Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Skont il-liġi Pollakka, it-trasferiment causa mortis jista' jiġi redatt biss fil-forma ta' testment. Madankollu, it-testmenti konġunti huma pprojbiti. Dawn il-forom ta' testmenti li ġejjin huma aċċettati:

  • testment olografiku li jinkiteb kollu, jiġi ddatat u ffirmat mit-testatur;
  • testment notarili redatt minn nutar fil-forma ta' att notarili;
  • testment magħmul oralment fil-preżenza ta' żewġ xhieda quddiem sindku ta' muniċipalità (wójt) (sindku ta' belt żgħira (burmistrz) jew il-kap tal-amministrazzjoni tal-belt żgħira (prezydent miasta));
  • testment orali (li jista' jsir biss minn persuna li qiegħda tistenna li tmut b'mod imminenti, meta jkun impossibbli jew ferm diffiċli biex tagħmel testment bil-metodi deskritti hawn fuq) magħmul fil-preżenza ta' tliet xhieda.

Dwar dak li għandu x'jaqsam ma' ftehimiet ta' suċċessjoni, jiġu aċċettati biss ftehimiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni. Dan il-ftehim jista' jiġi konkluż mit-testatur futur u mill-werriet statutorju, u jeħtieġ il-forma ta' att notarili sabiex ikun validu.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Sabiex testment ikun validu ma hemmx għalfejn jiġi rreġistrat. It-testmenti redatti fil-forma ta' att notarili jew iddepożitati ma' nutar jistgħu jiġu rreġistrati mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nutara (Krajowa Rada Notarialna).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

L-ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta' testatur sabiex isemmi werriet jew werrieta ma hija imposta mil-leġiżlazzjoni Pollakka. Id-dritt għas-sehem riżervat ukoll ma jillimitax il-libertà ta' testatur sabiex jiddisponi liberament mill-beni tiegħu, iżda jipproteġi l-interessi tal-qraba stretti u tal-konjuġi tat-testatur, li huma intitolati għall-pagament ta' somma speċifika ta' flus.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Ir-regoli li ġejjin japplikaw fin-nuqqas ta' testment:

Jekk il-mejjet ma kienx miżżewweġ u ma kellux tfal, jirtu l-ġenituri tiegħu. Jekk wieħed mill-ġenituri jkun mejjet fi żmien il-ftuħ tas-suċċessjoni, sehem dan il-ġenitur jinqasam b'mod ugwali fost l-aħwa tat-testatur. Jekk wieħed mill-aħwa tat-testatur imut qabel ma tinfetaħ is-suċċessjoni u jħalli xi dixxendenti, sehmu jinqasam b'mod ugwali bejn id-dixxendenti. Jekk ma jkunx hemm aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-wirt kollu jinqsam b'mod ugwali bejn in-nanniet tat-testatur. Jekk wieħed min-nanniet jkun mejjet fi żmien il-ftuħ tas-suċċessjoni, sehem dan in-nannu jew in-nanna jintiret mid-dixxendenti tiegħu jew tagħha. Jekk nannu jew nanna li jkun miet / tkun mietet qabel ma tinfetaħ is-suċċessjoni ma jkollux / ma jkollhiex dixxendenti, sehmu / sehemha jinqasam b'mod ugwali bejn in-nanniet l-oħra. Jekk ma jkunx hemm qraba intitolati biex jirċievu l-wirt skont il-liġi, il-wirt imur fil-muniċipalità tal-aħħar residenza tat-testatur. Jekk ikun impossibbli li jiġi ddeterminat fejn it-testatur irrisjeda l-aħħar fil-Polonja jew jekk it-testatur irrisjediex barra mill-pajjiż, il-wirt imur għand it-Teżor tal-Istat.

Jekk il-mejjet ma kienx miżżewweġ u kellu t-tfal, dawn it-tfal biss jirtu.

Jekk il-mejjet iħalli konjuġi, dan il-konjuġi jsir l-uniku werriet jekk ma jkunx hemm dixxendenti, ġenituri, aħwa jew dixxendenti tal-aħwa.

Jekk il-mejjet iħalli warajh konjuġi u tfal, il-wirt jinqasam b'mod ugwali bejniethom. Madankollu, il-konjuġi ma jistax jirċievi anqas minn kwart tal-wirt. Jekk il-mejjet iħalli konjuġi li miegħu jew magħha kellu stabbilita proprjetà konġunta statutorja, il-konjuġi susperstiti jirċievi nofs il-propjeta konġunta għat-temma tal-proprjetà konġunta, filwaqt li n-nofs l-ieħor ikun jifformma l-parti tal-wirt tad-de cujus.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Applikant għandu jmur għand in-nutar jew il-qorti li kellhom ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post tar-residenza tat-testatur.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja jew l-aċċettazzjoni tal-wirt jitressqu quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tar-residenza jew tal-permanenza tal-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni, jew quddiem nutar. Fil-każ ta' persuni li jirrisjedu barra mill-pajjiż, dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu riċevuti mill-konsli.

