ir-regolarizzazzjoni tagħhom skont il-liġi ċivili komuni, kif stipulat permezz tal-Kodiċi Ċivili tal-1889 kif emendat bosta drabi, speċjalment miż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978, u r-regolarizzazzjoni tagħhom skont il-liġijiet lokali jew speċjali (derechos forales o especiales) ta’ dawk il-komunitajiet awtonomi b’ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili (il-Galizja, il-Pajjiż Bask, Navarra, Aragona, il-Katalonja u l-Gżejjer Baleariċi).

Skont id-dritt ċivili komuni, testment huwa t-titolu tas-suċċessjoni peress li, bħala regola ġenerali, ftehim ta’ suċċessjoni jew testment konġunt ma jiġix aċċettat.

Testment jista’ ikun:

- miftuħ, jiġifieri jiġi mfassal quddiem nutar, li jabbozzah u jżidu mar-reġistri notarili tiegħu. Dan huwa l-mod użwali kif isir testment;

- magħluq, jiġifieri jiġi mfassal quddiem nutar mingħajr man-nutar ma jkun jaf il-kontenut tiegħu. Din il-forma ma għadhiex qed tintuża;

- olografiku, jiġifieri huwa miktub, iffirmat u ddatat mit-testatur. Din il-forma mhijiex komuni.

Tista’ tiċċekkja l-liġi ċivili komuni ta’ Spanja fuq is-sit web tal-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat (Boletín Oficial del Estado) (https://www.boe.es/buscar/act.php?id=BOE-A-1889-4763).

Tista’ issib traduzzjonijiet ta’ dan it-test bl-Ingliż u bil-Franċiż fuq:  https://www.mjusticia.gob.es/es/areas-tematicas/documentacion-publicaciones/publicaciones/traducciones-derecho-espanol

Il-liġijiet lokali jew speċjali għandhom ir-regoli tagħhom stess dwar testmenti f’kull waħda mill-ġuriżdizzjonijiet territorjali li fihom japplikaw, b’tipi differenti u speċifiċi rikonoxxuti f’kull waħda minnhom. Xi wħud jaċċettaw testmenti konġunti u ftehimiet dwar is-suċċessjoni.

Tista’ ssib it-test ta’ kull regolament speċifiku għal-liġijiet lokali jew speċjali dwar: https://www.boe.es/biblioteca_juridica/index.php?tipo=C

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

It-testmenti magħmula quddiem nutar iridu jiġu rreġistrati min-nutar fir-Reġistru Ġenerali tat-Testmenti (Registro General de Actos de Última Voluntad) li jinżamm mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Jekk ikun hemm testment, dan ir-Reġistru jindika d-data tal-aktar testment reċenti, kull testment preċedenti u r-reġistri notarili uffiċjali li l-imsemmi testment jiġi elenkat fihom. Il-korpi professjonali notarili (Colegios Notariales) jistgħu jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar in-nutar jew l-arkivju fejn it-testment jista’ ikun jinsab jekk in-nutar li jawtorizza ma jkunx għadu fil-prattika (https://www.notariado.org).

Dan ir-Reġistru mhuwiex aċċessibbli pubblikament. Dan huwa aċċessibbli biss minn persuni li jistgħu jipprovaw li għandhom interess leġittimu fis-suċċessjoni ladarba t-testatur ikun miet, u, matul ħajtu jew ħajjitha, mit-testatur jew ir-rappreżentant speċjali tiegħu jew tagħha, jew permezz ta' ordni tal-qorti f'każ ta' inkapaċità.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-liġi komuni Spanjola tirriżerva parti mill-patrimonju, jew pjuttost l-assi li tinvolvi, għal ċerti qraba fil-forma ta’ sehem riżervat wara li jiġi inkluż il-valur tad-dispożizzjonijiet volontarji magħmula mit-testatur, inkluż inter vivos, u wara li jitnaqqas id-dejn. Skont il-Kodiċi Ċivili, “is-sehem riżervat huwa s-sehem tal-patrimonju li t-testatur ma jistax jiddistribwixxi billi dan is-sehem huwa riżervat mil-liġi lil ċerti werrieta, riferuti bħala “eredi legali”.

L-eredi legali huma:

  • It-tfal u d-dixxendenti tal-ġenituri u l-axxendenti tagħhom.
  • Fin-nuqqas ta’ dawn ta’ hawn fuq, il-ġenituri u l-axxendenti tat-tfal u d-dixxendenti tagħhom.
  • L-armla jew l-armel bil-mod previst bil-liġi.

Is-sehem riżervat tat-tfal jew tad-dixxendenti jikkonsisti f’żewġ terzi tal-patrimonju ereditarju tal-missier u tal-omm. Madankollu, huma jistgħu jiddistribwixxu żewġ terzi li jifformaw is-sehem riservat sabiex jittejjeb il-wirt tat-tfal jew tad-dixxendenti tagħhom. Il-kumplament tat-terz jiġi ddistribwit b’mod liberu. Dan huwa kkaratterizzat billi jiġi attribwit dritt fuq il-patrimonju sħiħ, bi ftit eċċezzjonijiet, billi dan huwa b’mod ġenerali pars bonorum.

Is-sehem riżervat tal-axxendenti jikkonsisti f’nofs il-patrimonju tal-missier u tal-omm, sakemm il-konjuġi ma jkollux ukoll sehem, f’liema każ is-sehem riżervat ikun jikkonsisti minn terz.

Is-sehem riżervat allokat lill-konjuġi mhux legalment separati jikkonsisti fl-użufrutt ta’ żewġ terzi tal-assi tal-patrimonju fin-nuqqas ta’ axxendenti u dixxendenti. Jekk ikun hemm id-dixxendenti, dan jikkonsisti fl-użufrutt ta’ wieħed miż-żewġ terzi li jikkorrispondu għad-dixxendenti. Jekk ikun hemm biss l-axxendenti, dan jikkonsisti fl-użufrutt ta’ nofs, li l-werrieta jistgħu jħallsu bi flus kontanti.

Il-liġijiet lokali jew speċjali fihom diversi regoli li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma riżervati. Kull waħda minn dawn ir-regoli trid tiġi eżaminata sabiex jiġu ddeterminati l-aspetti speċifiċi rregolati f’kull waħda minn dawn il-ġuriżdizzjonijiet territorjali, li jifirxu mis-sehem riservat ta’ pars bonorum għal pars valorum li jinvolvi dritt għal sehem tal-valur tal-proprjetà, li jitħallas fi flus kontanti u huwa dritt sempliċi ta’ kreditu, bħal pereżempju fil-Katalonja, u anki sehem simboliku riżervat bħal f’Navarra, li jirrikjedi biss formulazzjoni ritwali fit-testment tat-testatur rigward min irid iħallas.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Għal darb’oħra jenħtieġ li nżommu f’moħħna li Spanja għandha seba’ sistemi legali għal kwistjonijiet ta’ wirt.

Fil-liġi ċivili komuni, jekk ma jkunx hemm werrieta intitolati taħt testment il-liġi tqassam il-patrimonju fl-ordni ta’ prijorità li ġejja: 1. id-dixxendenti; 2. l-axxendenti (fiż-żewġ każijiet il-konjuġi li għandhom dritt ta’ użufrutt fuq terz jew nofs il-patrimonju, rispettivament); 3. il-konjuġi mhux legalment separati; 4. il-qraba sar-raba’ grad (l-ewwel kuġini); 5. l-Istat.

Il-liġijiet lokali fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar dan is-suġġett. Barra mill-possibbiltà ta’ wirt mill-qraba, il-liġijiet lokali jirrikonoxxu l-possibbiltà ta’ wirt mill-komunità awtonoma ta’ residenza tat-testatur, u anke minn istituzzjoni speċifika, fil-forma u skont it-termini stipulati fir-regoli li jirregolaw din il-kwistjoni.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fin-nuqqas ta’ trasferiment ta’ proprjetà mal-mewt, in-nutara għandhom l-awtorità li jistabbilixxu l-partijiet li huma intitolati li jirtu l-patrimonju skont il-liġi (dikjarazzjoni tal-eredi).

Jekk xi waħda mill-partijiet ikkonċernati jikkontestaw l-istatus tal-eredi, l-assi li jinkludu l-wirt jew id-diviżjoni tal-wirt, it-tilwima tiġi solvuta mill-qrati fil-proċedimenti legali korrispondenti.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Bħala regola ġenerali, dikjarazzjoni ta’ rinunzja jew aċċettazzjoni tal-wirt issir quddiem nutar. Għalkemm l-aċċettazzjoni espliċita tal-wirt tista’ tingħata wkoll f’dokument privat, fejn hemm involut għoti ta’ proprjetà, jew għal skopijiet ta’ evidenza, jenħtieġ dokument notarili pubbliku. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-intervent possibbli ta’ Konsulat Spanjol jew uffiċjal diplomatiku awtorizzat biex iwettaq funzjonijiet notarili.

L-aċċettazzjoni tista’ tkun impliċita (mogħtija permezz ta’ strumenti li neċessarjament jimplikaw volontà ta’ aċċettazzjoni, jew li biss persuni bl-istatus ta’ eredi huma intitolati li jippromulgaw.

Kwalunkwe persuna li tista’ tistabbilixxi li għandha interess fl-werriet li jirrinunzja jew jaċċetta s-suċċessjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lin-nutar biex jinforma lill-werriet li għandu 30 jum kalendarju biex jaċċetta jew jirrinunzja għas-suċċessjoni.

Jekk il-werriet jirrinunzja għas-suċċessjoni tiegħu/tagħha, il-kredituri jistgħu jressqu rikors quddiem il-qorti biex tawtorizzahom jaċċettawha f’isem il-werriet sabiex ikopru l-ammont dovut.

Aċċettazzjoni parzjali jew kondizzjonali mhijiex permessa. Il-werriet jista’, madankollu, jaċċetta s-suċċessjoni u mhux il-legat, jew vice versa.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

L-istess awtorità bħal dik tas-suċċessjoni, kif deskritta fit-taqsima ta’ hawn fuq.

Madankollu, bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ aċċettazzjoni parzjali, jekk ikun hemm diversi legati li ma jeħtiġux ħlas ta’ korrispettiv sabiex tirċevihom (jew jekk il-legati kollha jeħtieġu tali korrispettiv), legatarju jista’ jaċċetta jew jirrinunzja għalihom individwalment. Dak li legatarju mhuwiex permess li jagħmel huwa jirrinunzja għal dawk li jeħtieġu korrispettiv u jaċċetta dawk li ma jeħtiġux korrispettiv.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Is-sehem riżervat innifsu ma jistax jiġi rinunzjat jew aċċettat; pjuttost, dan jiġi riċevut permezz ta’ legat jew għoti tal-inventarju, ħlief fil-każ ta’ azzjoni legali biex jiġi ddeterminat il-ħlas ta’ ammont jew proprjetà li għandha titħallas mill-patrimonju.

Il-Kodiċi Ċivili jippermetti li legatarju jirrinunzja għas-suċċessjoni u jaċċetta t-titjib tal-wirt (li huwa wieħed miż-żewġ terzi tas-sehem riżervat tad-dixxendenti).

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Jekk ikun hemm testment u t-testatur ikun ħatar eżekutur, dan tal-aħħar ikollu l-awtorità li jħallas l-ispejjeż tal-funeral u kwalunkwe legat, iżomm il-proprjetà f’kundizzjoni tajba, jiddefendi l-validità tat-testment u jiżgura l-infurzar tiegħu.

Jekk tinħatar persuna responsabbli mill-qsim (contador-partidor), din il-persuna tkun responsabbli għad-diviżjoni tal-wirt. Il-persuna responsabbli mill-qsim tista’ tinħatar mit-testatur, mill-werrieta permezz ta’ ftehim reċiproku, mill-iskrivan tal-qorti (secretario judicial) jew min-nutar fuq l-istruzzjoni tal-werrieta u l-legatarji li jirrappreżentaw 50 % tal-assi tal-patrimonju.

Fin-nuqqas ta’ persuna responsabbli mill-qsim jew fil-każ ta’ qsim mit-testatur, il-werrieta jistgħu jiddistribwixxu l-patrimonju bejniethom skont kif iqisu xieraq.

Fil-prattika, fiż-żewġ każijiet, id-diviżjoni tal-wirt u l-għoti tal-proprjetà jsiru quddiem nutar għall-finijiet ta’ evidenza u għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet.

Meta ma tkunx inħatret persuna responsabbli mill-qsim u werriet jitlob dan, id-diviżjoni tista’ issir mill-qrati. Il-qrati jaħtru espert biex jistma’ il-proprjetà u persuna responsabbli mill-qsim biex taqsam il-wirt. Barra minn hekk, jekk jintalab, il-ħatra ta’ amministratur u t-teħid ta’ inventarju tal-assi mill-qrati jistgħu wkoll jiġu miftiehma minn qabel. Id-diviżjonijiet magħmula mill-persuna responsabbli mill-qsim (bi kwalunkwe modifika li l-imħallef jista’ jagħmel jekk werriet jopponihom) jiddaħħlu fir-reġistri notarili.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Dawk il-persuni intitolati għal wirt jew għal legat bil-liġi jew permezz ta’ trasferiment ta’ proprjetà causa mortis isiru werrieta jew legatarji hekk kif jaċċettaw is-suċċessjoni jew il-legat (ara t-Taqsima 5.2).

L-effetti ta’ aċċettazzjoni japplikaw retroattivament mill-mument tal-mewt tat-testatur.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Fil-każ ta’ aċċettazzjoni jew aċċettazzjoni totali li ma tibbenefikax minn inventarju, l-eredi jkun responsabbli għad-dejn kollu tas-suċċessjoni, li l-ħlas tagħhom jista’ jinvolvi mhux biss il-proprjetà li intirtet iżda wkoll il-proprjetà proprja tal-eredi.

Fil-każ li l-wirt jiġi aċċettat bil-benefiċċju tal-inventarju, l-eredi huwa obbligat iħallas id-dejn u obbligi oħrajn tas-suċċessjoni biss sal-limitu tal-assi tal-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

L-istatus ta’ eredi jew legatarju ġeneralment ma jirriżultax mir-rekord tar-Reġistru tal-Proprjetà (Registro de la Propiedad) dwar id-dritt ta’ proprjetà immobbli speċifika għax dan l-istatus ma jagħtix dritt in rem għal proprjetà speċifika. L-iktar l-iktar jista’ jirriżulta f’entrata proviżorja. L-eredi għandhom dritt proporzjonali għall-patrimonju kollu. Il-legatarji għandhom dritt personali li jitolbu li l-eredi jittrasferixxu kwalunkwe proprjetà mogħtija lilhom. It-trasferiment effettiv tad-drittijiet jeħtieġ l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni jew tal-legat u l-għoti ta’ proprjetà speċifika. F’ċerti każijiet biss (bħal dawk ta’ eredi uniku, proprjetà unika, jew ta’ legatarju awtorizzat li jieħu pussess uniku) huwa possibbli li jiġu rinunzjati d-diviżjoni u l-għoti tal-patrimonju.

Sabiex tiġi rreġistrata l-proprjetà immobbli, jenħtieġ att pubbliku ta’ aċċettazzjoni tas-suċċessjoni u tal-għoti tal-proprjetà (redatt quddiem nutar) jew deċiżjoni tal-qorti. Dan l-att irid jinkludi, jew ikun akkumpanjat minn dokumenti addizzjonali, it-titolu tas-suċċessjoni (testment, dikjarazzjoni tal-eredi, ftehim fejn permess), iċ-ċertifikat sħiħ tal-mewt u ċ-ċertifikat maħruġ mir-Reġistru Ġenerali tat-Testmenti. Il-ħlas tat-taxxi fuq it-trasferiment causa mortis huwa wkoll meħtieġ.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta’ amministratur (administrador) mhijiex meħtieġa skont il-liġi Spanjola; madankollu, tali ħatra tista’ tiġi miftiehma fil-proċess ta’ diviżjoni tal-wirt, skont ċerti ċirkostanzi.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Jekk jissemma eżekutur (albacea) fil-testment (skont il-liġi komuni), huwa jew hija j/tamministra l-patrimonju (ara t-Taqsima 6)

It-testatur jista’ ukoll jaħtar, fil-testment, persuna responsabbli mill-qsim tal-patrimonju li tistma’ il-proprjetà u taqsam l-assi.

B’mod ġenerali, jistgħu jinħatru tliet persuni — eżekutur, persuna responsabbli mill-qsim u amministratur — li kollha kemm huma għandhom setgħat amministrattivi li jistgħu jinbidlu mit-testatur jew mill-qorti u, f’xi każijiet, mill-werrieta nfushom.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Id-doveri prinċipali għall-amministrazzjoni tal-patrimonju huma kif ġej:

  • Rappreżentazzjoni tal-patrimonju,
  • Preżentazzjoni perjodika tal-kontijiet,
  • Konservazzjoni tal-istat ta’ kundizzjoni tal-proprjetà tal-patrimonju u kwalunkwe att ta’ ġestjoni ieħor li jista’ jitqies meħtieġ.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dikjarazzjoni ab intestato tal-eredi hija att notarili li jagħti prova tal-istatus tal-eredi legali u s-sehem korrispettiv tagħhom.

L-att pubbliku ta’ aċċettazzjoni u ta’ diviżjoni (u ta’ trasferiment ta’ legati, fejn rilevanti) redatt quddiem nutar u bi ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati jassenja sjieda ta’ assi speċifiċi tal-patrimonju.

Jekk is-suċċessjoni titressaq quddiem qorti, id-deċiżjoni li tordna d-diviżjoni (u r-riżoluzzjoni, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe tilwima) tikkostitwixxi titolu suffiċjenti u trid tiġi fformalizzata quddiem nutar kif previst mil-liġi.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 14/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.