L-awtoritajiet speċifikati fil-mistoqsija preċedenti.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemmx riżervi fil-liġi Pollakka. Madankollu, jista' jintalab il-pagament ta' sehem riżervat tal-patrimonju, jiġifieri ta' ammont ta' flus adegwat. Id-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja jew l-aċċettazzjoni ta' sehem riżervat tal-patrimonju ma jiġux ippreżentati.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-persuna li tixtieq takkwista dokument li jikkonferma l-istatus tagħha bħala werrieta tista' tippreżenta rikors għal dikjarazzjoni mill-qorti biex tikseb il-wirt, jew tikseb att irreġistrat mingħand nutar li jikkonferma d-dritt li tikseb il-wirt. Jekk ikun hemm diversi werrieta, il-patrimonju jista' jiġi diviż fuq it-talba tagħhom, mill-qorti bi proċeduri għall-qsim tal-patrimonju jew minn nutar skont ftehim għall-qsim tal-patrimonju fil-forma ta' att notarili.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna ssir rispettivament werrieta jew legatarja mal-ftuħ skont il-liġi tas-suċċessjoni (madankollu, is-suċċessjoni tista' tiġi rrinunzjata).

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Fil-prinċipju, werriet għandu responsabbiltà mhux limitata għad-djun tal-mejjet. Werriet jista' jillimita r-responsabbiltà tieħu f'dan ir-rigward billi jaċċetta l-wirt taħt il-benefiċċju tal-inventarju. F'dan il-każ, werriet għandu jagħmel id-dikjarazzjoni adattata quddiem nutar jew il-qorti kompetenti fi żmien sitt xhur mid-data li fiha huwa jkollu konjizzjoni tal-wirt. Il-werrieta huma konġuntement responsabbli għad-djun tal-mejjet.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Sabiex il-propjetà immobbli li tkun tagħmel parti minn wirt tiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet jew tal-ipoteki, il-werriet irid bħala regola jippreżenta d-dokumenti li jikkonfermaw l-istatus tiegħu bħala werriet, jiġifieri dikjarazzjoni tal-qorti li tikkonferma l-ksib tal-wirt jew ċertifikat notarili tas-suċċessjoni.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

L-ewwel nett, skont il-liġi Pollakka, amministratur tal-patrimonju jista' jinħatar ex officio jew fuq talba meta, għal xi raġuni, ikun hemm riskju li l-patrimonju ma jinqasamx kif intiż. Għal dan l-għan, il-parti interessata għandha tippreżenta rikors lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizjoni fuq il-beni tat-testatur sabiex turi li hija werrieta jew legatarja, jew li hija intitolata għal sehem riżervat tal-patrimonju. Rikors jista' jiġi wkoll ippreżentat mill-eżekutur testamentarju, mill-koproprjetarju tal-beni, minn persuna intitolata konġuntement għad-drittijiet ta' testatur, minn kreditur bi prova bil-miktub dwar dejn mit-testatur, jew mill-uffiċċju tat-taxxa.

It-tieni, fil-każ ta' wirt li ma ssirx talba għalih, il-qorti taħtar ex officio jew fuq talba, amministratur tal-patrimonju.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fil-wirt tiegħu, testatur jista' jaħtar lill-eżekutur li jamministra l-patrimonju, wara l-mewt tat-testatur.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-eżekutur testamentarju għandu jamministra l-patrimonju, iħallas id-djun tas-suċċessjoni, b'mod partikolari jeżegwixxi legati u istruzzjonijiet u sussegwentement iqassam il-patrimonju lill-werrieta skont it-testment u l-leġiżlazzjoni relevanti u, f'kull każ, immedjatament wara l-qsim tal-patrimonju.

L-eżekutur jista' jfittex u jiġi mfittex għal kwistjonijiet li jqumu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, għal parti minnu organizzata jew għal element essenzjali speċifiku. Huwa jista' jibda kawżi quddiem il-qrati fi kwistjonijiet dwar drittijiet marbutin mal-wirt, u jista' jiġi mfittex dwar kwistjonijiet marbutin mad-djun tas-suċċessjoni

L-eżekutur għandu wkoll joħroġ is-suġġett ta' legat speċifiku lill-persuna li saritilha dan il-legat.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Persuna li hija l-werriet statutorju trid tippreżenta kopji tad-dokumenti xierqa tal-istatus ċivili sabiex turi r-relazzjoni tagħha mal-mejjet (pereż: iċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ). Werriet jew legatarju għandu jippreżenta testment sabiex juri d-drittijiet tiegħu għall-wirt.

L-aħħar aġġornament: 20/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna